Jista' il-Ministru jgħid kemm beħsiebu jdum ix-xogħol fuq il-bini tas-substation il-ġdida li se tinbena fi Triq ix-Xitwa f'Ħal Qormi? Meta huwa stmat li l-problema ta' vultaġġ baxx tkun tista' tiġi eliminata?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li x-xogħol fuq is-substation fi triq ix-Xitwa f-Ħal Qormi għaddej bħalissa wara li kien hemm problemi biex tinstab l-art u minħabba l-aċċess. Wara li jitlesta l-bini, jkun jirrikjedi li jiġu stallati l-"Cables" u l-apparat l-ieħor neċessarju. Huwa stmat li dan ix-xogħol kollu għandu jieħu xi erba' xhur. Fil-frattemp peress li d-domanda f'dawn l-inħawi normalment tonqos hekk kif tgħaddi x-xitwa, il-problema tal-vultaġġ baxx tittaffa wkoll. Meta titlesta s-substation il-problema għandha tiġi eliminata għal kollox.
Tista' il-Maltacom tara kif se tasal f'arranġament mal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - li akkumulalha kont kbir tat-telefonati li saru minn persuna oħra - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li skond ordni tal-qorti ċivili b'sentenza nhar id-9 ta' Diċembru 1999 joħroġ ċar li l-persuna li qed takkumulalha l-kont hija vittma tal-persuna l-oħra u se jkollha tħallas hi meta l-ħati qed jirnexxielu jaħrab milli jħallas hu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Matu is-snin 2003 u 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' zoni ta' l-ilma ġieri li jmur għall-ħażna ta' l-ilma tax-xorb li spiċċaw ikkontaminati? Liema kienu dawn iz-zoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Nassumi li b' "ilma ġieri", l-Onor Interpellant qed jirreferi għal ilma li jiġi minn nixiegħat (springs) u mhux għal ilma tal-pjan (ground water) li jitella' minn boreholes jew minn mini (galleries).
Jiena nfurmat li fil-preżent, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma ma tużax dan is-sors ta' ilma - li hu limitat ħafna - għall-ilma tax-xorb.
Matul is-snin 2003 u 2004, jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment tad-drenaġġ? Kemm każijiet ta' fawran ta' drenaġġ ġew rappurtati lid-dipartiment matul l-istess perjodu u liema kienu z-zoni turistiċi u residenzjali milquta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li n-numru ta' impjegati fid-dipartiment tad-drenaġġ fl-1 ta' Ottubru 2003 (meta r-responsabilita' tad-drenaġġ għaddiet lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma) kien 606.
Fil-31 ta' Diċembru 2004 in-numru ta' impjegati mat-Taqsima tal-Wastewater kien 583.
In-numru ta' każijiet ta' fawran ta' drenaġġ li ġew rappurtati kienu:
Mill-1 ta' Ottubru 2003 sal-31 ta' Diċembru 2003 - 316
Mill-1 ta' Jannar 2004 sal-31 ta' Diċembru 2004 - 1317
Dettalji tal-postijiet fejn kien hemm fawran qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Minsitru jgħid fiex wasal ix-xogħol li kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti dwar il-kontroll ta' l-ilma tax-xita msejjaħ storm water master plan?
Response (GATT, AUSTIN)
L-amministrazzjoni preċedenti onorat il-kuntratt li kien ingħata mill-amministrazzjoni Laburista 1996-98 lil konsulent biex ifassal Stormwater Master Plan.
Dan ix-xogħol wassal biex ikun hemm computer modelling tal-widien u l-inħawi suxxettibli għall-għargħar kollha f'Malta u Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm klijenti jistennew is-servizz ta' l-ilma? Jista' jaqsamhom skond ir-raħal jew belt minn fejn ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li bħalissa , il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma għandha b'kollox 346 applikazzjoni għal-servizz tal-ilma ġdid. Dwar 48 minn dawn, il-Korporazzjoni qed tistenna il-ħlas jew il-ħlas addizzjonali mingħand l-applikant qabel ma jiġi nstallat is-servizz.
Mill-298 li baqa', 69 minnhom għad jonqos li jiġi estiż il-main tal-ilma tat-triq qabel ma jista' jiġi nstallat is-servizz. Dan il-proċess jieħu madwar 4 sa 6 xhur.
Il-kumplament tal-applikazzjonijiet, jiġifieri 229 normalment jiġu installati fi żmien xahar.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista ta' dawn l-applikazzjonijiet skond il-lokalita' tagħhom.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11127 u cioe' jgħid kemm fetħu fabbriki ġodda f'pajjiżna fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u din is-sena? Kemm kienu jimpjegaw ħaddiema f'kull sena u anke din is-sena? Kemm-il fabbrika talbet u għamlet estensjoni fil-bini fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u din is-sena?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Marsaxlokk — Triq Axtar - Servizz tad-dawl u l-ilma
Question
Jista' il-Ministru jara x'inhi r-raġuni li s-servizzi tad-dawl u l-ilma fil-binjiet ta' l-awtorita' tad-djar fi Triq Axtar, Marsaxlokk, issa li ġew assenjati, għadhom ma ġewx stallati?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għadha ma tistax tissupplixxi il-binjiet tal-Awtorita' tad-Djar fi Triq Axtart, Marsaxlokk bl-ilma minħabba li għad jonqos xi "pipework" xi jsir ġewwa l-istess binjiet.
Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar issa laħaq ftehim mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex il-Korproazzjoni tieħu ħsieb tagħmel dan il-"pipework" għas-spejjeż tad-Dipartiment. Dawn ix-xogħolijiet mistennija li jitlestew fi żmien xahrejn jew tlieta.
Rigward is-servizz ta' l-elettriku, dan beda jiġi pprovdut billi s-substation inxtegħlet fil-21 ta' Marzu, 2005.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11403 u cioe' jgħid jekk hemmx xi taħditiet mill-korporazzjoni Enemalta ma' investituri li jixtiequ jiżviluppaw sistema ta' enerġija ta' l-elettriku permezz tar-riħ? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn it-taħditiet? Kien hemm xi forma ta' qbil fuq il-proposta tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li r-responsabbilta biex jiġu ntrodotti sistemi ta' enerġija alternattiva fosthom dik mir-riħ hija tal-MRA. Meta xi investituri jgħamlu kuntatt ma' l-Enemalta f'dan ir-rigward l-Enemalta tirreferihom għand l-MRA.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta u l-WSC introduċiet policy ġdida fir-rigward ta' stallar tal-meters tad-dawl u ta' l-ilma ta' drive-ins u front gardens fejn is-sidien qed jiġu mitluba li dawn il-meters jeħlu 'l barra mill-bini? Jikkonferma l-Ministru li din il-proċedura se tagħti lok għal aktar abbuż?
Jaqbel il-Ministru li se jinħoloq inkonvenjent akbar għas-sidien ta' dawn id-drive-ins u front gardens meta l-meters mhux se jkunu taħt il-kontroll assolut ta' dawn is-sidien?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li meters tal-ilma jitwaħħlu f'postijiet qrib il-building lines f'binjiet li fihom drive-ins u front gardens saret propju sabiex jitnaqqas il-possibilta' ta' abbuż billi xi ħadd seta' jagħmel by pass fuq is-servizz tal-ilma qabel il-meter u b'hekk ikun jista' jinsteraq l-ilma. Dan l-abbuż ikun ferm akter diffiċli jekk il-meter ikun imwaħal malli tibda l-propjeta' privata. Barra minn hekk il-Korporazzjoni qed issibha diffiċli biex tikkontrolla leakages f'propjeta' privata qabel il-meter, filwaqt li l-proċedura ta' kif jiġu nstallati meters ta' l-elettriku tirrekjedi li jiġu nstallati ġewwa u mhux barra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-policy il-ġdida ta' l-Enemalta u l-WSC dwar it-twaħħil tal-meters fi drive-ins u front gardens hux se tiġi applikata fuq servizzi li kienu diġa' imwaħħla fl-antik?
Response (GATT, AUSTIN)
B'zieda ma' l-informazzjoni li nghatat fir-risposta ghall-mistoqsija parlamentari numru 11532, ninsab infurmat li l-Korpoazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma ghandha l-hsieb li l-meters li qeghdin f'pozizzjoni l'boghod mit-triq jinhargu kollha vicin tat-triq minn fejn wiehed jidhol fil-propjetajiet li ghandhom is-servizz ta' l-ilma u li ghandhom drive-in jew front garden.
Naturalment, dan mhux process li jista jsir f'daqqa u jrid jiehu tul ta' zmien.
Jista' il-Ministru jara jekk l-Enemalta tistax tneħħi arblu antik tad-dawl li qed jostakola l-funzjoni tat-tħaddim ta' Rizzo service station, Birkirkara?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-arblu msemmi għandu jitneħħa fi żmien qasir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Enemalta sabiex is-sitwazzjoni tas-supply ta' l-elettriku fl-iskola primarja B, Dun Ġorġ Preca, Ħamrun tiġi rranġata? Jista' jgħid ukoll meta l-Enemalta kienet informata b'din is-sitwazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li f'Ġunju tal-2004 l-FTS għaddiet kamra lill-Enemalta biex din tkun tista' tintuża bħala substation biex tiġi estiza it-talba għal l-elettriku. Ix-xogħol kien inbeda fl-Lulju tat-2004 u ġie nterrot minħabba xogħolijiet oħra. Huwa mistenni li issa ix-xogħolijiet neċessarji jitlestew fl-aħħar ta' April ta' din is-sena.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' units ta' enerġija elettrika li joħorġu mill-power stations tal-pajjiż u li eventwalment ħadd ma jħallas għalihom (unaccounted for units)? X'qiegħed isir biex dan it-telf għall-kumpannija jonqos?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat ta' li l-figura ta' 'Unaccounted For Units' hija 17.8% skond l-(Audited Accounts għas-sena li għalqet fit-30 ta' Settembru 2003).
Il-Korporazzjoni Enemalta qed tieħu ħafna miżuri biex tnaqqas din il-figura fosthom aktar spezzjonijiet tal-meters u aktar kontrolli biex tkun ċerta li jonqsu żbalji fil-billing.
Il-Korporazzjoni Enemalta qed tippjana li tintroduċi sistema ta' Automatic Meter Reading (AMR) fi żmien qasir biex tkompli tnaqqas mill-'Unaccounted For Units'.
Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' il-Ministru jgħid jekk sarux jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-gvern biex forsi Malta tkun tista' tkun inkluża f'dan l-investiment?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi reali l-problema ta' vultaġġ baxx fir-raħal ta' Wied il-Għajn? X'qiegħed isir biex din il-problema tiġi solvuta?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat li l-problema ta' vultaġġ baxx diġa' ġiet mistħarrġa u għalhekk ġew proposti substations fi Triq is-Sajjieda / Triq il-Gandoffli, Triq is-Silla kantuniera ma' Triq il-Ħamrija, Triq il-Gidwet, Triq il-Buttar, St. Thomas Bay u xogħol ieħor ta' infurzar tas-sistema ta' vultaġġ baxx. Substation waħda diġa ġiet ikkummissjonata, waħda qed tinbena waqt li tnejn oħra jkunu jistgħu jitlestew hekk kif ikunu solvuti xi problemi konnessi ma' l-art fejn iridu jinbnew. Hemm pjanijiet għall-bini ta' substation oħra iżjed il-quddiem.