Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħadem overtime fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw fil-leġislatura li għaddiet għall-mistoqsijiet parlamentari 6139, 6140, 6142, 6143, 6144, 6145, 6146 u 6147.

Malti — Eżami orali

Question

Jista' l-Ministru jassigura lil din il-Kamra li l-kandidati li se jagħmlu l-eżami fil-livell ordinarju tal-Malti (Sec) fir-Rebbiegħa 2014 se jkollhom allokata lilhom kwarta kull wieħed għall-parti orali tal-eżami?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-eżaminaturi tal-orali tal-Malti fil-livell tas-SEC li se jsir bejn it-2 u d-9 t’April 2014 ingħataw taħriġ dwar dan l-eżami u struzzjonijiet biex jallokaw kwarta għal kull kandidat.

ETC – Assistenta taċ-Chairman u Konsulent privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew appuntati l-assistenta personali taċ-Chairman tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ kif ukoll il-konsulent privat fl-istess korporazzjoni u jgħid jekk iż-żewġ persuni jiġux minn xulxin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istaff kollu addett mal-uffiċċju taċ-Chairman tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ huwa kif jidher iddettaljat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li ħadd minn dawn in-nies ma għandhom parentela ma' xulxin. Iċ-Chairman tal-ETC jiddikjara li ma għandu l-ebda konsulent privat la mħallas mill-ETC, la minnu personali u lanqas minn ebda entita` oħra.

ETC – Konsulent privat

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-konsulent privat tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ huwiex involut f’deċiżjonijiet marbutin ma’ permessi tax-xogħol għall-persuni minn pajjiżi terzi? Jekk iva, jarax kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li l-kumpanija privata li fiha jaħdem ukoll l-istess konsulent, hija involuta f’xogħol f’Al Ain u f’Oman?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8306. Napprezza li jekk l-Onor. Interpellant għandu fatti f'idejh li jissostanzjaw dak li qed jgħid jgħaddihomli biex inkun nista' ninvestiga.

ETC –direct orders u impjegati

Question

Jista’ l-Ministru, b’referenza għall-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fil-perijodu bejn Marzu 2013 u Frar 2014, a. Jgħid kemm kien hemm transfers interni u min kien suġġett għalihom; b. Jgħid kemm kien hemm impjegati ġodda u min kienu; c. Jgħid kemm saru appointments interni, min kienu u kif saru; d. Jagħti lista ta’ direct orders li ngħataw u lil min, b’mod partikolari fl-oqsma tal-marketing u fil-canteen services; u e. Jgħid min ta l-istess direct orders?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Birżebbuġa – klabb tal-futbol

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5848 u 6637, peress illi skont it-tweġiba li ta fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 6637 il-Ministru għall-Edukazjoni u Xoghol iddikjara illi il-Memorandum of Understanding ġie ffirmat fit-13 ta' Frar 2013, jikkonferma l-Ministru li x-xogħol preparatorju li jinkludi l-iffirmar tal-Memorandum of Understanding sar fi żmien il-Gvern preċedenti u mhux kif wieġeb għall-mistoqsija originali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li x-xogħol preparatorju li sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti kellu jerġa' jiġi rivedut għax fost l-għaġġla kien hemm bosta nuqqasijiet li riedu jiġu indirizzati.

Mature Student — stipendju

Question

Jista’ l-Ministru jindaga r-raġuni għalfejn il-mature student li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament mhux eleġibbli għall-istipendju ta’ student universitarju meta jidher li jikkwalifika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-istudent li rrefera għalih l-Onor. Interpellant naqas milli jipprovdi d-dokumentazzjoni kollha mitluba. Huwa stess kien talab lill-Bord jiksiblu l-informazzjoni mid-Dipartiment tat-Taxxi, ħaga li ma tistax issir minħabba d-Data Protection Act. Ukoll, il-Bord ma setax jikkunsidra favorevolment l-applikazzjoni ta’ dan l-istudent għaliex id-dħul globali tal-Household fuq dak li ddikjara fl-applikazzjoni, jeċċedi t-threshold li fuqu jimxi l-Bord biex jiddetermina l-każ. L-istudent imsemmi jaħdem ukoll part-time u ma ddikjarax x’inhu d-dħul tiegħu.

Memorandum of Understanding — Queen Mary Bart Medical School

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi peress li l-MoU li ġie ffirmat ma’ Queen Mary Bart Medical School għadu fil-fażi preliminari u huwa ta’ natura kunfidenzjali, ma huwiex opportun li jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, skont it-tabella li qed tidher separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

B’referenza għat-tabella li ntbagħtet separatament ma’ din il-mistoqsija, u peress li l-għadd totali ta’ ħaddiema jiċċaqlaq speċjalment f’Direttorati kbar matul perjodu estensiv ta’ kważi ħdax-il xahar (u dan ukoll minħabba tmiem ta’ impjieg għal raġunijiet varji, per eżempju, irtirar minħabba eta` jew raġunijiet mediċi, riżenji, skadenzi ta’ kuntratt, etc.), nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika data mill-perjodu ndikat minnha sabiex tkun tista’ tingħata t-total ta’ ħaddiema f’dik id-data. Rigward kemm impjegati ma kienux hemm qabel id-9 ta’ Marzu 2013, infurmat li t-tagħrif hu kif se nsemmi:- Ministeru/Direttorati Ġenerali/Dipartimenti - 684 (li minnhom 588 huma edukaturi fl-iskejjel) Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC) - 112 Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES) - 259 Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) - 3 MCAST - 60 Aġenzija Żgħażagħ - 1 Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) - 9 Aġenzija Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA) - 5 Kunsill Malti għall-iSport (KMS) - 68 Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (NCFHE) - 4 Università ta’ Malta - 68 Infurmat ukoll li l-Arkivji Nazzjonali, il-Malta Libraries u n-National Employment Authority ma kellhomx impjegati ġodda.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — service managers fid-DES

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a. kemm-il sejħa għal service managers kien hemm fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol minn Marzu 2013 sa Jannar 2014; b. kemm laħqu services managers fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol fl-istess perijodu; ċ. liema kariga kienu jokkupaw fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol fl-istess perijodu; d. f'liema skala kienu s-service managers il-ġodda fid-DES, qabel ma nħatru fl-istess perijodu; e. liema dipartimenti jew sezzjoni qegħdin iservu bħalissa s-service managers il-ġodda fid-DES; u f. liema kienu dawk is-sejħiet fid-DES, Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol minn Marzu 2013 sa Jannar 2014, li d-data tal-għeluq tagħhom ġiet estiża? Liema raġuni ngħatat għal din l-estenzjoni fl-istess perijodu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-tweġibiet minn a) sa f) li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati xi persuni fid-dekasteru tiegħu fuq bażi ta’ contract for service? Jekk saru dawn il-kuntratti, kemm-il persuna ġiet ingaġġata minn Marzu 2013 sal-lum? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna? X’perijodu jkopri kull kuntratt? X’inhu l-ħlas marbut ma’ kull kuntratt?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li b'kollox, minn Marzu 2013 sal-lum, fid-dekasteru tiegħi saru 247 contract for service. Id-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi: Tabella 'A' - Ministeru/Direttorati/Dipartimenti Tabella 'B' - Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla Tabella 'C' - Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'D' - Aġenzija Żgħażagħ Tabella 'E' - MCAST Tabella 'F' - Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Tabella 'G' - Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi

Ftuħ ta’ skola medika — lawrija

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid liema istituzzjoni se toħroġ il-lawrija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7963.

Ftuħ ta’ Skola medika – postijiet bi scholarship

Question

B’referenza għal dak li tħabbar dan l-aħħar dwar l-MoU li ġie ffirmat ma’ Barts Medical School għall-ftuħ ta’ skola medika f’Malta, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm postijiet bi scholarship għall-istudenti Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7963.

Tagħlim tal-etika fl-iskejjel – kors ta’ ċertifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji ta’ eliġibbilità għal min se jidħol għall-kors ta’ ċertifikazzjoni għat-tagħlim tal-etika fl-iskejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kors fil-livell postgraduate fit-Tagħlim tal-Etika se jkun offrut mill-Fakulta` tal-Edukazzjoni tal-Università ta' Malta b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Dan il-kors hu mfassal għall-personnel fl-iskejjel li għandhom Warrant tat-Tagħlim u sena esperjenza fit-tagħlim. L-għalliema għandhom ikunu nteressati li jgħallmu l-Etika fl-iskejjel primarji u sekondarji.

Kriterji għall-għażla tal-istudenti għall-kors ta’ ċertifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kriterji tal-għażla tal-istudenti għall-kors ta’ ċertifikazzjoni għat-tagħlim tal-etika fl-iskejjel wara li dawn ikunu eliġibbli?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-istudenti li ser ikunu eliġibbli huma dawk li jattendu fl-iskejjel fejn se jkun introdott it-Tagħlim tal-Etika u li ma jattendux għall-lezzjonijiet u l-attivitajiet tar-Reliġjon.

Università ta’ Malta – ftuħ ta’ librerija

Question

Jista’ l-Ministru jesplora l-possibilità li l-librerija tal-Università ta’ Malta tibda tinfetaħ fit-8 ta’ filgħodu sabiex tkun aċċessibbli għal dawk l-istudenti li jaslu l-Università kmieni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ħinijiet tal-ftuħ tal-Librerija tal-Università ta’ Malta huma mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9:00am sat-8:00pm u s-Sibt mid-9:00am sal-12:15pm. Madanakollu, is-sezzjoni tar-Reference, li tinsab fil-qalba tal-Librerija, tinfetaħ mit-8:30am sat-8:00pm kif jidher fuq is-sit elettroniku tal-Librerija ( https://secure.um.edu.mt/library/about/openinghours ). Din s-sezzjoni tokkupa numru sostanzjali ta’ postijiet fejn l-istudenti jistgħu jistudjaw u jagħmlu użu mis-servizzi offruti. Fil-perjodu tal-eżamijiet dawn il-ħinijiet jiġu estiżi u l-Librerija tinfetaħ fit-8:30am sal-11:00pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa, filwaqt li l-ħinijiet tas-Sibt ikunu mid-9:00am sal-4:45pm. Ir-raġunijiet li jimpedixxu li l-Librerija tinfetaħ fit-8:00am flok fit-8:30am huma diversi. Dawn jinkludu l-fatt li l-ewwel xogħol ta’ filgħodu ta’ kuljum irid isir manutenzjoni tal-ixkaffar sabiex il-kotba li jkunu ġew irritornati l-ġurnata ta’ qabel jiġu mqegħda lura f’posthom (shelving) filwaqt li l-impjegati jiżguraw li l-kollezzjoni tinżamm fl-ordni (shelf-reading), tindif tal-Librerija u manutenzjoni kemm tal-binja kif ukoll tas-sistemi elettroniċi. Barra minn hekk dan huwa l-uniku ħin fejn perjodikament isir taħriġ għall-impjegati. Kieku ma jsirx, dan kollu jostakola lill-istudenti mill-istudju, qari u riċerka meta l-Librerija tkun miftuħa. Minħabba l-fatt li dawn it-tipi t’eżerċizzi bl-ebda mod ma jistgħu jitwettqu ladarba l-Librerija tkun miftuħa għall-istudenti u l-akkademiċi, huwa imperattiv li ma jsirx tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-Librerija tal-Università ta’ Malta. Madanakollu, l-istudenti għandhom aċċess għall-Binja tal-IT Services, fejn il-ħinijiet tal-ftuħ huma mit-8:00am sat-8:00pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Mill- user area tal-IT Services , l-istudenti jistgħu jaċċessaw ir-riżorsi elettroniċi tal-Librerija. L-istudenti jistgħu jaċċessaw ir-riżorsi elettroniċi tal-Librerija wkoll mill-kumdità ta’ darhom, kif ukoll minn imkejjen oħra dment li jkollhom aċċess għall-internet.

Kumitati u assoċjazzjonijiet – għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet tammonta l-għajnuna li ngħatat mill-Gvern (jinkludi wkoll għajnuna mogħtija mill-Fond tal-Kawżi Ġusti) bejn l-2008 u l-2013 b'mod separat lill-Kumitat Olimpiku Malti, lil Malta Football Association, lil Malta Basketball Association, lil Gozo Football Association u lill-Malta Racing Club?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Skejjel tal-Knisja — fondi allokati

Question

Peress li skont l-estimi tal-Gvern għas-sena kurrenti 2014, l-iskejjel tal-Knisja kienu allokati €48 miljun u peress li din is somma hi ekwivalenti għas-somma li kienet allokata għas-sena 2013, jaħseb il-Ministru li s-somma allokata għas-sena 2014 tista' tkopri ukoll iż-żidiet fis-salarji għall-għoli tal-ħajja (il-COLA), kif ukoll iż-żidiet fl-iskali tas-salarji u allowances oħra relatati tal-impjegati? Jista' jgħid jekk hux qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni biex l-iskejjel tal-knisja jkollhom il-fondi meħtieġa biex jiffunzjonaw tajjeb?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li din il-materja hija s-suġġett ta' laqgħa interna din il-ġimgħa.

Kulleġġ Santa Tereża Skola Sekondarja tal-Bniet — eżami li beda tard

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-ġimgħa l-oħra (bejn l-10 ta' Frar u l-14 ta' Frar) eżami partikolari fil-Kulleġġ Santa Tereża Skola Sekondarja tal-bniet (fejn bħalissa l-fifth formers qegħdin jagħmlu l-eżamijiet), bi żball beda kwarta tard? Peress li xi għalliema, b'mod responsabbli ħassew li kellhom jagħtu kwarta wara l-ħin li suppost spiċċa l-eżami u oħrajn m'għamlux hekk bil-konsegwenza li xi studenti ġew żvantaġġati, jista' jikkonferma jekk l-amministrazzjoni tal-iskola, tatx direzzjoni ċara x'kellu jsir? Jekk tali direzzjoni ma ngħatatx, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi fil-perjodu msemmi bejn l-10 u l-14 ta’ Frar, ma jirriżultax li kien hemm xi eżami li beda tard. Barra minn hekk, l-istudenti kollha ngħataw il-ħin kollu kif stipulat fuq il-karta tal-eżami. Infurmat ukoll illi l-amministrazzjoni tal-iskola tat direzzjoni ċara dwar il-ħinijiet li fihom kellhom jibdew u jispiċċaw l-eżamijiet, skont il-ħin stipulat fuq il-karta tal-eżami.

Employment Aid Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan sabiex terġa' tibda titħaddem l-Employment Aid Programme? Jista' jgħid kemm se jkun hemm fondi allokati għal dan il-programm u meta l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se tibda tilqa' applikazzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għandha pjanijiet biex terġa' tniedi programm simili għall-Employment Aid Programme meta joħorġu l-applikazzjonijiet għall-użu tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2014-2020.