Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Scholarships barranin
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx kien hemm prospetti ta' foreign scholarships fuq studju agrikolu li l-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd kellu għad-dispożizzjoni ta' l-impjegati tiegħu? Hemm xi scholarships pendenti bħalissa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kien hemm diversi opportunitajiet ta' scholarships fuq studji agrikoli hemm għall-impjegati tad-Dipartiment kif ukoll għal persuni oħra interessati. Dawn l-ischolarships ġew meħuda sakemm ippermettew il-fondi addizzjonali li jkun hemm il-ħtieġa li joħrog id-Dipartiment, u skond il-Kwalifika meħtieġa.
Hemm diversi opportunitajiet ta' scholarships bħal issa. Kull minn hu nteressat għandu javviċina d-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Billi l-Gvern preċedenti kien beda jħejji sabiex jwaqqaf skola tas-sajd, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jkompli miexi fuq l-istess triq? Jekk iva, minn huma l-uffiċjali fil-ministeru responsabbli minn dan il-proġett u x'target dates għandhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nikonsidraw li t-twaqqif ta'istitut għall-istudju xjentifiku tas-sengħa tas-sajd huwa pass importanti fl-iżvilupp tas-sajd f'pajjiżna u għalhekk qed jiġi kkunsidrat bħala parti mill-eżercizzju ta'ristrutturazzjoni li qed jiġi ppjanat fi ħdan il-Ministeru kollu tiegħi.
Billi s-Sezzjoni Urban & Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura kienet bdiet tikkordina diversi proġetti mal-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex toħloq karatteristika agrituristika moderna bħal fil-każ ta' Ġnien Barnuża Ħamra, fil-Baħrija u ġonna oħrajn ta' Cindirella, "Snow White & the 7 Dwarfs" maħsuba biex isiru fil-Kunċizzjoni u tas-Salib l/o Rabat għall-istess għan, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk dawn il-proġetti li kienu maħsuba humiex se komplu jitwettqu sabiex it-tfal Maltin u turisti jkollhom ġonna fil-kampanja li jestendulhom rikreazzjoni aktar għal qalbhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-policy ta' ko-operazzjoni mal-Kunsilli Lokali kollha u mhux ma tar-Rabat biss ser titkompla. Proġetti li jtejbu l-potenzjal agrituristiku tal-pajjiż ikunu jistgħu jitwettqu skond il-finanzi u r-risorsi li jkunu allokati għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għal ġnien f'Ta' Xlejli, fil-Gudja? Meta huwa maħsub li dan il-ġnien jitlesta u f'idejn min huwa fdat dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ġnien f'ta' Xlejli fil-Gudja jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali u għalhekk, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dekasteru tiegħu (i) każwali u (ii) bil-kuntratt u għal liema pożizzjonijiet f'kull każ?
Jista' jgħid kemm minn dawn ġie mitmum l-impieg/ingaġġ tagħhom jew għalqilhom it-terminu u ma ġġeddidx, inkluż dawk fuq bordijiet, governattivi, parastatali jew ta' kull xejra oħra, mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn?
Fil-każijiet kollha separatament, jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mħallas kumpens fejn applikabbli lil dawk fuq imsemmijin li ma baqgħux ingaġġati mill-Gvern preżenti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Taħt id-dekasteru tal-Ministeru ta'l-Agrikoltura u Sajd hemm
(i) Ħames (5) impjegati nisa każwali li kollha jagħmlu xogħol ta' typing.
(ii) Bħalissa hemm sittax (16) il-ħaddiem li qegħdin bil-kuntratt. Fost dawn hemm żewġ esperti barranin.
Kien hemm tlett (3) ħaddiema li kienu b'kuntratt ta' xogħol marbut mal-Ministru precedenti, jiġifieri iż-żewġ xufiera u l-Personal Assistant. Dawn huma kuntratti li jiġu terminati awtomatikament malli jkun hemm bidla fil-Ministru.
Jaf il-Ministru li ċertu kuntrattur qed jarmi kwantita' ta' ħamrija tajba għal ġot-Tarzna fejn wara qed tmur tintrema ġol-baħar?
Billi jien informat li din il-ħamrija hi tajba (għajr għal ftit ġebel li fiha), jista' d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jinvestiga bis-serjeta' ħalli din il-ħela ta' ħamrija ma tkompliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-Dipartiment tal-Agrikoltura diġa ħa passi sabiex dan il-materjal ta' ħamrija mħallta mal-ġebel jintuża bħala 'subsoil' ġo Corradino Grounds li għandhom bżonn xi 6,400 metru kubu. Madwar 4,000 metru kubu ser jiġu maħżuna fil-qrib biex 'il-quddiem jintużaw fil-post stess biex jitħawlu xi siġar u arbuxelli. Materjal żejjed għandu jinġarr għall-mixtla ta' Wied Incita.
Ministeru tal-Biedja u Sajd — Segretarju Permanenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-ministeru tiegħek dwar il-punti mqajjma f'korrispondenza tas-26 ta' Settembru 1998 lis-segretarju permamenti tal-Ministeru tiegħek dwar "il-bżonn urġenti li s-settur ta' l-inbid Malti jiġi regulat in linja man-normi ta' l-Unjoni Ewropea"?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema korrespondenza qed jirreferi. Abbozz ta' liġi ġdida dwar l-inbid qed tiġi diskussa fil-Wine Advisory Board.
Jista' l-Ministru jgħid jekk triq pubblika li kienet ġiet arbitrarjament imkissra minn sidien ta' barriera fil-kontrada ta' Bassasa limiti taż-Żurrieq li huma ġew misjuba ħatja ta' dan ir-reat, hijiex se tiġi rranġata billi tiġi mogħtija wiċċ tal-konkos jew inkella jekk humiex se jiġu mqabbda l-istess sidien tal-barriera jagħmlu l-istess xogħlijiet a spejjeż tagħhom sabiex tieqaf is-sofferenza inutli li għaddejjin minnha dawk li jużaw l-istess triq?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-dipartiment ta'l-Agrikoltura m'għandu l-ebda talba formali mill-bdiewa biex tiġi rranġata xi triq tal-bdiewa fl-inħawi tal-Bassasa limiti taż-Żurrieq.
Is-Suggeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi kunsidrat.
Jistgħu jiġu surfaced sew il-passaġġi fil-Mall, il-Furjana? Jistgħu jiddawlu l-monumenti fl-istess ġonna? Jista' jitkompla t-tqegħid ta' ħadid fuq il-ħitan ta' madwar il-mall - xogħol li ilu ppjanat li jsir ta' lanqas mill-bidu tas-snin disgħin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ix-xoghol indikat qed jiġi kkunsidrat fl-imkien ma talbiet simili.
Jista' l-Ministru jgħid x'regolamentazzjoni teżisti, jekk teżisti, fuq it-trobbija tal-fniek b'mod kummerċjali? X'restrizzjonijiet jeżistu lokalment biex issir din l-attivita' ekonomika?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jeżistu gwidi dipartimentali li jirregolaw dawk li jkunu jridu jibnu razzett għall-fniek. Ir-restrizzjonijiet huma dawn:
1. Il-bini ma għandux isir fuq art agrikola tajba.
2. Il-bini ma għandux isir f'xi żona li hi ambjentalment sensittiva.
3. L-individwu jrid ikunu aġġornat dwar it-trobbija tal-fniek.
4. L-applikant irid ikun il-bidwi tal-art jew għandu l-permess tiegħu.
5. Irid ikun hemm distanza raġjonevoli minn żona urbana.
6. Irid jagħmel pjanti li jkunu teknikament adattati għat-trobbija tal-fniek, kif deskritti mill-guidelines hawn mehmuża.
7. Irid jostor il-bini kemm jista' jkun b'siġar u pjanti u ma jkollux bini aktar għoli milli huwa meħtieġ.
8. Irid jintrabat li juża dan il-bini għal dan l-iskop biss.
9. Jekk issir biċċerija, jeżistu regolamenti oħra.
Barra minn dawn hemm dipartimenti oħra li jistgħu jiesiġu kundizzjonijiet oħra. Dawn jinkludu id-Dipartiment tad-Dranaġġ, u il-Water Services Corporation.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jkompli jonora l-protocoll li l-Gvern preċedenti għamel mal-Gvern Libjna sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali fl-oqsma tal-Biedja u Sajd?
Jekk iva, x'inhuwa l-programm tal-Gvern għal kontinwazzjoni ta' dan il-protocoll?
Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet li dan il-proġett se jiġi abbandunat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fl-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd, il-Ministeru tiegħi għandu l-intenzjoni li jsegwi il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan kif espress fl-Agreed Minutes tas-19 il-Sessjoni tal-Maltese Libyan Arab Joint Commission ta' Ġunju 1998, liema sessjoni saret taħt l-awspici tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta u kemm-il darba ħarġet it-tender sabiex tinxtara l-makna l-ġdida tal-ħasil tal-kaxxi "dugħ" għall-Pitkalija Crates Ltd?
Meta fil-fatt se tiġi stallata?
Kemm fil-fatt sewa l-maħżen li bniet l-ammistrazzjoni preċendenti sabiex il-Pitkali Crates Ltd tkun tista' tistalla din il-makna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Infakkar l-Onor. Interpellant li t-Tenders sabiex l-magna l-ġdida tal-ħasil tad-dugħ għall-Pitkali Crates Ltd., kienu iffirmati minnu stess.
It-Tenders għax-xiri ta' din il-magna ħarġet darbtejn, darba fl-1 t'Awissu 1997 u darba fl-24 ta' Frar 1998. Minn informazzjoni miġbura mill-Pitkali Crates Ltd., din il-magna ser tiġi nstallata għall-ħabta tal-bidu ta' Diċembru 1998.
Nerġa nfakkar l-Onor. Interpellant li t-Tender sabiex jinbena it-tieni sular fuq il-Pitkali Crates Ltd., ħarġet fi żmienu u ġiet iffirmata minnu. It-Tender kienet ta' Lm63,000. Nixtieq ukoll infakkar l-Onor. Interpellant li t-tieni sular sar għall-ħażna tal-kaxxi u mhux biex tkun installata il-magna l-ġdida ġo fiħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet f'tunnellaġ u ċifra ta' flus il-bejgħa li niżlet minn Għawdex fil-Pitkalija Ċentrali f'Ta'Qali din is-sena?
X'kien fil-fatt it-tunnellaġġ u ċ-ċifri matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul din is-sena jiġifieri bejn Jannar u Settembru 1998 minn Għawdex niżlu prodotti b'dawn l-ammonti ta' flus għal Pitkalija ta' Malta.
Pitkalija Malta Lm768,603
Co-Op Malta Lm 70,673
Matul l-aħħar ħames snin l-ammonti huma kif ġej:
Pitkali Malta F.C.C.S. Total
Lm Lm Lm
1993 541,686 81,414 623,100
1994 595,962 99,886 695,848
1995 559,094 121,032 680,126
1996 615,439 98,098 713,537
1997 810,254 98,755 909,009
Ma tinżammx statistika ta' kemm kien it-tunnellaġġ li ddaħħal fil-pitkalija ta' Malta minn bdiewa Għawdxin.
Billi kienu qed isiru xtiebi (gates) għall-bdiewa u raħħala f'ċerti zoni rurali frekwentati mill-pubbliku u turisti, jista' l-Ministru jinformani jekk dawn ix-xogħlijiet humiex se jibqgħu jsiru?
Jekk iva, liema huma dawn l-irziezet li jingħataw din l-għajnuna sa Diċembru li ġej?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher li ix-xtiebi li twaħħlu kienu ikkoncentrati fiż-żona tar-Rabat u saru bla ma sar ebda provediment ta' riżorsi finanzjarji għal dan il-għan. Għaldaqstant hemm bżonn li jiġi ifformulat pjan sabiex jiġu ikkwantifikati ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa u b'konsultazzjoni mall Kunsilli Lokali tinħoloq lista ta' prijorita'.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont, xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 1998 sal-5 ta' Settembru 1998, ta' kemm-il vjaġġ ħamrija mill-masġar tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura f'Wied Inċita sar? B'kollox kemm-il jarda jew metru kubu ħamrija inġarret mill-masġar u għal liema destinazzjoni? Min kien il-kuntrattur li ttrasporta din il-ħamrija u kif intgħażel? Kemm tħallas/tħallsu b'kollox dan/dawn il-kuntrattur/i?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-file tad-Dipartiment li jikkonċerna dan il-każ, huwa stmat li nġarrew madwar 27,609 jardi kubi ħamrija. għada qed issir verifikazzjoni tad-destinazzjoni ta' din il-ħamrija. Mis-sejħa għall-offerti ntgħażlu s-sur P. Camilleri (Mosta), s-sur V.Vella (Burmarrad) u s-sur T. Portelli (Rabat) għat-trasport ta' ħamrija u s-sur J.Borg (Rabat) għax-xogħol ta' gaffa, skond ir-risposta għall-quotations li kienu saru. Dawn l-offerti kienu l-orħos. Għalkemm ġew ippreżentati ħames kontijiet li jammontaw għal Lm11,795.50 għall-ġarr ta' ħamrija u żewġ kontijiet għal Lm4,131 għax-xogħol ta' gaffa, mhux ser isir ħlas qabel ma jkunu verifikati d-dettalji tax-xogħol kollu.
Ma kienx hemm flus ivvotati għal dan il-għan. Għaldaqstant kull ħlas li għandu jsir wara il-verifikazzjjoni meħtieġa ikun jista' jsir biss mill-voti tas-sena d-dieħla. Din hija indikazzjoni li dan ix-xogħol kien eżerċizzju ta' propaganda ta' qabel l-elezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-riżultat ta' l-intervisti għal postijiet ta' Agricultural Officer fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura li ħareġ kmieni din is-sena ġiex pubblikat? Kemm kien hemm persuni intervistati? Kemm kien hemm u fil-fatt kemm hemm bżonn numru ta' agricultural officers?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ir-rizultat ta' l-intervisti għall-postijiet ta' Agricultural Officers għadu ma ġiex ippubblikat għaliex dan il-Ministeru qed jistenna konferma mingħand il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Kien hemm sitt persuni ntervistati.
Meta saret is-sejħa għall-applikazzjonijiet kien hemm bżonn ta' erba' (4) Agricultural Officers. Fil-preżent hemm bżonn ta' sitta (6).
Ir-riżultat jiġi mħabbar malli jkollna konferma mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' annimali u tjur li fil-preżent hemm fil-farm esperimentali u jintużaw għall-programm edukattiv "Nożżgħu l-Biedja"?
Fil-fatt dan il-programm se jitkompla mill-amministrazzjoni tal-lum?
Jekk iva, mistenni xi tibdil u jew ameljorament fuq l-istrutturi eżistenti partikolarment li jiġu rranġati t-toroq fejn jgħaddu l-istudenti?
Kemm kienu l-persuni li bejn 1987 u l-1997 ġew ikkumpensati għal xi inġustizzji li sarulhom u/jew li ġew ikkumpensati minħabba li ġie terminat il-kuntratt tax-xogħol tagħhom fil-kariġa uffiċjali li dawn kellhom ma' l-Istat?
Kemm kienet is-somma pagabbli f'kull każ lil dawn il-persuni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Rigward l-ewwel tlett paragrafi tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija numru 47.
Dwar ir-raba paragrafu, jien infurmat li d-Dipartiment ma għandux rekords ta' persuni li, bejn l-1987 u l-1997, ġew ikkumpensati għal xi inġustizzji li sarulhom. F'dan il-perjodu, ġew ikkumpensati erba' persuni minħabba li ġie terminat il-kuntratt tax-xogħol tagħhom. Dawn kienu:
Gauci Tony, Security/Driver, ġie kkumpensat LM162.28.7
Axiaq Vincent, Security/Driver, ġie kkumpensat LM187.80.7
Galea Paul, Security/Driver, ġie kkumpensat LM706.03.0
Agius Anthony, Security/Driver, ġie kkumpensat LM706.03.0
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru, 1998?
Min huma u xi grad għandhom?
F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin?
Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-5 ta' Settembru sallum, ħadd ma beda jirċievi xi forma ta' allowance.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta' dawk l-impjegati li kienu qed jirċievu allowance qabel il-5 ta' Settembru, u għadhom jirċievuha.
Billi s'issa kull ma ntqal kien biss dwar il-vantaġġi bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea li ġġib magħha fis-setturi tal-Biedja u Sajd, jista' l-Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra x'inhuma l-iżvantaġġi u x'qed jipprogramma l-Gvern sabiex l-bdiewa, raħħala, sajjieda u l-familji tagħhom jilqgħu għal dawn l-iżvantaġġi?
Billi dawn is-setturi huma żgħar f'pajjiżna u kull ċaqlieqa taffetwaħ, jista' l-Ministru jispjega settur, settur ċioe' l-industrija tal-majjal, tal-poultry eċċ separatament liema żvantaġġi se jolqtuha?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-politika agrikola komuni (CAP) tal-Unjoni Ewropea qed tiġi riformata kontinwament. Peress li l-Onor. Interpellant naqas milli jsemmi l-vantaġġi wieħed ma jistgħax jiżen l-istess vantaġġi ma xi żvantaġġi żgħar li faċilment jistgħu jiġu eliminati waqt diskussjjonijiet li għad irridu jsiru. Jidher ċar iżda li l-għajnuna għas-setturi tal-Agrikoltura u s-Sajd qed jibdew ikunu diretti lejn l-għaqdiet tal-produtturi. Minn dan wieħed jifhem li għandha tingħata prijorita' sabiex il-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda jissaħħu fl-għaqdiet tagħhom u jissieħbu mal-Gvern fil-preparazzjoni għan-negozjati sabiex nakkwistaw l-aħjar kondizzjonijiet li joħolqu ġid, fiduċja u direzzjoni.
Huwa opportun ukoll li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-Agrikoltura u s-Sajd f'Malta ma jistgħux jissejħu żgħar meta jiġu ipparagunati mas-sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea. L-Agrikoltura u s-Sajd f'Malta jikkontribwixxu madwar 3% tal-prodott gross domestiku (GDP) waqt li l-medja tal-kontribut tal-agrikoltura fl-UE huwa ta' 2.9% Għaldaqstant huwa żball li wieħed jnaqqas l-importanza tal-Agrikoltura f'Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-aħħar elezzjoni ġenerali 'il hawn, 31 impjegat ġew trasferiti minn Dipartiment għall-ieħor fl-istess Ministeru, filwaqt li 11 'il impjegat ġew trasferiti għal Dipartimenti li jaqgħu taħt Ministeri oħra. F'kull każ it-trasferimenti saru minħabba fl-eżiġenzi tas-servizz. Iktar dettalji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.