Legislature:
Category:
Reset
Active:

AFM – suldati stazzjonati mal-Ministeri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il suldat mill-Forzi Armati ta’ Malta hemm stazzjonati mal-Ministeri bħalissa u kemm kien hemm qabel id-9 ta’ Marzu 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li tmien suldati mill-Forzi Armati ta’ Malta huma stazzjonati mal-Ministeri bħalissa. Ma kien hemm l-ebda suldat stazzjonat qabel id-9 ta’ Marzu 2013.

AFM – suldati stazzjonati mal-Ministeri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Ministeru għandu stazzjonati miegħu, jew fih, suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali għandu stazzjonati miegħu żewġ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Bdil tal-Karta tal-Identità – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-ilment tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Wara li saret riċerka fir-rekords tal-aħħar tnax-il xahar tas-sezzjoni tal-karta tal-identita’, ma rrizultax li daħal rapport mingħand jew dwar din il-persuna. Iżda, wara li sar kuntatt magħha ‘llum (23/01/2014), ġie stabbilit xi ħtiega għandha, u qed tingħata s-servizz f’darha minnufih biex, fil-ġranet li ġejjin, din il-persuna jkollha karta tal-identita’ ġdida

Kumpanija li tinvesti f’co-productions ta’ films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqfitx il-kumpanija b’investiment ta’ miljun Ewro kif ġie mħabbar fil-Budget, bl-iskop li tinvesti f’co-productions ta’ films? Jekk twaqqfet din il-kumpanija, jista’ jgħid min huma d-diretturi? Jista’ jgħid kif se jintefqu l-flus u jekk hux se ssir sejħa pubblika għal dan il-għan?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li kif wiegħed dan il-Gvern fil-budget, it-twaqqif ta’ kumpanija bl-iskop li tinvesti f’co-productions ta’ films inbeda.

Użu ta’ Helicopter tal-Forzi Armati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu d-drabi li l-Prim Ministru għamel użu minn helicopter tal-Forzi Armati ta’ Malta bejn Jannar 2012 u Marzu 2013? Jista’ jgħid x’kienu l-okkażjonijiet? Jista’ jagħti d-dati? Jista’ jgħid liema helicopter intuża? Jista’ jgħid kemm dam fl-ajru? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża għal kull titjira?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Korp tal-Pulizija – xogħol ta’ waiters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema għases jew taqsimiet ittieħdu l-Pulizija li kienu mġiegħla jaħdmu ta' waiters fl-ikla fil-Palazz tal-Girgenti l-Ħamis, 27 ta' Ġunju 2013?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Għal darba oħra l-Onorevoli Interpellant kien infurmat ħażin fuq l-avveniment li seħħ fis-27 ta’ Ġunju 2013. Spjegajtlu kemm –il darba li l-Pulizija ma’ kinux imġiegħla jaħdmu din l-attivita, tant li kif spegajt f’diversi mistoqsijiet parlamentari kien hemm min irrifjuta. Minkejja li l-Onorevoli Interpellant s’issa, għamel ħdax il-Mistoqsijiet Parlamentari fuq l-istess tema, dejjem nipprova nirrepeti biex ngħati l-informazzjoni. Il-Pulizija ma’ tiħdux minn għasses jew taqsimiet imma għamlu dan bħala extra duty.

Korp tal-Pulizija – riċevimenti — tisjir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija hux ħa jaċċetta offerti biex isajjar f'riċevimenti jew okkażjonijiet soċjali tal-pubbliku jew għaqdiet soċjali, u x'se jkun il-ħlas?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi, m’hemm l-ebda ħsieb li jsir dak li qed jimplika u jekk ikun hemm dan il-ħsieb, zgur li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf u jagħmel kif inhu d-dritt tiegħu, serje ta’ mistoqsijiet oħra.

Supretendent tal-Pulizija — transfer

Question

Jikkonferma l-Ministru li s-Supretendent tal-Pulizija li kien stazzjonat Bormla sa din il-ġimgħa u li issa ġie trasferit lejn iż-Żejtun sofra dan it-transfer frott ordni li ħarġet mill-Ministeru għall-Intern minħabba pressjoni li għamel is-Sindku ta' Ħaż-Żabbar, peress li dan is-Supretendent kien ħa passi u għamel dmiru fil-festa tal-Grazzja ta' Ħaż-Żabbar f'Settembru 2012?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li għal darba oħra huwa żbaljat.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin – traffikar tad-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il każ instab li kien hemm traffikar tad-droga fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin mid-9 ta' Marzu 2013 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? F'kemm-il każ saret inkjesta maġisterjali?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li mid-9 ta Marzu 2013 sa llum kien hemm 19 il-każ ta Droga. F’dawn il-każijiet il-Magistrat ta l-għassa dejjem kien infurmat b’dawn is-sejbiet.

Korp tal-Pulizija – jiem off imħassra

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex numru ta' Pulizija, inkluż f'diversi għases, li kienu fil-jum "off" tagħhom fil-jiem tal-Ġimgħa, 28 ta' Ġunju u s-Sibt 29 ta' Ġunju 2013, ġew ordnati jidħlu għax-xogħol wara t-transfers li ġew ordnati fil-Korp fl-aħħar ġimgħat?

Response (MALLIA, EMANUEL)

L-allegazzjoni li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant fid-domanda hija għal kollox skoretta. Hadd ma ġie ordnat jidħol xogħol minħabba xi transfers.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — lista ta' varjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Ministeru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?

Response (MALLIA, EMANUEL)

B’referenza għall-mistoqsija 7063 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Trasport pubbliku — rapporti ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Arriva Malta, jew wara t-tluq tagħhom minn Malta, l-kumpanija l-ġdida li qed tmexxi t-trasport pubbliku f'Malta għamlitx rapporti dwar suspetti ta' serq li setgħa kien hemm minn fondi tal-Arriva jew tal-kumpanija l-ġdida? Jekk ma kienx hemm tali rapporti, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-Pulizija għamlitx investigazzjoni dwar dan wara dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru dwar dan is-suġġett?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninsab infurmat illi l-pulizija ma żżomx statistka fil-format u dettal kif qed ikun mitlub. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, jekk l-Onorevoli Interpellant jagħti tagħrif aktar speċifiku dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi li allegatament saru dwar dan is-suġġett, inkun nista nitlob li ningħata dan it-tagħrif.

Detention centres – impjegati trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega xi proċedura ġiet adoperata biex ħames impjegati tad-detention services Għawdxin ġew impjegati mat-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex fl-aħħar ġranet?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hija skoretta.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għada qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Korp tal-Pulizija – użu ta’ kċina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk itteħditx deċiżjoni li mill-Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2013 l-ikel għal ikliet uffiċjali organizzati f’isem il-Gvern Malti jibda jissajjar fil-kċina tal-Korp tal-Pulizija u l-waiters ikunu pulizija?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Għal darba oħra l-Onor. Interpellant kien infurmat ħażin dwar avvenimenti li seħħew fis-27 ta’ Ġunju 2013.

Korp tal-Pulizija – xogħol ta’ waiter rifjutat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li rrifjutaw li jagħmluha ta’ waiters waqt ikla organizzata mill-Gvern għal okkażjoni li ma kellha x’taqsam xejn mal-Korp tal-Pulizija fil-Palazz tal-Girgenti għal iktar minn 250 ruħ il-Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2013 minħabba li ħassewhom umiljati?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li d-domanda tiegħu tqajjem ċertu ħsibijiet għax filwaqt li f’domanda li nqrat il-bieraħ, partikolarment, mistoqsija parlamentari 3330, l-Onorevoli Interpellant qal li l-pulizija kienu mġegħla jaħdmu dan ir-riċeviment, hawnhekk qed isaqsi fuq dawk li rrifjutaw. Ovvjament kieku kien il-każ li kienu mġegħla, ebda pulizija ma’ kien ikun jista’ jirrifjuta, minħabba din l-ispjega li tajt. Ovvjament kien hemm min irrifjuta li jaħdem din l-attivita. M’hemm xejn uffiċjali minn dak li qed jipprova jallega l-Onor. Interpellant.

Korp tal-Pulizija – xogħol ta’ waiter bla ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu waiters waqt l-ikla organizzata fil-Palazz tal-Girgenti għal okkażjoni li ma kellha x’taqsam xejn mal-Korp tal-Pulizija għal iktar minn 250 ruħ il-Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2013 kienu “expected” li jaħdmu ta’ waiters mingħajr ma jitħallsu extra ta’ dan?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal darba oħra nformat ħażin.

Korp tal-Pulzija – outside catering

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm-il function hu mistenni li l-Korp tal-Pulizija jibda jservi ta’ outside catering kif għamel il-Ħamis, 27 ta’ Ġunju 2013 filgħaxija fil-Girgenti għal ikla ta’ iktar minn 250 ruħ?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx ‘functions’ simili fi żmien li ġej. Però jekk jkun hemm, jsir jaf bihom żgur.

Koperattiva għall-priġunieri

Question

Peress li fl-aħħar Leġiżlatura l-Bord tal-Koperattivi kien ingħata direzzjoni biex jgħin fit-twaqqif ta’ koperattiva għall-priġunieri, jista’ l-Ministru jgħid jekk jaqbilx ma’ dan u x’qed isir f’dan ir-rigward?

Response (MALLIA, EMANUEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-amministrazzjoni l-ġdida qiegħda tistudja din il-proposta pero’ għada ma’ laħqet l-ebda deċiżjoni fuq dan peress li għada qed titlob aktar informazzjoni.