Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żieda

Question

Peress li l-armla li qed nibgħat kopjat tad-dettalji tagħha separatament qed tilmenta li jistħoqqila aktar żieda u ħlas aktar ħlas ta' arretrati biex il-pensjoni tagħha tkun korretta. jista l-Viċi Prim Ministru jara li jinvestiga l-ilment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 26305, f'Seduta Numru 550, ninfurmah li l-persuna ndikata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi tal-każ tagħha permezz ta' ittra li ġġib id-data tat-8 ta' Ġunju 2001.

Mtarfa — Djar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara li jirrimedja għat-talba tal-kopja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex l-anzjani inkwistjoni jiddaħlu fl-Imtarfa Home jekk fl-affermativ meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment irċieva l-applikazzjoni tal-Koppja msemmija biex tidħol residenti fid-Dar ta' l-Imtarfa nhar l-20 ta' Frar 2001. Ftit wara, nhar it-2 ta' Marzu 2001, sarilha assessment minn social worker filwaqt li ftit ġimgħat wara, nhar id-9 ta' April 2001, ġiet invistata minn tabib. Għalkemm fid-dawl ta' dawn l-assessments jidher li din il-koppja hija eliġibbli biex tidħol, pero' preżentament m'hemmx post vakanti fid-Dar mitluba u għalhekk il-koppja msemmija tinsab fuq il-waiting list.

Part time

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema li x-xogħol prinċipali tagħhom huwa dak part time? Kemm minn dawn il-ħaddiema huma taħt il-25 sena? Kemm, matul l-ewwel sitt (6) xhur tas-sena kien hemm ilmenti li dawk li jaħdmu part time u jaqbżu in-numru ta' siegħat fix-xogħol tagħhom ma ingħatawx bonus, sick leave eċċ pro rata? Saru xi spezzjonijiet fuq postijiet tax-xogħol minħabba dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Marzu 2001 in-numru ta' ħaddiema li x-xogħol prinċipali tagħhom kien dak part-time kien 18,629. Minn dawn kien hemm 2,347 li kienu taħt il-25 sena. Ninsab infurmat ukoll li, matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieg investiga 22 każ ta' irregolaritajiet fil-kundizzjonijiet ta' l-impjieg relatati ma' part-timers. Azzjoni korrettiva ttieħdet f'kull każ. Uffiċjali tad-Dipartiment imsemmi jagħmlu spezzjonijiet fuq postijiet tax-xogħol biex, fost ħwejjeġ oħra, ikun żgurat li d-drittijiet tal-part-timers ikunu osservati skond kif titlob il-liġi.

Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema impjegati fuq kuntratt definit? Liema huma l-kategoriji fejn dan iseħħ? Hemm xi ħsieb li dan it-tip ta' kuntratt jitneħħa speċjalment f'każijiet fejn hemm min ilu jaħdem fuq kuntratt definut għall aktar minn għaxar (10) snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Gender Equality Act

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal ix-xogħol fuq l-abozz tal-Gender Equality Act? Jista' jgħid x'inhu l-involviment tal-kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara f'dan ix-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-abbozz dwar il-Gender Equality Act intbagħat lill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali għal kunsiderazzjoni tiegħu. L-abbozz jinkorpora suġġerimenti li saru mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara.

Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 25530? (PQ waslet 6/6/2001)

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dar ta' l-Imtarfa ġiet mibnija f'żewġ fażijiet u l-ispiża rispettiva għamel tajjeb għaliha l-Kumitat tal-Welfare. Peress li preżentament il-files relatati ma' dan il-proġett jinsabu għand id-Direttur tal-Verifika, mhinix f'pożizzjoni li nagħti d-dettalji ta' l-ispiża totali f'dan l-istadju. In-numru ta' residenti attwali huwa 110.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li l-armla li qed nibgħat kopja tad-dettalji separatament, qed tilmenta li suppost irċeviet żieda akbar fil-pensjonijiet minħabba l-aħħar reviżjoni, jista' jara li jitħarreġ mill-ġdid il-każ tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata ġie investigat u l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Bord Konsultattiv dwar Tfal u Żgħażagħ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26966?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-termini ta' referenza tal-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħagħ huma elenkati f'subartikolu 3 tal-artikolu 11 tal-Att XVIII tal-1980 (Tfal u Żgħażagħ [Ordnijiet għall-Ħarsien]). Dawn huma: - li jagħti parir lill-Ministru dwar l-aħjar metodi kif kull tifel jew żagħżugħ li jitqiegħed jew jittieħed taħt il-kura tiegħu (skond dan l-Att) għandu jiġi ttrattat; - li jeżerċita sorveljanza ġenerali dwar dawn it-tfal u żgħażagħ; u - li, b'mod ġenerali, jieħu ħsieb li tittejjeb il-qagħda tagħhom. Matul din is-sena il-Bord iltaqa' dsatax-il darba. Il-Bord kellu wkoll diversi laqgħat miegħi. Il-Bord preżenti introduċa s-sistema li l-care plans għal dawn it-tfal u żgħażagħ jiġu diskussi u riveduti ta' l-anqas kull sitt xhur u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru fil-konfront tad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni jgħid 1) Kemm għandu draftsmen fl-ingaġġ tiegħu? 2) X'inhi r-responsabilita' tagħhom? 3) X'ħinijiet jaħdmu? 4) Kemm dawn tħallsu f'overtime dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm erba' draughtsmen fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar. Dawn huma responsabbli mit-tħejjija ta' pjanti li jinkludu: 1. proposti dwar proġetti ġodda ta' djar jew ta' rikostruzzjoni; 2. proposti ta' proġetti ġodda ta' ġonna pubbliċi jew landscaping; 3. kejl ta' bini affettwat minn proġetti ta' slum clearance; u 4. kejl tal-bini wara li jitlesta ("as carried out") bħala rekord ta' l-iżvilupp. Il-ħinijiet tax-xogħol ta' dawn id-draughtsmen huma bħal dawk ta' l-impjegati tekniċi mal-Gvern, jiġifieri bejn is-7.00 u n-12.30 u bejn is-1.15 u l-4.30 fix-xitwa u bejn is-6.30 u n-12.30 fis-sajf. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.

Dipartiment għall-Manutenzjoni u Kostruzzjoni

Question

In kwantu jirrigwarda s-segretarji fl-ingaġġ tad-Dipartiment għall-Manutenzjoni u Kostruzzjoni, jista' l-Ministru jindika 1) Kemm siegħat ta' overtime dawn ħadmu f'dan l-aħħar ħames snin, sena sena? 2) Kemm flus nefaq id-Dipartiment għall-ħlas ta' dan l-overtime, sena sena tul dawn l-aħħar ħames snin? 3) X'kriterji ntużaw sabiex jidħlu overtime dawk is-segretarji partikolari? 4) Taħt ir-responsabilita ta' min, bħala uffiċjal, dawn is-segretarji jaqgħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-impjegati fis-segretarjat fid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar jaqgħu taħt ir-responsabbilta' diretta tad-direttur filwaqt li l-kriterji użati dwar min jaħdem overtime huma dawk ta' l-esiġenzi tax-xogħol fl-istess Dipartiment. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.

Social Security

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li sal-ġurnata tal-illum għadu ma ġiet ippublikat ir-riżultat tad-district managers fid-dipartiment tas-social security f'Għawdex, liema applikazzjonijiet ħarġu f'Novermbru 2000 u l-interviews saru f'Aċril ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li r-riżultat ta' l-intervisti għall-postijiet ta' Managers fl-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ntbagħat lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku f'April 2001. Fl-4 ta' Lulju 2001, il-Kummissjoni talbet lill-bord ta' l-għażla jikkonferma jekk dawk il-kandidati li ġiebu l-istess marka kienux imniżżla fl-ordini tal-meritu kif stabbilit f'ċirkolari B1 No. 1/95, datata 11 ta' Jannar 1995. Il-bord bagħat ir-risposta tiegħu permezz ta' ittra li ġġib id-data tas-6 ta' Lulju 2001. Id-Dipartiment issa qed jistenna l-awtoriżżazzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi ppubblikat ir-riżultat.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti d-dettalji kollha relatati ma' skema 7 ta' l-awtorita' tad-djar dwar għajnuna finanzjarja għal peruni b'diżabilita' għal xogħlijiet ta' titjib relatati mad-diżabilita' tagħhom f'residenzi okkupati minnhom? Jista' jgħid jekk din l-istess skema 7 hijiex waħda permanenti jew, kif ġie avżat fil-gazzetta tal-gvern b'avviż maħruġ fis-17 ta' April, 2001, ġiet estiża għal sitt xhur oħra? X'inhuma r-raġunijiet u xi skemi ta' għajnuna oħra, kemm finanzjarja kif ukoll mhix finanzjarja, hemm aktar għal persuni b'diżabilita' u min huwa responsabbli minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema 7 ta' l-Awtorita' tad-Djar hi skema ta' għajnuna finanzjarja biex isiru xogħolijiet ta' titjib fid-djar okkupati minn persuni b'diżabilita'. L-għajnuna għal xogħolijiet approvati taħt din l-iskema jilħqu massimu ta' Lm2,300. L-għajnuna tiġi approvata mill-Awtorita' tad-Djar fuq rakkomandazzjoni minn kumitat li fuqu hemm rappreżentant mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-provvedimenti u kundizzjonijiet dwar din l-iskema. Din l-iskema, li ħarġet fit-8 ta' Ottubru 1999, ġiet imġedda sat 8 ta' Ottubru 2001. Wara din id-data l-Awtorita' tista' jew iġġeddidha jew toħroġ skema oħra ġdida. Skema oħra relatata ma' persuni b'diżabilita' hi dik numru V. Din tirrigwarda stallazzjoni ta' lifts fi blokki residenzjali li huma tal-Gvern u li fihom jgħixu persuni li għandhom problema ta' mobilta'.

Relief

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta il-persuna li qed insemmi separatament se tibda tirċievi il-pensjoni mhux kontributorja? Hija kienet tieħu r-relief mma dan twaqqaf snin ilu meta kienet wirtet xi ħaġa u illum għandha 64 sena u qatt ma ħadet pensjoni min mindu għalqet is-sittin

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament huwiex fil-pozizzjoni li jirċievu pensjoni tas-D.S.S. anke jekk għadu ma għalaqx is-61 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna indikata diġa' qeda tirċievi pensjoni taħt l-Att tas-Sigurta' Soċjali. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li l-pensjoni kontributorja tal-Irtirar titħallas biss meta l-persuna tkun għalqet il-61 sena u waqqfet mix-xogħol.

Gender Impact Assesment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux qed isir gender impact assesment fuq ir-rapport tan-National Commission for Welfare Reform?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sallum, il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx rapport finali lill-Gvern. Dak li deher fil-media lokali jidher li hu l-kontenut ta' abbozz ta' rapport li tqassam lill-membri tal-Kummissjoni b'mod kunfidenzjali u li għadu qiegħed ikun diskuss mill-membri. Meta jkun hemm rapport finali preżentat lill-Gvern, allura bla dubju jkun irid isir analiżi minn kull min huwa interessat. Tajjeb li jingħad ukoll li l-Kummissjoni rċeviet il-proposti li saru mill-Kummissjoni għall-Avvanz tal-Mara, numru ta' xhur ilu.

Vittmi tal-Vjolenza Domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li għaddiet sena minn meta l-Ministru qal li l-abbozz ta' liġi li jagħti protezzjoni lill-vittmi tal-vjolenza domestika kellha titressaq f'dan il-parlament f'Ġunju 2000, jista' jgħid meta se jitressaq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-abbozz ta' liġi dwar Vjolenza Domestika li lesta s-sena li għaddiet l-Ministeru għall-Politika Soċjali qiegħed jiġi rivedut mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika. Malli dan l-Uffiċċju jlesti x-xogħol tiegħu u l-abbozz ikun approvat mill-Kabinet, l-abbozz jitressaq quddiem il-Parlament.

Politika Soċjali — Safar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum? Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid separatament: (1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru; (2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti; (3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti? (PQ waslet 6/6/2001)

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien mhinix sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-Mistoqsija Numru 26816 tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar. Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni l' għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.