Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #28435 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Relazzjonijiet Internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid b' riferenza għar-rapport ta' ħidma tat-tielet sena tal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni, taħt Relazzjonijiet Internazzjonali f' paġna 6L, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kull ftehim imsemmi? Jista' jgħid ukoll fil-qosor x' benefiċċji gawdiet Malta fl-oqsma msemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif jintqal fir-Rapport inniffsu l-Ministeru hu responsabbli jagħti l-parir tiegħu fl-abbozzar u jieħu sehem fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet li jsiru mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin. Dawn il-ftehimiet joħolqu qafas li jkun jista' jippermetti fost oħrajn, bdil ta' esperjenzi fl-ambidu edukattiv bejn studenti u lecturers Maltin ma' dawk ta' pajjiżi oħra, promozzjoni ta' Malta f'pajjiżi oħra permezz ta' wirjiet kulturali barra minn Malta, opportunita` biex titkattar id-domanda minn studenti barranin għas-servizzi bi ħlas ta' l-Universita` ta' Malta, twaqqif ta' Ċentri kulturali barranin f'Malta, u minn aspett politiku, tisħiħ ta' relazzjonijiet ma' pajjiżi oħra.
Leg 9 PQ #28444 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Malta Racing Club

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' inhi l-proposta tal-kumitat ta' Malta Racing Club dwar ħlasijiet ġodda marbuta mat-tiġrijiet taż-żwiemel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlasijiet il-ġodda kif approvati mill-Kumitat tal-Malta Racing Club huma dawn: Season Fees Proposti Eżistenti Training Licence Lm 30 Lm 20 Owner 25 20 Second Owner 40 30 Owner/Driver 40 35 Driver 40 35 Handler 40 35 Enclosure 70 55 New horse registration 50 20 Race Entry Fees Class A1 Lm 10.00 Lm 8.00 A - D 9.00 7.50 E - G 8.00 6.00 H 7.50 5.50 Admission Fee Adult (12+) Lm 2.00 Lm 1.75 Enclosure 1.00 1.00
Leg 9 PQ #28447 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Korsa tal-Marsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' xogħlijiet qed isiru fil-korsa tal-Marsa u min qed jaħdem f' kull biċċa xogħol? Jista' jgħid ukoll jekk ħarġu sejħiet għall-offerti u kemm se jiswa kull proġett imsemmi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħlijiet li qegħdin isiru fil-korsa tal-Marsa jinkludu xogħol ta' manutenzjoni ġenerali li jsir kull staġun kif ukoll xogħlijiet għal entratura ġdida li kien ilu jinħass il-bżonn tagħha. Il-manutenzjoni qegħda ssir mill-ħaddiema tal-Klabb u minn Philip Agius & Sons Ltd waqt li x-xogħol fuq l-entratura qiegħed isir minn Polidano Brothers. Dawn ix-xogħlijiet ingħataw wara li l-Kumitat talab lil tlett kuntratturi ewlenin biex jissottomettu offerti għal dan ix-xogħol u ntagħżlet l-offerta l-aktar vantaġġjuża. Ix-xogħlijiet fil-korsa huma stmati li jiswew madwar Lm7,000 waqt li x-xogħol ta' l-entratura hu stmat madwar Lm50,000.
Leg 9 PQ #28449 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Gym

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikun lest il-gym ta' l-Universita u fiex wasal bħal issa? Jista' l-Ministru jgħid ukoll meta ser ikun lest il-gym li ser isir fil-Cottonera Sports Complex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fuq l-iSports Hall tal-Kumpless Sportiv ta' l-Universita` mistenni jitlesta sa Ġunju 2002. Ix-xogħol fuq il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li jinkludi l-gym hu maħsub li jitlesta sal bidu tas-sena 2003.
Leg 9 PQ #28451 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Cinema

Question

Jista' l-Ministru jgħid b' referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 28056 kemm attendew persuni fic-Cinema f' St. James Cavalier minn meta beda jopera sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li 'l fuq minn 3000 persuna attendew iċ-ċinema tal-Kavallier ta' San Ġakbu, il-Belt, minn meta beda jopera sal-lum.
Leg 9 PQ #28455 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Public Broadcasting Services

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1990 sal-llum: 1. Kemm inxtara apparat tat-televiżjoni għall-użu ta' l-istudio u tat-transmission ta' TVM mill-public broadcasting services? 2. Jekk dan l-apparat inxtrarax b'direct order jew inkella b'tender? 3. Jistax il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders involuti? 4. Jekk ix-xiri sar permezz ta' direct order, jistax il-Ministru jgħid għalfejn sar? 5. Lil min ingħataw it-tenders u d-direct orders u fuq liema kriterji intgħażlu? 6. Kemm kienu l-ammonti involuti f'kull każ? 7. Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi taħriġ għall-ħaddiema tal-PBS fuq l-apparat mixtri f'dan il-perjodu u cioe mill-1990 sal-lum?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Public Broadcasting Services Ltd bdiet topera fl-1992 L-Onor. Membru japprezza li l-Public Bradcasting Services Ltd, għalkemm l-azzjonijiet tagħha jappartjenu lill-Gvern ta' Malta, topera fuq linji kummerċjali u għalhekk, mogħti l-parir li l-iżvelar ta' l-informazzjoni mitluba tista' tkun ta' dannu kummerċjali għaliha. Għalhekk fiċ-ċirkostanzi ma nħossx li din l-informazzjoni għandha tingħata.
Leg 9 PQ #28461 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Servizz ta' Facilitator

Question

Jista' l-Ministru jara li tifel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament ma' din il-mistoqsija, u li qiegħed jieħu s-servizz ta' facilitator, ikun jista' jibda jitwassal bil-private tad-dipartiment mill-iskola lejn id-dar bħal tfal oħra? Jistaż jagħti l-approvazzjoni tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li meta t-tifel in kwistjoni beda jmur l-iskola San Ġużepp Ħaddiem, Marsa, il-ġenituri tiegħu kienu jwassluh sa l-iskola u lura. Iżda matul is-sena l-oħra saru arranġamenti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex il-Fondazzjoni Trasport għall-Ħajja Indipendenti tipprovdi s-servizz taħt is-superviżjoni tas-Sinjura Connie Camilleri. Informat ukoll li meta l-ġenituri tat-tifel jinfurmaw lil din il-fondazzoni li t-tifel tagħhom qiegħed jerġa' jmur l-iskola, is-servizz tat-trasport ser ikun ipprovdut mill-ġdid.
Leg 9 PQ #28497 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti li ġew aċċettati biex jidħlu għal kors tal-mediċina u kirurġija fl-Universita' ta' Malta? Jista' jgħid kemm minn dawn huma ta' ċittadinanza Maltija u kemm m'humiex? Minn dawk ta' ċittadinanza Maltija, x'kienu l-anqas kwalifiki li bihom ġew aċċettati? Minn dawk ta' ċittadinanza barranijia, x'kienu l-anqas kwalifiki li bihom ġew aċċettati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm 52 student ta' ċittadinanza Maltija li ġew aċċettati għall-kors tal-Mediċina. Kull student magħżul kellu mill-anqas il-kwalifiki kollha meħtieġa, jiġifieri, iċ-ċertifikat tal-Matrikola u ċertifikati fil-livell Sekondarju (mill-anqas Grad 5) fil-Malti, il-lingwa Ingliża u Matematika. Kull student aċċettat għal dan il-kors kellu mill-anqas Grad B fil-Bioloġija u Kimika f'livell avvanzat, u Grad B f'suġġett ieħor (minbarra Environmental Science) f'livell intermedju. Dawn il-kwalifiki nkisbu f'sessjoni waħda ta' l-eżamijiet. Fil-każ ta' studenti barranin, kien hemm 14 li s'issa ġew aċċettati. Dawn kollha kellhom kwalifiki ottenuti minn pajjiżhom u li kienu kkunsidrati li huma ekwivalenti għal dawk mitluba mill-istudenti Maltin
Leg 9 PQ #28500 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Instructor

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk instructor li kienet tgħallem fi Skola Primarja w irreżenjat fl-1994 tistax terġa' tiġi imipjegata lura? Hemm vacancies għal dawn l-instructors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalliem li jirriżenja, ikun xi jkun il-grad tiegħu, jerġa' jiġi mpjegat wara li toħroġ sejħa għall-applikazzjoni biex jimtlew il-vakanzi. Jiddependi mill-kwalifiki ta' l-applikant u mix-xejra tal-Call for Applications jekk instructor ikunx jista' jimla' dawn il-vakanzi.
Leg 9 PQ #28503 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Impjiegi Ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 28162, jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għal dawk l-oqsma li hu responsabbli minnhom is-Segretarju Parlamentari?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li impjiegi ġodda minn Jannar 2001 sal-lum fid-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma kienx hemm filwaqt li kien hemm tlieta mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija. Rigward il-Pixxina Nazzjonali, nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet 28008 u 28265.
Leg 9 PQ #28508 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Iskola Primarja ta' Bormla

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni mbena l-pont mal-Iskola Primarja ta' Bormla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-pont li għalih qed jirreferi l-Onor. Membru huwa parti mill-programm ta' aċċessibilita` fl-iskejjel.
Leg 9 PQ #28510 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bordijiet u Kummissjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, l-awtoritajiet, l-kummissjonijiet mwaqqfa mill-gvern? X' inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #28532 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Clerk — Skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talba mill-Iskola Primarja B ta' B' Bugia biex tiġi impjegata clerk fuq bażi casual? Jekk iva meta saret u hemmx il-ħsieb li din it-talba tiġi milqugħa minħabba li hemm clerk nieqsa u hemm bżonnha ħafna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Primarja 'B' ta' Birżebbuġa hemm vakanza ta' part-time clerk. Din il-vakanza ser timtela' meta jidħlu l-ischool secretaries fi ftit ġimgħat oħra, għaliex ikun hemm part-time clerks li jkunu over-complement u għalhekk jiġu mpjegati fi skejjel oħra.
Leg 9 PQ #28542 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola ta' Ħal Qormi

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex xi skejjel primarji bħal fil-każ ta' l-iskola ta' Ħal Qormi, San Ġorġ, l-istudenti għadhom ma ġewx mitluba jġibu kotba li saret il-prattika li jintużaw partikularment fis-snin 5 u 6, peress li ġenituri ta' dawn it-tfal huma mħassbin għaliex fi skejjel oħra diġa bdew jużawhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-kotba li ngħataw lit-tfal huma biżżejjed għat-tagħlim mogħti fil-klassi. Il-prattika li hemm f'xi skejjel li jinxtraw kotba addizzjonali ma tifssirx li f'dawk l-iskejjel fejn dik il-prattika ma teżistix it-tfal qed ibatu fit-tagħlim. Fl-iskola ta' Ħal Qormi San Ġorġ is-surmast u l-istaff bl-għajnuna ta' uffiċjali kompetenti tad-Diviżjoni għamlu stħarriġ biex jaraw x'kotba adatti addizzjonali għandhom jintużaw skond il-bżonn.
Leg 9 PQ #28571 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MCAST — Għalliema tas-Systems of Knowledge

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna li dettalji tagħha qiegħed nibagħat separatament ma' din il-mistoqsija, ma ntgħażlitx biex tgħallem is-Systems of Knowledge fl-MCAST, meta din l-istess persuna għandha kwalifiki u esperjenza f'dan is-suġġett aktar milli meħtieġ u li wkoll kienet fost it-team li fassal is-sillabu ta' l-istess suġġett u saħansitra għamlet it-teżi tal-master b'suċċess fuq it-twaqqif u l-ippjanar tal-MCAST, għas-sodisfazzjon tiegħu qed nibgħat ma' din il-mistoqsija is-CV ta' l-istess persuna? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' l-intervisti li saru flimkien mad-dettalji tal-kwalifiki li kull applikant kellu? Meta l-intervista lill-persuna li diġa semmejt saret mill-istess interviewer li 8 snin ilu għamlilha s-subject interview tad-dipartiment biex jingaġġa l-għalliema għal ma l-istess dipartiment u dak inhar din il-persuna kienet ġiet l-ewwel fost l-applikanti, jista' l-Ministru jispjega kif din il-persuna ma ġietx magħżula? Jista' l-Ministru jgħid x'rimedju ser jingħata lil din il-persuna?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra wara li nivverifika t-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #28573 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar 10 snin kemm ġew eletti professuri mis-Senat ta' l-Universita'? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw mis-Senat biex jiġi elett professur? Jista' jgħid wkoll f'kull każ ta' ħatra li saret f'dan il-perjodu x'kienu l-kwalifiki li jipposedu l-professuri eletti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li n-numru ta' persuni li ġew maħtura, mill-Kunsill ta' l-Universita`, bħala Professur matul dawn l-aħħar għaxar snin kienu 21. Il-kriterji huma bbażati fuq il-kontribut li l-individwu jagħti f'oqsma ta' tagħlim, riċerka u amministrazzjoni fl-Univerista`. Fl-aħħar eżerċizzju ta' promozzjonijiet li sar, dawn il-kriterji tpoġġew fuq il-website ta' l-Universita` u jistgħu faċilment jinqraw minn hemm. Il-Professuri maħtura kellhom il-kriterji kollha neċessarji.
Leg 9 PQ #28574 Sitting 612 2001-10-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Institute of Business and Commerce

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-Institute of Business and Commerce li jaqa taħt l-MCAST ġew impjegati żewġ Assistant Direcotors mingħajr esperjenza maniġerjali kif oriġinarjament kien mitlub fis-sejħa għall-applikazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra wara li jasalli t-tagħrif mitlub.
Leg 9 PQ #28367 Sitting 611 2001-10-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel Primarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-iskejjel primarji statali kollha ta' Malta u Għawdex, skola bi skola, klassi bi klassi, fejn hemm għalliema nieqsa peress li fl-ewwel jiem tas-sena skolastika saru lmenti li t-tfal ma kellhomx min jgħallimhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma jirriżultax li hemm nuqqas ta' għalliema fil-Primarja.
Leg 9 PQ #28368 Sitting 611 2001-10-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti — Skejjel Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw studenti Għawdxin biex jidħlu f' istituzzjonijiet post-sekondarji Għawdxin? Kemm f' kull istituzzjoni? Kemm ġew aċċettati u f' liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #28372 Sitting 611 2001-10-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Malti — Xjenza u Teknoloġija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 28180?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-aħħar tlett snin, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija (MCST) impjega lil dawn il-persuni: Mr Edmond Buhagiar Assistant Executive full-time Mr Michael Refalo Assistant Executive full-time Ms Nadine Cauchi Assistant Executive full-time Mr Wilfred Kenely Chief Executive Officer full-time Informat li mhix il-prattika li kopja tal-kuntratt titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba n-natura konfidenzjali ta' dan id-dokument.