Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irriżenjax mill-Air Malta, u jgħid jekk tali riżenja kinitx marbuta ma' xi skema ta' rtirar kmieni? Jista’ jgħid jekk dan l-individwu ħax xi somma flus mill-Air Malta meta rriżenja u jekk fl-affermattiv, għal kemm kienet tammonta din is-somma?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li l-persuna inkwistjoni irriżenja minn ma’ l-Airmalta fil-15 ta’ Jannar 2009. Ir-riżenja kienet marbuta ma' l-iskema ta' “Voluntary Redundancy Scheme” offruta lill-impjegati eliġibbli dak iż-żmien. Hu ħa s-somma li kienet dovuta lilu skont it-termini tal-iskema.
Jista’ l-Ministru jgħid x’proġetti ta' restawr se jsiru mill-Gvern Ċentrali f'diversi knejjes u kappelli madwar Malta u Għawdex mit-12 ta' Marzu 2013 sad-data li tiġi imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ġej jiswa u kif se jiġi ffinanzjat kull proġett? Meta hu pprogrammat li jibda u jispiċċa kull proġett? Hemm xi ministeri oħra involuti f'dawn il-proġetti ta' restawr?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu imsemmi id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu wettaq jew għadu għaddej b’xogħol ta’ restawr f’dawn il-knejjes/ kappelli:
· Il-Kappella ta’ San Martin fil-Baħrija
· Il-Knisja l-Qadima ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi
· Il-Kappella ta’ Santa Maria tar-Rokna f’ Ħal Tarxien
· Il-Kappella tad-Duluri f’ Birżebbuġa
· Il-Kappella tal-Kunċizzjoni fin-Naxxar.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Kunsill Lokali tas-Siġġiewi –Triq Mons. Mikiel Azzopardi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatt saret xi talba min-naħa tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi lil Transport Malta fuq il-lights ta’ Triq Mons. Mikiel Azzopardi, kif titla’ minn Ħaż-Żebbuġ? Jekk kien hemm talba u ġiet rifjutata, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li, wara li ntalab l-opinjoni tiegħu minn Transport Malta, ma jsib l-ebda oġġezzjoni li ssir pedestrian crossing fit-triq imsemmija. Preżentament qed jitħejjew il-pjanti għall-approvazzjoni ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed azzjoni sabiex jinqata’ l-ħaxix ħażin u jsir xogħol ta’ patching fi triq Għajn il-Kbira, limiti tas-Siġġiewi?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li l-ħaxix ħażin fi Triq Għajn il-Kbira nqata’ fil-jiem li għaddew u l-patching meħtieġ iddaħħal fil-lista tax-xogħlijiet u mistenni li jsir f’temp qasir.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-riżultati aħħarija għall-ingaġġ ta’ diretturi fil-Ministeru tiegħu, wara li s-sena l-oħra kienet ħarġet sejħa għall-applikazzjoni għall-pożizzjonijiet ta’ diretturi għat-turiżmu u kultura, kif ukoll diretturi għall-implimentazzjoni tal-programm? Jista’ jikkonferma li minn żewġ sejħiet, ġew appuntati tliet diretturi? Xi kriterji ntużaw sabiex jiġu appuntati dawn it-tliet diretturi? X’evaluations u x’interviews saru u x’inhu l-pakkett finanzjarju globali li għandhom dawn it-tliet diretturi?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor Interpellant li saru ħatriet fit-tlett pożizzjonijiet f’dan il-Ministeru li huma:- Direttur (Turiżmu), Direttur (Kultura) u Direttur (Implimentazzjoni ta’ Programmi). Għar-rigward tal-pożizzjoni ta’ Direttur (Turiżmu u Kultura),wara li kienet ħarġet is-sejħa nħasset il-ħtieġa li t-Top Management Structure tal-Ministeru tiġi riveduta u nħolqu żewġ direttorati minflok wieħed.
Il-kriterji u l-proċess tan-nomina li ntużaw huma dawk stabbiliti skont kif spjegat fiċ-Ċirkolari Nru 11/2013, u l-ħatriet għad-diretturi saru skont Artikolu 110 tal-Kostituzzjoni. Il-pakkett finanzjarju huwa dak stabbilit għad-diretturi fis-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet responsabbli mill-Avjazzjoni Ċivili ntalbux u tawx permessi biex ikun hemm estensjoni tal-heliport ta' Għawdex? Jekk iva, x'tip ta' estensjoni ntalbet? B'kemm hu mistenni li tittawwal l-istess landing area? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-awtoritajiet tal-Avjazzjoni Ċivili Maltin għamlux studji partikulari dwar il-livell ta' sigurtà li hu meħtieġ għal-landing ta' ajruplani f'dan il-post?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li f’dan l-istadju ma hemmx talba għall-estensjoni tal-heliport lid-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili, qed isiru konsultazzjonijiet ma’ l-entitatjiet kollha konċernati.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk hemmx xi problema biex tgħaddi l-allokazzjoni finanzjarja dovuta lill-kunsilli lokali dan ix-xahar għax milli jihder ma saritx?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li kif isir is-soltu, diġa għadda l-allokazzjoni finanzjarja għat-tlett xhur li ġejjin (Jannar-Marzu 2014) lit-Teżor biex din tkun pproċessata u mdaħħla fil-kontijiet bankarji tal-Kunsilli Lokali rispettivi (permezz tal-Bank Ċentrali). L-Onor Interpellant japprezza illi dan il-proċess jieħu daqsxejn aktar fit-tul peress li qegħdin fil-bidu tas-sena finanzjarja. Infurmat ukoll illi din l-allokazzjoni ser tkun fil-kontijiet tal-Kunsilli Lokali fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jara li titranġa s-sitwazzjoni attwali fejn cameras li jitwaħħlu fl-areas partikolari biex jimmonitterjaw parkeġġ illegali jitġaddmu b'mod manwali u minflokk jibdew jittħaddmu b'mod awtomatiku għax is-sistema kurrenti tagħha lok għall-abbuż mill-persuna li tkun qed tħaddem il-cameras? Aktar informazzjoni qed tingħata separatament.
Response (VELLA, KARMENU)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar il-lokalitajiet fejn jinsabu l-cameras li qed jagħmel referenza għalihom.
Ministeru għat-Turiżmu — lista ta' varjazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Ministeru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
L-Imqabba – Sqaq Buħar fi Triq il-Parroċċa – tarmak
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jingħata t-tarmak fi Sqaq Buħar f'Triq il-Parroċċa, l-Imqabba, peress li jinsab fi stat perikoluż? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol? Kemm hi l-istima ta' dan ix-xogħol?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li l-isqaq li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant ma kienx inkluż fil-proġett pilota tat-toroq mitmum fil-leġislatura preċedenti. Infurmat ukoll illi l-Kunsill Lokali għandu l-ħsieb li jagħmel ix-xogħol imsemmi skont id-disponibilta’ finanzjarja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus kull sena fuq bini jew tiswija ta’ ħitan tas-sejjieħ il-Kunsill Lokali tax-Xagħra f’Għawdex fis-snin 2012 u 2013? Liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk dan ix-xogħol ingħatax b’tender wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b’ direct order?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li matul is-sena 2012 nefaq €11,324.58 f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u/jew bini ta’ ħitan tas-sejjieħ. Kien hemm żewġ kuntratturi li għamlu dawn ix-xogħlijiet: Emmanuel Sultana (€8,645.73) u Mario Muscat (€2,678.85).
Matul is-sena 2013 il-Kunsill Lokali tax-Xagħra nefaq €19,294.07 f’xogħlijiet ta’ manutenzjoni u/jew bini ta’ ħitan tas-sejjieħ. Kien hemm żewġ kuntratturi li għamlu dawn ix-xogħlijiet: Emmanuel Sultana (€18,812.63) u Mario Muscat (€ 481.44).
Infurmat li s-Sur Emmanuel Sultana għandu tender mal-Kunsill filwaqt li s-Sur Mario Muscat ingħata diversi direct orders. Il-pagamenti lil dawn il-kuntratturi kienu approvati b’mod unanimu mill-Kunsill Lokali.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru, jew ta’ xi entità li taqa’ taħtu, rigward il-bajja tax-Xemxija? Xi proposti konkreti hemm bħalissa għal dak li jirrigwarda l-iżvilupp ta’ dawn l-inħawi? X’tip ta’ konsultazzjoni saret s’issa u ma’ liema entitajiet lokali, jew nazzjonali saret il-konsultazzjoni? X’kienu s’issa r-reazzjonijiet li kien hemm għal dawn l-istess proposti? Minn min saru r-rappreżentazzjonijiet li saru s’issa?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet għal dan l-iżvilupp għadhom fi stadju prematur u għaldaqstant wieħed ma jistax jasal għal xi konklużżjonijiet.
Il-pjan tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta hu li tiġi żviluppata bajja bir-ramel li jkollha l-faċilitajiet kollha sabiex tiġi operata fuq livelli paralleli ma’ dawk Blue Flag, bl-għan primarju hu li l-proġett joħloq riġenerazzjoni taz-zona.
L-Awtorità ikkonsultat b’mod dirett mal-entitajiet konċernati ma’ żvilupp ta’ dan it-tip. Saru wkoll xi laqgħat mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u hemm il-ħsieb li ssir ukoll konsultazzjoni mal-Kumitat Nazzjonali dwar iż-żoni turistiċi. Il-konsultazzjoni mistenija titwessa’ la darba l-Environment Impact Statement (EIS) jkun wasal biex jiġi finalizzat.
L-Awtorità trid tassigura li l-iżvilupp ma jkollux impatt ambjentali negattiv u li jkun wieħed vijabbli u sostenibbli.
Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jelenka l-guardianship deeds kollha li saru mill-Gvern dwar art jew proprjetà pubblika fl-aħħar leġiżlatura? Jista’ jagħti dettalji ta' dati, lil min saru u dwar liema art?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali li fl-aħħar leġiżlatura saru ħames Atti ta’ Kurazija (Guardianship Deeds).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isir xi studju biex ikun jista’ jitneħħa l-iscaffolding li qed iżomm partijiet mit-tempji li kienu se jċedu fit-tempji tal-Ġgantija f’ Għawdex? Jekk iva, min qed jagħmlu? Jekk le, hemm il-ħsieb li ssir xi ħaġa?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninsab infurmat li parti mill-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali li ġew allokati għall-proġett tat-Tempji tal-Ġgantija kienu propju sabiex isir l-imsemmi studju strutturali. Dan ġie sottomess mill-Prof. Alex Torpiano u jinkludi fih proposti sabiex issir evalwazzjoni ta’ jekk u kif jista’ jitneħħa l-iscaffolding preżenti, filwaqt li jiġi stallat tip ieħor ta’ support li ma jtellifx l-apprezzament tat-tempji. Preżentament, Heritage Malta flimkien mal-Kumitat Xjentifiku għat-Tempji Megalitiċi u l-UNESCO, qed tevalwa liema soluzzjoni/jiet ser timplimenta filwaqt li qed issib sorsi ta’ finanzjar għal dawn l-interventi.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-attivitajiet kollha li ġew organizzati fit-Teatru Rjal (fit-Teatru nnifsu) matul l-2013? X'tip ta' attivitajiet kienu u kemm-il darba sar użu mit-Teatru matul l-istess perijodu? Kemm kien in-numru ta' persuni li attendew (b'mod globali) għal dawn l-attivitajiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali li sa issa għadhom ma bdewx jagħmlu live streaming tal-laqgħat tal-kunsill? X'inhuma r-raġunijiet li għalihom xi wħud mill-kunsilli għadhom ma bdewx jagħmlu tali live streaming?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4907 u 5883.