Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Karozza tal-Ministru
Question
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11585, jista’ il-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tas-sejħa għal offerti li kien ħareġ mill-ministeru tiegħu biex inkriet il-vettura riferuta, filwaqt li jqiegħed ukoll kopja ta' l-iskeda ta' l-offerti li kienu sottomessi flimkien mar-rapport tal-bord ta' l-aġġudikazzjoni li wassal lill-ministeru biex tali vettura tinkera mingħand il-kuntrattur imqabbad? Fil-każ li tali dokumentazzjoni ma teżistix peress li ma kenitx tħejjiet, jista' jikkonferma li din il-vettura nkriet b'direct order? U jekk inhu l-każ, jista' iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-direct order li nħarġet?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra koorispondenza mal-Ministeru tal-Finanzi li tirrigwardja, fost ħwejjeġ oħra, il-kiri tal-vettura msemmija fil-Mistoqsija.
Minn din il-korrispondenza jirriżulta li inkisbet l-approvazzjoni tal-Finanzi għall-kirja relattiva.
Informat ukoll li minn stħarriġ li sar ma' kuntratturi li jikru l-karozzi, irriżulta li l-prezz u l-kondizzjonijiet offruti mill-kuntrattur attwali kienu vantaġġjużi u raġjonevoli.
Peress li saru diversi talbiet mill-kap ta’ l-iskola u anke mill-kunsill skolastiku ta’ l-iskola Hookham Frere fi Gwardamanġa biex biċċa art żdingata li tinsab fil-qasam ta’ l-iskola tinbidel fi play area għat-tfal tal-kindergarten, liema talbiet s'issa waqgħu fuq widnejn torox, u billi hu mifhum li x-xogħol meħtieġ biex dan iseħħ ma jqumx aktar minn Lm10,000, jista’ il-Ministru jgħid meta, permezz tal-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada jew direttament permezz tal-ministeru, ser isir dan ix-xogħol?
Jista' ukoll jilqa' it-talba tal-kap u tal-kunsill biex żewġ kmamar li qed jintużaw bħala store jingħataw lill-kunsill skolastiku biex dan ikollu fejn jiltaqa'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċedura stabbilita sabiex isiru xogħolijiet ta' 'maintenance' jew ta' 'upgrading' - li hija użata mill-kapijiet ta' l-iskejjel kollha - hija s-sottomissjoni ta' 'intervention request', fejn issir talba biex isiru dawk ix-xogħolijiet ikkunsidrati neċessarji.
Informat li l-FTS ma għandha l-ebda ' intervention request' mill-iskola għax-xogħol imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija informat li tlett snin ilu l-Kap ta' l-iskola Hookham Frere' kien talab lill-FTS biex jinbnew żewġ t'ikmamar wara l-bitħa ta' l-iskola, fejn ma jtellfu lil ħadd, biex jintużaw mill-'handyman' ta' l-iskola u bħala 'store'. Dan, biex il-kamra li bħalissa qed tkun okkupata mill-'handyman' tiġi mibdula f'uffiċċju biex tintuża mill-Kunsill ta' l-iskola.
Jidher li din it-talba saret lill-FTS fil-bidu tat-twaqqif tagħha u ma ġietx ripetuta meta daħlet il-proċedura imsemmija fl-ewwel paragrafu. Ser nitlob l-FTS tikkomunika mal-Kap ta' l-iskola.
Jikkonferma l-Ministru li xogħol ta’ manutenzjoni li sar dan l-aħħar fil-pixxina nazzjonali ma sarx fejn hemm l-ilma, jiġifieri fil-pool innifisha? Jikkonferma wkoll li l-madum fil-qiegħ ta’ l-istess pool qed jinqala’?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onor. Membru jirreferi għat-Tweġiba numru 9892 li kien diġa ġie spjegat ix-xogħol li kellu jsir fl-ewwel fażi. Informat ukoll li l-madum imsemmi qed jiżviluppa ħsara li qed tiġi eżaminata.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti b'diżabilita' fl-Universita', fl-MCAST, fil-junior college, fl-iskola Giovanni Curmi u fl-Institute of health care?
Jista' jgħid ukoll fl-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija x'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti kollha? Jista' jgħid x'sapport qed jingħataw dawn l-istudenti b'diżabilita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx korsijiet għal piloti? Jekk iva, fejn iridu japplikaw min hu interessat? Xi kwalifiki jrid ikollhom? Kemm trid tkun l-eta' ta' l-applikanti? Hemm xi ħlas għal dan il-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ETC ma tipprovdix korsijiet għall-Piloti.
Jista' il-Ministru jgħid meta mistennija ir-reazzjoni formali għar-rapport Chalmers?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-risposta għar-rakkomandazzjonijiet u l-indikazzjonijiet tar-rapport Chalmers ma tingħatax b'sempliċi "reazzjoni formali". Fix-xhur li għaddew sar proċess ta' konsultazzjoni ma' l-istudenti, inġabru kummenti lill-kapijiet ta' l-istituzzjonijiet edukattivi konċernati, u tħejja x-xogħol għat-twaqqif mill-Gvern ta' Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li ser tkun strument ewlieni tal-Gvern għar-riforma fis-settur ta' l-edukazzjoni ogħla.
Jista’ il-Ministru jgħid x’għajnuna beħsiebu jagħti l-ministeru tiegħu responsabbli għall-isport lit-tim nazzjonali tar-rugby? Intalbet xi għajnuna mill-federazzjoni ta’dan l-isport? Japprezza l-Ministru li biex lagħbu l-aħħar logħba f’pajjiżna kontra s-Serbja kellhom iħallsu mijiet ta’ liri għall-użu tal-ground? Japprezza li dan it-tim għamel unur lil Malta u b’hekk jistħoqqlu kull għajnuna possibbli?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li talbiet għall-għajnuna minn Għaqdiet Sportivi għandhom isiru lill-Kunsill Malti għall-Sports. Fil-fatt l-Għaqdiet Sportivi għandhom lista ta' skemi t'assistenza u inċentivi maħruġa mill-istess KMS biex ikunu jistgħu japplikaw.
Informat ukoll li l-KMS diġa offra għajnuna għall-logħba Internazzjonali li jmiss wara laqgħa mal-uffiċjali tar-Rugby Football Union.
Jista’ il-Ministru jgħid jekk hemmx xi talbiet għal ftuħ ta’ sixth form mis-sena skolastika li jmiss jew anke aktar ’il quddiem minn xi skola indipendenti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti d-dettalji rilevanti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma saret l-ebda talba għall-ftuħ ta' sixth form minn xi skola Indipendenti.
Jista’ il-Ministru jgħid x’kontroll se jkun hemm biex jiġi assigurat li l-iskejjel kollha li joffru skola fis-sajf ikunu skond il-linji gwida tad-diviżjoni ta’ l-edukazzjoni? Se jkollhom isiru xi ħlasijiet għal dan l-iskop? Se tiġi applikata l-VAT? Kulmin se joffri din l-iskola fis-sajf irid jinforma lid-diviżjoni, anke jekk tkun skola stabilita?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li min jorganizza skola tas-sajf u mhux diġa liċenzjat bħala skola skond l-Att ta' l-Edukazzjoni għandu jikseb ċertifikat ta' reġistrazzjoni mill-Ministeru permezz tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.
Informat ukoll li l-programm għandu jkun skond il-Kurrikulu Nazzjonali u jkun immexxi minn persuni kwalifikati, filwaqt li l-bini wżat għandu jkun adatt kif jitolbu kriterji stabbiliti. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tirriżerva d-dritt li tispezzjona l-programmi u l-postijiet fejn isiru u li twaqqafhom jekk meħtieġ.
Ma ntalab l-ebda ħlas mar-reġistrazzjoni.
Jista’ il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim li ġie ffirmat fiċ-Ċina l-gimgħa li għaddiet dwar bdil ta’studenti għal skopijiet edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jpoġġi l-Mistoqsija lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11970, jista' il-Ministru jikkonferma li qed nitkellmu fuq l-istess każ, peress li jien informat li dak li jirrigwarda l-istudent li ismu qed jintbagħat separatament, ġara madwar xahrejn ilu? Jista' il-Ministru jinformana x'passi ttieħdu f'dan il-każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kien hemm ebda każ ieħor barra dak imsemmi fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11970.
Minn informazzjoni li għandi, l-isem li għadda l-Membru m'għandu xejn x'jaqsam mal-każ li ġara sitt xhur ilu fl-iskola Primarja 'A' ta' Raħal Ġdid.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11386, jista' il-Ministru jindika l-iskejjel fejn hemm bżonn ta' xogħol ta' manutenzjoni u x'tip ta' xogħol, anke fid-dawl ta' diskors li sar minnu stess fejn stqarr li ser isir ħafna xogħol fl-iskejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11385 u jgħid bħalissa f'liema skejjel qiegħed isir xogħol ta' manutenzjoni u/jew xogħol ieħor? Jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qiegħed isir u kemm jiswa f'kull każ? Min huma l-kuntratturi li qed jagħmlu x-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li rċevejt numru ta’ ilmenti minn xi nies li jiffrekwentaw il-kumpless sportiv tal-Kottonera li riċentement xi studenti bl-uniformi ta’ l-iskola li isimha qed jintbagħat separatament, tħallew jilagħbu l-karti għall-flus, jista’ il-Ministru jinvestiga għaliex dawn l-istudenti, li hemm minnhom taht is-16–il sena, tħallew jilagħbu l-karti u anke tħallew jixtru xorb alkoħoliku? Dan ma jikkostitwix reat minħabba li huwa logħob ta’ l-azzard f’post pubbliku li huwa mmexxi minn kunsill imwaqqaf mill-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Cafeteria fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera hija mikrija lill-Health Pit Cottonera Ltd. Sal-lum il-Kunsill Malti għall-iSports ma kellu l-ebda rapporti dwar logħob ta' l-azzard ġewwa xi faċilita' taħt il-kontroll tiegħu. Hija policy tal-KMS illi ma jħallix kwalunkwe' abbuż jew reat ġewwa faċilitajiet sportivi direttament taħt il-kontroll tiegħu. Il-Facility Manager tal-Kumpless tal-Kottonera ġie avżat biex jagħmel inspections fil-Cafeteria biex jiġi żgurat illi ma jkun hemm l-ebda abbuż. Tlabt lill-Kunsill Malti għall-iSports jassigura li tiġi osservata policy stretta dwar xorb alkoħoliku, tipjip u logħob ta' l-azzard, speċjalment fejn jidħlu iż-żgħażagħ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11317, jista’ il-Ministru jgħid jekk l-informazzjoni li ngħata hijiex korretta, dawk li jieħdu sehem fil-logħob li jsir waqt il-ħin tax-xogħol jingħataw permess speċjali? Min hu responsabbli għall-ħlasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Malta Employees Sports Association, li qabel kienet magħrufa bħala Government and Parastatal Sports Association, ilha għal ħafna snin torganizza kompetizzjonijiet għall-impjegati tal-Gvern u ta' entitajiet oħra li l-Gvern għandu kontroll fuqhom. Normalment l-impjegati jingħataw permess speċjali sabiex ikunu jistgħu jieħdu sehem f'dawn il-kompetizzjonijiet. Informat li kull Dipartiment jew entita' oħra affiljata jużaw il-kriterji tagħhom ta' kif jingħata dan il-permess għall-parteċipazzjoni fl-attivita' sportiva li tkun qed issir.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex veru li fl-iskejjel tal-gvern tfal bl-asthma mhumiex qed jitħallew jieħdu l-inhaler magħhom l-iskola? Hekk huwa veru, jista' jgħid jekk huwiex tajjeb li l-għalliema kollha jiġu mgħarrfa li attakk ta' l-asthma jikkostitwixxi emerġenza medika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn informazzjoni li nġabret mill-iskejjel jirriżulta li t-tfal u l-istudenti li jattendu l-iskejjel Primarji u Sekondarji f'Region 1 (Għawdex) jitħallew jieħdu magħhom l-inhaler fl-iskola.
Fil-każ ta' region 2 fl-iskejjel ta' Attard u San Ġwann 'B' hemm l-użanza li f'każ ta' bżonn imur il-ġenitur l-iskola filwaqt li f'San Ġwann 'A' f'każi estremi l-inhaler jinżammu fl-uffiċju tal-Kap ta' l-Iskola.
Fil-każ ta' Region 3 m'hemm ebda skola fejn l-istudenti ma jitħallewx jieħdu l-inhaler magħhom.
F'Region 4 fl-iskola ta' B'Buġia 'A', tfal jitħallew jieħdu l-inhalers jekk ikun hemm il-permess tal-ġenituri. Fi Fgura 'B', f'każ ta' bżonn imur il-ġenitur għal studenti żgħar filwaqt li studenti f'Year 6 u 7 jistgħu iħallu l-inhalers fl-uffiċju tal-Kap ta' l-Iskola.
Informat ukoll li fl-iskejjel 'A' u 'B', Senglea u Żabbar 'A' il-ġenituri jissejjaħ l-iskola f'każ ta' bżonn. Fl-iskola taż-Żejtun 'A', għalkemm din is-sena m'hemm ebda każ, hija l-użanza li l-ġenitur jintalab imur l-iskola f'każ ta' bżonn.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk il-kors ta' child care li kellu jsir mill-ETC hux sussidjat mill-Unjoni Ewropea? Jekk iva, kemm se toħroġ flus l-ETC u kemm se jingħata mill-Unjoni Ewropea?
Kemm applikaw għal dan il-kors u kemm se jintgħażlu? Il-proċess ta' l-għażla sar? Jekk sar jew se jsir, fuq liema bażi saret jew se ssir l-għażla?
Billi wħud mill-kandidati li applikaw ġew informati b'telefonata li l-kors ġie pospost, jista' il-Ministru jgħid meta fil-fatt se jsir u meta se jibda l-proċess ta' l-għażla? Il-kors hu fuq bażi full-time jew part-time?
Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Proġett kollu taċ-Childcare ( li jinkludi fiħ is-sussidju ta' l-employers u t-taħriġ għal carers) ser iqum ftit inqas minn Miljun Euro. 75% huwa ssusidjat mill-Unjoni Ewropea filwaqt li l-Gvern Malti ser joħroġ 25%.
B’kollox hu ppjanat li ser ikun hemm mija u għoxrin ‘carer’ imħarrġa fuq bażi Part-Time. Sa issa ma ħarġitx sejħa għall-applikazzjonijiet peress li kien hemm listi diġa' eżistenti li kienu intlaqgħu qabel mill-ETC.
Il-proċess ta' l-għażla isir skond kriterji stabbiliti mill-ETC li jesiġu li persuna jkollha
Ÿ mill-anqas 3 eżamijiet f’livell ordinarju li jridu jinkludu l-Malti, L-Ingliż u l-Matematika.
Ÿ fl-assenza tal-Matematika l-persuna tista tissostitwixxi b’żewġ eżamijiet oħrajn.
Ÿ fin-nuqqas ta’ xi waħda minn dawn il-kwalifiki, il-persuna triq toqgħod għall-eżami bil-miktub fit-tlett suggetti.
Kuntrarjament għal li qal l-Onor. Membru il-korsijiet qatt ma ġew posposti. Fil-fatt l-ewwel kors ġie mniedi f’Marzu li għadda u t-tieni ser jibda f’Mejju skond il-proċess ta' l-għazla imsemmi aktar qabel.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12156 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw b'devoluzzjoni proprjeta' lill-għaqdiet sportivi tul dawn l-aħħar ħames snin u liema huma?
Hemm talbiet pendenti sabiex issir devoluzzjoni ta' artijiet għal skop ta' proġett sportiv u liema huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4713.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' talbiet pendenti għal skopijiet ta' proġetti sportivi.
Jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex veru li teżisti liġi ta' l-impjiegi li tgħid li min ikun ilu erba' snin jaħdem ma' individwu awtomatikament jiġi tal-post? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, għaliex dan ma jgħoddx għall-ħaddiema tal-gvern ukoll - casual jew part-time?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-materja hi regolata bl-Avviż Legali 429 ta' l-2002, "Regolamenti ta' l-2002 dwar Kuntratti tas-Servizz għal Terminu ta' Żmien Fiss". Dawn ir-regolamenti jistabilixxu li meta ħaddiem ikun jaħdem fuq kuntratt għal żmien fiss li jaqbeż perjodu ta' erba' snin, l-impjegat għandu jitqies minn min iħaddem bħala impjegat b'kuntratt ta' tul indefinit, ħlief meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi biex dan ma jsirx. L-applikazzjoni ta' dan ir-regolament hawn fuq imsemmi ma japplikax għas-settur pubbliku.
Jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet it-talba li għamlu l-Island karting club biex il-perijodu għall-art li għandhom f'Ħal Far jiġi estiż minħabba li jridu jagħmlu investiment sostanzjali? Billi din it-talba qed issir permezz tal-kunsill Malti għall-isports, jista' il-Ministru ġentilment jgħid fiex waslet din l-applikazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport irċieva talba mingħand l-Island Karting Club fit-22 ta' Marzu, 2005 biex il-kuntratt jiġi estiż.
Din it-talba ġiet ikkunsidrata pożittivament minn naħa tal-KMS u għamel ittra ta' rakkomandazzjoni lid-Dipartiment ta' l-Artijiet f'dan ir-rigward fit-8 ta' April 2005.