Legislature:
Category:
Reset
Active:

Provisional tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' anzjana ta' 95 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li ħallset provisional tax (u/jew self-assessment) ta' Lm58, Lm38, Lm39 u Lm80 matul dawn l-aħħar 16-il xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna kkonċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tal-Customer Care tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

AFM/refuġjati — Inkjesta

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk intemmitx l-inkjesta li ġiet ordnata minnu wara l-inċidenti bejn suldati ta' l-AFM u refuġjati? Jekk iva, meta tlestiet? Hemm ħsieb li kopja tagħha titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk għadha ma tlestietx, meta hemm il-ħsieb li titlesta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-inkjesta dwar l-inċidenti bejn suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta u refuġjati għadha ma ntemmitx.

Taxxi Interni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta beħsiebu jitħallas l-ammonti ta' taxxa ta' disa' snin ilu - madwar Lm400 - illi għandha tieħu din il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna kkonċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-Dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

Servizz Pubbliku — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul is-snin 2002, 2003 u 2004 minn persuni fis-settur pubbliku kollu u cioe' jinkludi wkoll trips ta' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fl-amministrazzjoni pubblika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru l-informazzjoni mitluba dwar is-safar fil-każ ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u tal-Ministeru tal-Finanzi. F’rigward safar f’Ministeri oħra, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Dwana — Impjegati

Question

Jista' il-Prim Ministru jindaga għaliex il-ħaddiema tad-dwana mhumiex qed jitħallsu extra tal-ħdud u l-festi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħaddiema tad-Dwana qed jitħallsu extra tal-Ħdud kif kien isir qabel. Għar-rigward tal-festi pubbliċi li jaqgħu s-Sibt nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm bżonn kjarifika bejn id-Dipartiment tad-Dwana u l-Management and Personnel Office, OPM. Fil-fatt issa, b’ċirkulari Nru 20/2005 datata 12 ta’ Mejju, 2005 maħruġa mill-Management and Personnel Office, ġie deċiż li b’effett mill-1 ta’ Jannar, 2005, ħaddiema li jkunu xogħol is-Sibt jew il-Ħadd meta tkun festa Nazzjonali jew festa pubblika, għandhom jitħallsu extra ta’ dik il-ġurnata.

Taxxi interni — Refund

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux possibbli li jingħata r-refund tat-taxxa tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jmorru lura għall-1996-1997 u li jammontaw għal Lm244, minabba li l-familja għandha spejjeż relatati ma' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna kkonċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

ERM2

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12268 u 12360 u jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-istudji ta' feasibility dwar is-sħubija ta' Malta fl-ERM2 kif talbet l-oppożizzjoni u kif issuġġerixxa wkoll l-ex-ministru tal-finanzi John Dalli fl-artikli tiegħu ta' "The Sunday Times" tal-Ħadd li għadda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fid-dokument ‘Malta’s Strategy for Participating in Economic and Monetary Union and adopting the Euro’ ippubblikat fuq il-web site tal-Ministeru tal-Finanzi www.mfin.gov.mt taħt il-link Euro Strategy for Malta.

Karti ta' l-identita'

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, issa li pajjiżna huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea, jgħid hemmx xi tibdil fil-karta ta' l-identita' bejn dawk li għandhom l-'M' u dawk li minħabba li m'humiex Maltin mit-twelid ikollhom l-ittra 'A'? Jista' jgħid jekk din tmurx kontra xi regola ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12099.

Dar tal-Providenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkunsidra għajnuna finanzjarja lid-Dar tal-Providenza minħabba fil-kriżi finanzjarja li tinsab fiha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għajnuna finanzjarja lid-Dar tal-Providenza, bħal għajnuniet oħra lill-għaqdiet filantropiċi simili, minn dejjem kienu u għadhom jiġu kkunsidrati f’qafas u fi strutturi stabbiliti li huma magħrufa minn tali għaqdiet. B’hekk, ukoll, ikun iggarantit li kull għajnuna li tingħata jkollha l-aħjar valur għall-fondi li jintużaw.

ID cards

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm Maltin li għandhom xi residenza f'Għawdex u li ordinarjament jgħixu u jaħdmu Malta iżda li qalbu l-karta ta' l-identita' tagħhom billi biddlu l-indirizz tagħhom għal fuq il-gżira Għawdxija sabiex jieħdu l-benefiċċji li toffri l-Gozo channel għar-residenti ta' Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li meta persuna tbiddel il-Karta ta’ l-Identità minħabba li din tiddikjara li marret tabita f’xi dar oħra, għall-finijiet ta’ l-Att dwar il-Karti ta’ l-Identità dan ikun ifisser li dik il-persuna qegħda effettivament tirrisjedi f’dak l-indirizz il-ġdid. L-ebda persuna li tbiddel il-Karta ta’ l-Identita’ tagħha minħabba li tkun biddlet l-indirizz m’għandha l-obbligu fil-liġi li tiddikjara wkoll ir-raġuni għaliex marret tgħix f’dar oħra. Għaldaqstant l-Uffiċċju tal-Karti ta’ l-Identità ma jkunx jaf fejn ikunu jaħdmu dawk kollha li għandhom fil-pussess tagħhom Karta ta’ Identità.

Ministeri governattivi — Riċevimenti

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12286 u jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeri kollha għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq l-istess informazzjoni dwar il-Ministeri kollha, nitolbu jagħmel mistoqsijiet lill-Ministri kkonċernati.

Servizz Pubbliku — Principals

Question

Jista' il-Prim Ministru ġentilment jgħid jekk hux se jiġu msejħa aktar kandidati li kienu għaddew mill-eżaniijiet għall-post ta' principal fis-servizz pubbliku u qegħdin fil-waiting list? Billi dan l-eżami jiskadi f'Diċembru 2005, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħħlu iktar principals u jekk iva, jista' jagħti indikazzjoni ta' kemm hu maħsub li jkun hemm vacancies għal dan il-grad? Hemm ħsieb li l-validita' ta' dan l-eżami terġa' tiġġedded wara Diċembru 2005, f'każ li jkun hemm aktar vakanzi fil-futur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-kandidati li għaddew mill-eżami ta’ Principal u qegħdin fuq il-waiting list jissejħu għal impieg skond il-bżonn. Il-validità ta’ l-eżami ġiet estiża b’sena sa Diċembru ta’ l-2005 u ma hemmx intenzjoni li din terġa’ tiġi estiża.

VAT — Materjal edukattiv

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid x’ kien id-dħul totali mill-VAT fl-ewwel tliet xhur ta’din is-sena? Kemm minn dan kien minn dħul tal-VAT impost fuq materjal edukattiv, u dan skond l-istess liġi tal-VAT?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-dħul totali mill-VAT għall-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien Lm45,441,947, li minnu ngħataw Lm8,211,754 f’rifużjonijiet. Għaldaqstant id-dħul net kien ta’ Lm37,230,193. Id-Dipartiment m’għandux informazzjoni dwar kemm kien l-ammont miġbur fuq materjal edukattiv.

Servizz Pubbliku — Ħaddiema

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema fiċ-ċivil li rriżenjaw jew tkeċċew u/jew ġew boarded out sena b'sena, matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jipprovdi l-informazzjoni separatament għal Malta u Għawdex rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Management and Personnel Office ma jżommx informazzjoni separata ta’ impjegati li jkunu residenti f’Malta jew Għawdex.

European spatial development perspective

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12188 u jgħid jekk il-ministeru tiegħu jew id-dipartimenti fi ħdanu kellhomx diskussjonijiet ma' l-Unjoni Ewropea dwar il-European spatial development perspective? Jista' jgħid jekk ġewx sottomessi xi proposti jew proġetti marbuta ma' dan il-pjan? Jekk iva, x'kienu jinkludu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12188.

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm siefru impjegati tal-gvern jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li huma fil-grad ta' executive officer jew grad inqas, jew li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004? Fejn marru? Min awtorizza l-imsemmija safra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien hemm mitejn u erbgħa u sittin (264) persuna, kollha membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas, li siefru bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 t’Ottubru 2004. Dawn is-suldati siefru fl-Italja, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti għal taħriġ. In-numru jinkludi sitt gruppi li siefru fuq joint training exercises. Is-safar kollu kien awtorizzat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Fil-Ministeru tal-Finanzi, kien hemm sitt uffiċjali li marru Brussell, l-Olanda, id-Danimarka u l-Awstrija. Is-safar kien awtorizzat mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi.

Dipartiment tat-taxxi interni

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li jinħareġ iċ-cheque bl-arretrati ta' l-income tax tal-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - peress li dan huwa każ ta' mard?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ segretezza fl-Atti dwar it-Taxxa fuq id-Dħul, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni mhux f’pożizzjoni li jiżvela informazzjoni personali. Nitlob għalhekk lill-persuna kkonċernata biex tiċċekkja mas-sezzjoni tar-Refunds tad-dipartiment matul il-ħin ta’ l-uffiċċju.

Karti ta' l-Identita'

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11597 u jgħid, issa li pajjiżna huwa membru ta' l-Unjoni Ewropea hemmx xi tibdil fil-karta ta' l-identita' bejn dawk li għandhom l-'M' u dawk li minħabba li m'humiex Maltin mit-twelid ikollhom l-ittra 'A'? Jista' jgħid jekk din tmurx kontra xi regola ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li l-uniku tibdil bejn il-Karta ta’ l-Identità ta’ persuni li għandhom l-ittra ‘M’ u ta’ dawk li minħabba li m’humiex Maltin mit-twelid ikollhom l-ittra ‘A’ huwa li bdew jiġu stampati l-kliem ‘FOR USE IN MALTA ONLY’ fuq il-Karta ta’ l-Identità ta’ persuni li m’humiex ta’ nazzjonalità ta’ pajjiż membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan kollu sar il-għaliex il-Maltin għandhom dritt jużaw il-Karta ta’ l-Identità bħala dokument ta’ ivvjaġġar. Dan ma jmurx kontra xi regola ta’ l-Unjoni Ewropea.

Provisional tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jinvestiga l-każ ta' anzjana ta' 95 sena li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li ħallset provisional tax (u/jew self-assessment) ta' Lm58, Lm38, Lm39 u Lm80 matul dawn l-aħħar 16-il xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Dwana — Laneċ

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'sar minnhom il-laneċ li kellha d-dwana ta' Malta? Illum kif qed isir dak ix-xogħol li qabel kien isir bil-laneċ? Jista' jgħid jekk hux minnu li kien hemm il-ħsieb li tingħata għotja ta' lanċa minn dwana barranija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dwana ta’ Malta kellha żewġ laneċ – · Il-lanċa 11th March li ġiet mogħtija bħala donazzjoni lill-Heritage Malta u · Il-lanċa Italian Launch li se tinbiegħ bl-offerta. Ix-xogħol li qabel kien isir bil-laneċ, illum qiegħed isir bil-karozza. F’diversi okkażjonijiet, waqt laqgħat ma’ Dwaniet barranin, ġieli ssemmiet il-possibbilità ta’ għajnuna f’dan il-qasam.