Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Dun Vincenz Balzan, Żurrieq, hijiex waħda minn dawk inklużi fil-proġett ta' rranġar ta' toroq li l-amministrazzjoni qiegħda tipprepara?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li din issir peress li l-inkonvenjent f'din it-triq huwa kbir ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol isir skond il-pijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jara x'miżuri jista' jieħu sabiex Ġebel Road, Bireżebbuga: (1) tingħata wiċċ stante illi ġiet imwessa u x-xogħol tħalla nofs leħja; u (2) isiru provvedimenti sabiex meta tagħmel ix-xita l-ilma jiġi dirett fihom peress illi dan qiegħed jispiċċa fid-dar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq hu nfurmat mill-Kunsill Lokali li għad hemm xi bini x'jitla mal-ġenb tat-triq fejn sar it-twessiegħ, u għalhekk mhux il-każ li din il-parti tat-triq tiġi asfaltata għalissa.
B'riferenza għall-interpellanzi tiegħu preċedenti fuq l-istess suġġett, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta huwa maħsub li jibda x-xogħol ta' asfaltar fuq it-toroq ta' wara l-iskola ta' Ħal Tarxien ħdejn it-triq Tal-Barranin (eż: Triq id-Dar tal-Kejka, Triq Bjago Galea, Triq Spirtu Spiteri, Triq Pawlu Schembri, Triq Xintill, Triq il-Vittmi tal-Gwerra u Triq Ċikku Saliba) wara li f'Diċembru li għadda kien intqal li t-tendering process kien kważi mitmum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Order to Start Work sabiex isir ix-xoghol f'toroq Triq P Schembri, Triq is-Sorijiet, Triq il-Vittmi tal-Gwerra, P/O Triq Xintill, Triq Vella, Triq Spiteri, Triq M Mintoff u Triq Burlo ingħatat fil-11 ta' dan ix-xahar.
Fl-istess ħin qed isiru preparamenti biex joħorġu sejħiet għal offerti għal xogħolijiet fi Triq il-Kejka u Triq Ċikku Saliba u għal kostruzzjoni tal-culvert
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u fuq liema kriterji ingħata permess lit-Traffic Control Board għal Reserved Parking quddiem ir-residenza 20 Triq l-Arcisqof Romero, San Ġiljan?
Jaf jew le l-Ministru li r-residenti li joqogħdu f'dan il-fond m'għandhom l-ebda każ ta' wheelchair u oltre minhekk ta' mobilita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li permess ta` reserved parking quddiem ir-residenza 20, Triq l-Arċisqof Romero, San Ġiljan ġie mogħti mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Jista' l-Ministru jinformana f'liema dati matul is-sena 1999 u s-sena 2000 kien imsiefer fuq xogħol ministerjali?
Jista' jgħid ukoll kemm kienu l-persuni li kienu jifformaw kull delegazzjoni u x'kien l-għan taż-żjara u x'kienu r-riżultati ta' kull żjara?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-karozzi tal-linja fir-Rabat, baqgħu ma marrux fuq bażi regolari f'St Rita Street, Rabat? Jekk irriżulta li l-komunita' Rabtija fil-maġġorparti tagħha trid il-venda f'St Rita Street, għaliex dan id-dewmien kollu biex tiġi rispettata din id-deċiżjoni?
Fil-fatt għal kemm ħin il-venda qed topera minn St Rita Street u għal kemm ħin mis-Saqqajja? Kemm ilha issa li ċċaqalqet il-venda minn St Rita Street?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ntlaħaq ftehim proviżorju bejn l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, l-Awtorita` dwar it-trasport Pubbliku u l-Kunsill Lokali tar-Rabat dwar is-servizz bi skeda mill-lokalita` tar-Rabat.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` żewġ `Press Release` maħruġa mill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku bid-dettalji ta`dan il-ftehim.
Jirriżultalu l-Ministru li hemm talbiet sabiex Triq Emanuel Vitale fir-Rabat issir one way? Jekk huwa l-każ meta resqu dawn it-talbiet u x'inhija l-pożizzjoni llum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku ma saritlu l-ebda talba sabiex Triq Emanuel Vitale fir-Rabat issir `one way`.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari u t-tweġiba tagħha numru 14952 dwar tiswija ta' toroq f'Ħal Tarxien, jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx aġġudikata l-unika offerta u jekk fl-affermattiv, meta se jibdew ix-xogħlijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninsab infurmat illi l-kuntratt biex isiru t-toroq msemmija ingħata u bħalissa d-Dipartiment qed jistenna li jirċievi l-garanzija tal-Bank biex ikun jista' joħroġ l-'order to start work'.
Peress li Triq il-Blata u Triq Sant'Anna f'Ħal Tarxien liema żewġ toroq huma antiki ħafna u dojoq tant li hemm partijiet minnhom li bilkemm tgħaddi karozza waħda, jista' l-Ministru jikkonsidra li dawn iż-żewġ toroq jiġu one way traffic biss?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt it-talba ta` l-Onor. Interpellant lill-Bord għall-Kontroll tat-Taffiku biex jara x`jista jsir.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nurmu 13801, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-rakkmandazzjoni tal-bord għall-kontroll tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għadu qed jinvestiga x'forma ta' prekawzjonijiet għandu jieħu fil-post indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jara ilgħala l-pelican lights li reċentement saru quddiem il-Knisja ta' Sant'Antnin f'Paola (quddiem il-Moskea ta' l-Għarab) u li saru mertu u grazzi għall-intervent tal-Ministru għat-Trasport wara interpellanza tas-sottoskritt, jara li jiġu mixgħula sabiex jibdew jintużaw mill-aktar fis?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq inkariga lid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi tad-Diviżżjoni tax-Xogħolijiet li fil-preżent waslu biex ilestu x-xogħol u d-dwal jinxtgħelu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti barranin li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid min huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Jista'jgħid x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba tingħata f`xi seduta oħra.
Peress li r-residenti ta' Triq Borg Olivier, Rabat, qed jilmentaw kontra l-antenna li qed titwaħħal f'din it-triq, jista' l-Ministru jinvestiga dan l-ilment u jirrimedja bis-soluzzjonijiet meħtieġa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-twaħħil ta` l-antenni jsir skond il-proċeduri stabbiliti li jibda b`rikjesta għal `Development Permission`.
Nirreferi l-Onor. Membru għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16918 dwar it-twaħħil ta` l-antenni.
Wara li fit-18 ta' April, 2000 għalqet it-tender numru CT 91/2000 dwar formazzjoni ta' toroq fi Triq Spiru Spiteri, School Perimeter, M. Vella, K. Cachia, f'Ħal Tarxien, jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq l-imsemmija toroq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi l-kuntratt biex isiru t-toroq imsemmija ingħata u bħalissa id-Dipartiment qed jistenna li jirċievi l-garanzija tal-Bank biex jkun jista' joħroġ l-'order to start work'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' konsulenti lokali li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid min huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu?
Jista' jgħid x'salarji u kundizzjonijiet għandhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba tingħata f`xi seduta oħra.
B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 18207, jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-ewwel erba' volumi tal-"Masterplan for the Roads of Malta and Gozo", peress li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra volum numru 5 biss?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ewwel żewġ volumi tal-`Master Plan for the Roads of Malta and Gozo` tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra f`seduta Nru 75 b`risposta għal domanda parlamentari Nru 5460.
Dwar iż-żewġ volumi l-oħra jien infurmat li dawn ma` ġewx ippublikati minħabba li huma għal użu intern tad-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jikkonsidra l-proposta li jitwaħħlu sinjali ħdejn il-baħar li jindikaw jekk ikunx tajjeb għall-għawm fid-dawl tad-diżgrazzji li seħħew f'pajjiżna matil dawn l-aħħar ġimgħat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fi Triq President Anton Buttigieg, Żejtun, jitwaħħlu traffic lights fejn emm zebra crossings fid-dawl ta' inċidenti tat-traffiku u nuqqas ta' sigurta' għal dawk li jaqsmu t-toroq?
Jista' l-Ministru jara li z-zebra crossings li hemm fl-imsemmija triq isiru aktar ċentrali lejn Triq Ħal Bajada u Triq M'Xlokk Road?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ż-`zebra crossing` li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret mingħajr l-approvazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.
Il-Bord ma jistax japprova l-installazzjoni ta` `pedestrian crossings` f`postijiet fejn m`hemmx bankini.
Ftit xhur ilu il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku informa lill-Kunsill Lokali taż-Żejtun li m`għandu ebda oġġezzjoni fil-prinċipju li jsiru `pedestrian crossings` fi Triq il-President Anton Buttiġieġ wara li jiġu mibnija l-bankini.