Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħlijiet ta’ tindif ta’ widien madwar Malta

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma x-xogħlijiet ta' tindif ta' widien madwar Malta ppjanati għall-perjodu bejn Mejju u Awwissu? Jista' l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm ħaddiema jaħdmu fuq dan ix-xogħol, kemm se jiswa u kemm kilometri ta' widien se jkunu qed jitnaddfu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Sezzjoni tal-Immaniġġar tal-Widien twettaq diversi interventi fil-widien li jinkludu xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni komprensiva permezz ta’ kontroll u tneħħija ta’ speċijiet ta’ pjanti aljeni u nvażivi, tħawwil ta’ arbuxelli u siġar indiġeni, ħarsien tal-infrastrutura rurali fil-korsa tal-ilma u tneħħija ta’ materjal akkumulat biex jittaffa l-impatt tal-għargħar ġewwa żoni speċifiċi. Għall-perjodu bejn Mejju u Awwissu 2015, huma ppjanati interventi ġewwa dawn il-widien: · Wied Qannotta, limiti ta’ Burmarrad, fejn se jitneħħa l-qasab; · Wied Baqqiegħa, limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ, fejn se jitneħħew s-siġar tar-riġnu u l-qasab u se jitħawlu arbuxelli indiġeni; · Wied tal-Qlejgħa, limiti tar-Rabat, fejn se jitneħħa materjal u pjanti nvażivi u se jiġu mħawla arbuxelli u siġar indiġeni; · Wied tal-Ġnejna, limiti tal-Imġarr, fejn se jiġu msewwija ħitan tas-sejjieħ u jitneħħa parti mill-materjal li akkumula. F’dan il-wied hemm diversi pjanti ndiġeni li m’humiex daqstant komuni fil-Gżejjer Maltin, fosthom is-simar l-iswed. Numru ta’ pjanti minn din l-ispeċi se jiġu maqlugħa u mħawla f’partijiet differenti f’dan il-wied sabiex din l-ispeċi tiġi kkonservata; · Wied Ħarq Ħamiem, Pembroke, fejn se jitranġa kanal tal-ilma, jitneħħa materjal akkumulat u tinbena struttura għaż-żamma tal-ħamrija. L-istima totali ta’ dawn ix-xogħolijiet hija ta’ €35,000 u b’kollox se jsiru interventi fuq 1,430 metri ta’ widien. Tnax-il ħaddiem se jkunu qegħdin iwettqu dawn ix-xogħlijiet.

Environmental Landscapes Consortium — kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-Gvern għandu mal-kumpanija Environmental Landscapes Consortium bħala Public Private Partnership?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Kosta – xogħol ta’ landscaping

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' landscaping li se jsir fi Triq il-Kosta kinux approvati mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? X'inhu n-numru tal-permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li fiha huwa inkluż dan il-landscaping?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-landscaping finali propost għall-proġett ta’ Triq il-Kosta huwa parti mir-reserved matters tal-permessi tal-proġett li huma PA 3883/08 u PA 3758/09 u l-preparamenti tal-proposti f’dan ir-rigward huwa proċess li għadu għaddej.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Kosta – baġit għal-landscaping

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għal-landscaping tal-proġett ta' Triq il-Kosta? Meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' landscaping f'din t-triq hekk kif approvat mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta diġà għamlet arranġamenti għal investiment ta’ madwar € 300,000 għal upgrading ta’ parti minn Kennedy Grove. Dan l-arranġament sar u kien relatat mal-effett tax-xogħlijiet ta’ Triq il-Kosta fuq il-parti tan-Nofsinhar ta’ Kennedy Grove. Apparti minn hekk, Transport Malta qed taħdem fuq il-proposta finali tal-landscapingsabiex jiġi stabbilit il-baġit neċessarju għall-landscaping plan finali li għad trid tiġi approvata mill-MEPA. Ix-xogħol relatat ma’ landscaping se jibda malli jkun approvat mill-MEPA, u malli tiġi ppublikata u aġġudikata s-sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol.

Transport Malta – Birżebbuġa – xogħol infrastrutturali fi Triq Kalafrana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il permess ħareġ minn Transport Malta għal xogħlijiet ta' trinek jew xogħlijiet oħra relatati ma’ infrastruttura (inklużi PMRs kif ukoll permessi għal xogħol ta' emerġenza) fi Triq Kalafrana, Birżebbuġa, fis-snin 2013, 2014 u għall-ewwel tliet xhur tal-2015? Jista’ jgħid ta' liema entità privata, awtorità jew dipartiment tal-Gvern kienu dawn ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid jekk, fis-snin imsemmija, il-Ministeru tiegħu u/jew Transport Malta rċevewx ilmenti minn terzi li sofrew ħsara lill-vetturi tagħhom peress li x-xogħol ta' reinstatement ta' wiċċ it-triq wara li jkun sar ix-xogħol ta' trinek, jew xogħlijiet oħra relatati ma’ infrastruttura, ma jkunx sar hekk kif titlob l-arti u s-sengħa? X'passi se tieħu Transport Malta biex jekk jirriżultaw każijiet ta' ħsarat lil vetturi ta' terzi minħabba nuqqas fil-kwalità tax-xogħol ta' reinstatement, l-entitajiet privati/awtoritajiet/dipartimenti tal-Gvern ikunu mitluba jagħmlu tajjeb għal dawn il-ħsarat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uniku permess li nħareġ minn Transport Malta għal xogħlijiet fit-triq imsemmija kien fuq il-bankina u għadu taħt garanzija. Il-garanzija tagħlaq f’Ġunju tal-2016. Ta’ min jinnota li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta u għalhekk Transport Malta ma taċċettax claims fuq din it-triq. Meta l-Awtorità tirċievi claims fuq ħsarat li joriġinaw minn xogħlijiet ħżiena fit-toroq mill-entitajiet, Transport Malta tgħaddi id-dettalji tal-entitajiet u l-kuntrattur lill-persuni nġurjati biex ikunu jistgħu jagħmlu t-talbiet tagħhom lilhom direttament.

Il-Mosta – vetturi reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi li huma reġistrati fuq indirizz fil-Mosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li sal-ġurnata tal-lum, hemm 20,061 vettura li huma reġistrati fuq indirizz fil-Mosta.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ħaddiema bit-telework

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fil-Ministeru, dipartimenti, kumpaniji jew awtoritajiet li jaqgħu taħtu li fl-aħħar sena (April 2014 sa April 2015) kienu qed jaħdmu bil-kundizzjonijiet tal-kuntratt tat-telework u fl-istess perjodu kienu qed jingħataw numru ta' sigħat ta' sahra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru, dipartimenti, kumpaniji jew awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fil-perjodu msemmi kien hemm 34 impjegat li jaħdmu b’ telework u fl-istess perjodu kienu qed jingħataw numru ta' sigħat ta' sahra.

Żurrieq – Vjal ix-Xarolla – xogħol ta’ twessigħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' twessigħ ta' Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq? Meta hu mistenni li jintemm dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tfassal programm ta’ xogħlijiet fuq toroq skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Marsaxlokk – Triq ix-Xatt — parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitneħħa l-parking minn Triq ix-Xatt, Marsaxlokk, kull meta jarma s-suq, kemm dak ta' fost il-ġimgħa, kif ukoll dak tal-Ħadd?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li ġie mwaqqaf kumitat inter-ministerjali sabiex jiddiskuti b’mod ħolistiku l-iżvilupp tax-Xatt ta’ Marsaxlokk. Madankollu, tali proġett għadu fi stadju ta’ diskussjoni.

Marsaxlokk – Triq ix-Xatt – żona pedonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq ix-Xatt, Marsaxlokk, issir żona pedonali? Jekk fl-affermattiv, f'liema ġranet u ħinijiet se jsir dan?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16038.

Cameras għall-moniteraġġ tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-rwol ta' Transport Malta fir-rigward tal-cameras li hemm stallati fit-toroq Maltin li minnhom wieħed jista' jagħmel moniteraġġ tat-traffiku tal-vetturi fit-toroq tagħna? Jista' jgħid jekk inħarġitx liċenzja biex setgħu jiġu stallati dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-awtorità li ħarġet din il-liċenzja? Jista' jgħid jekk hemmx policy li tirregola l-operat ta' dawn il-cameras? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tirregola dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-kumpanija/i li tirregola/jirregolaw dawn il-cameras? Jista' jgħid jekk hemmx xi forma ta' kuntratt jew ftehim bejn il-kumpanija/i inkwestjoni u l-Awtorità, u jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja ta' dan il-kuntratt jew ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 15374.

Marsa – Xogħol fi triq il-ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq il-Ħaddiem fil-Marsa, hijiex ippjanata li ssir din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta.

Is-Siġġiewi – Triq Annabelle Vassallo – applikazzjoni għal ftuħ għat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħif fejn waslet l-applikazzjoni sabiex Triq Annabelle Vassallo fis-Siġġiewi tinfetaħ għat-traffiku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma tiftaħx toroq residenzjali għat-traffiku imma tasfaltahom ġaladarba jiġu ffurmati mill-iżviluppaturi. L-asfaltar tat-toroq iffurmati jsir skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibli kif ukoll il-proċess tal-akkwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Id-9 u l-10 Distrett –toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15897, jista’ l-Ministru jgħid x’hemm maħsub bħala priorità ta’ xogħol ta’ toroq fid-9 u fl-10 distrett elettorali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’inżid ma dak li diġà ingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15897.

Bypass tal-Mellieħa — Tabelli għall-Qniefed

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu tabelli fit-triq li tagħti mill-bypasstal-Mellieħa għall-Popeye's Village li juru li f'din l-area hemm il-qniefed li ġieli jaqsmu t-triq u jispiċċaw mgħaffġa mill-vetturi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-Awtorità tat-Trasport laqgħet din it-talba u dawn it-tabelli se jiġu ordnati u stallati.

Ix-Xemxija/il-Mellieħa — xogħlijiet neċessarji fit-triq

Question

Billi fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa hi waħda importanti ferm għal dak li jikkonċerna traffiku lejn u mill-Mellieħa, kif ukoll lejn iċ-Ċirkewwa (u alura lejn Għawdex), jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-entitajiet li magħhom se jsiru l-laqgħat qabel ma jsir ix-xogħol neċessarju fuq l-istess triq, biex dan l-istess xogħol ikun jista' jsir immedjatament, possibilment qabel is-sajf?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar dan il-proġett se jinżammu ma’ dawn l-entitajiet: Korporazzjoni tal-Ilma Enemalta Go plc Vodafone Melita Dawn il-laqgħat ma jinkludux il-konsultazzjoni ta’ qabel ma jibda ix-xogħol ma’ diversi stakeholders oħra.

Operatur tat-trasport pubbliku — żieda fir-rotot tal-karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-operatur tat-trasport pubbliku, għamilx talbiet biex ikunu jistgħu jinbidlu jew jiżdiedu xi rotot ta' karozzi tal-linja matul ix-xhur li ġejjin? Jekk iva, liema talbiet saru u liema minnhom ġew milqugħa minn Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma saret l-ebda talba mill-operatur tat-trasport pubbliku biex ikunu jistgħu jinbidlu jew jiżdiedu xi rotot ta' karozzi tal-linja matul ix-xhur li ġejjin.

Sezzjoni tal-Indafa Pubblika — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm vetturi li qed jaħdmu fis-Sezzjoni tal-Indafa Pubblika fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, biex jagħtu xi servizzi lill-kunsilli lokali? F'liema lokalitajiet jagħtu servizz, u f'kull każ kemm hemm vetturi li qed jagħmlu dan ix-xogħol? Kemm hemm ħaddiema assenjati mal-istess lokalitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kull vettura assenjata mad-Direttorat għat-Tindif twettaq xogħolijiet kemm f’żoni li huma tal-Kunsilli Lokali kif ukoll dawk tal-Gvern Ċentrali. Il-vetturi jintużaw skont l-esiġenzi ta’ kull ġurnata. Is-servizzi ta’ tindif jingħataw fil-lokalitajiet skont il-bżonnijiet, imma partikolarment il-lokalitajiet li huma klassifikati bħala żoni turistiċi l-iktar li jibbenefikaw minn xogħolijiet ta’ tindif. Il-lokalitajiet huma Mellieħa, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, Ta’ Xbiex, il-Belt Valletta, Mdina / ir-Rabat, M’Scala, M’Xlokk, B’Buġia, u l-Kottonera. Hemm 70 ħaddiem li huma assenjati jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-lokalitajiet imsemmija.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi t’interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li saru fis-snin 2013 u 2014 mill-Ministeru, Dipartimenti jew Entitajiet qatt ma ġew mitluba. Is-servizz jingħata meta jkun meħtieġ.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2015 ‘l hawn ġiet ngaġġata persuna waħda fis-Segretarjat tal-Ministeru tiegħi. Dan l-ingaġġ huwa konformi mal-policy tal-Gvern kif elenkata b’ ċirkolari OPM 4/2012 – Refunds Mechanisms.