Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda fi Spanja, il-Portugall u l-Greċja qabel ma dawn saru membri sħaħ ta' l-Unjoni Ewropea u issa li saru membri sħaħ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nissuġġerixxi l-Onor. Interpellant biex ifittex l-informazzjoni mitluba fl-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej.
Jikkonferma l-Ministru li l-kuntratt il-ġdid għall-esportazzjoni tal-patata lejn l-Olanda għas-sena 1999, 2000 u 2001 fih żieda fuq it-tunnellaġġ u fil-prezz fuq it-tliet snin ta' qabel?
Kemm fil-fatt hija ż-żieda fit-tunnellaġġ u kemm hija ż-żieda fil-prezz fuq l-ewwel 3,000 tunnellata għat-tliet snin li ġejjin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra ma din ir-risposta kopja tal-ftehim li għamel l-Onor. Interpellant f'Mejju li għadda sabiex jigħinu jiftakar li għalkemm żdiedet il-possibilita għall-esportazzjoni b'elf tunnellata iktar fuq il-ftehim ta qabel, din hija daħka fil-wiċċ għaliex l-istess kuntratt jimponi li l-importazzjoni tal-patata ta-żriegħ Alpha ma teċċedix it-800 tunnellata, jiġifieri nuqqas ta madwar 200 tunnellata mis-snin ta qabel. Dan mhuwiex ħlief mezz ta kontroll indirett fil-kwantita ta patata ntiża għas-safar.
Iktar u iktar wieħed għandu għalxiex iħammar wiċċu meta jikkonsidra l-miserja ta' prezz medju ta' NLG18.05 C&F kull xkora, li jinkludi l-ispejjes kollha.
Fuq kollox dan il-ftehim naqqas konsiderevolment il-possibilita ta' 'overprice' għaliex l-importatur mhux biss irdoppja l-ispejjes tiegħu iżda offra wkoll prezz ridikolu li saħansitra 500 mill-1000 tunnellata hija stmata bis-NLG16.00 kull xkora li jinkludi l-ispejjes kollha.
Il-Kamra għandha tkun imfakkra li l-istess Onor. Membru kien irrifjuta li jpoġġi l-istess kuntratt fuq il-mejda tal-Kamra meta hu kien responsabbli minn dan il-qasam. S'hawn kienu jasslu l-istil maniġerjali modern u t-trasparenza li l-amministrazzjoni precedenti tant kienu jiddandnu bihom.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba mill-1990 'il hawn ġew esportati aktar minn 7,000 tunnellata?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-prezzijiet li ġabu l-bdiewa għal dawn il-kwantitajiet ta' tunnellati f'kull każ fejn intbagħtu aktar minn 7,000 tunnellata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella dwar is-safar tal-patata ta' Malta tar-rebbiegħa bejn 1980 u 1998 fejn l-Onor. Interpellant għandu l-informazzjoni kollha mitluba.
Issa li l-Ministru għandu ċ-ċans kollu jinvestiga l-file ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' jinforma lill-Kamra kemm kienet ir-rata tal-kambju fuq l-ammonti kollha tal-pagamenti ta' l-esportazzjoni tal-patata għall-istaġun 1995, 1996, 1997 u 1998?
Jista' l-Ministru jgħid kemm tammonta l-varjazzjoni fuq il-pagamenti ta' l-1997 u l-1998 kieku r-rata tal-kambju inzertat bħal dik ta' l-1996 meta kienu ġew esportati 3,800 tunnellata?
Jista' l-Ministru jindika kalkolu ta' kemm kien ikun il-prezz għall-ewwel 3,800 tunnellata ta' patata esportata kieku l-kambju ta' l-1996 kien ikun l-istess kambju ta' l-1997 u l-1998 u viċi versa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Inħoss li tlett xhur ilu l-Onor. Interpellant kellu żmien kollu sabiex jagħmel dan l-eżerċizzju meta kien għadu Ministru għaldaqstant ma jidhirlix li jkun għaqli li noqgħod naħli ż-żmien fuq il-kieku u s-suppost. Fuq kollox minkejja li ċ-caqliq tal-kambju minn jum għall-ieħor mhix xi novita, hu ma ndenjax ruħu jaħseb għaliħ meta għamel ftehim ieħor ġdid. Barra minn hekk ta min jgħid li jekk ir-rata tal-kambju kellha effett negattiv fuq l-esportazzjoni minn naħa l-oħra fil-każ tal-importazzjoni tal-patata taż-żriegħ kellu jkun posittiv. Ir-rati tal-Kambju tant ivarjaw li dan l-aħħar ir-rata tal-Guilder Olandiż, il-munita li l-iktar tikkonċerna dan in-negozju, qarrbet ħafna lejn dik tal-1996.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-miżuri l-ġodda li ġew introdotti bħal jumbo bags u l-pallets, humiex effettivi biex jitħaffef il-proċess tal-grading u jiġu evitati ħafna mill-ispejjeż, bħal xkejjer żgħar u ġarr tal-patata? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x'miżuri ġodda se jintroduċi minflok dawn?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant jista jiserraħ moħħu li ħadd ma hu kontar l-progress fis-sistemi tal-esportazzjoni tal-patata ta' Malta sa kemm dan ikun ta' benefiċċju u mhux ta' dannu għal dan in-negozju.
Jidher li din is-sena fuq insistenza tal-importaturi Olandiżi ġew introdotti ħabta u sabta sistemi ġodda ta' ppakkjar u tagħbija mingħajr ma saru l-preparamenti meħtieġa li kienu jirrikjedu makkinarju, għodda, pallets u nies imħarrġa.
Fil-verita din is-sistema żgur ma ħaffitx il-proċess tal-għażla u anqas ma ġew iffrankati spejjes tal-ġarr u tax-xkejjer iż-żgħar tant li xkora tal-1000kg swiet daqs 40 waħda tal-25kg. Għalhekk meta wieħed jikkonsidra li dan il-metodu mhux biss għolla l-prezz tal-feight għaliex kemm il-kubaċċ kif ukoll il-piż tal-cargo żdied iżda fuq kollox l-ispejjes tal-ħatt, ħażna u ppakkjar fl-Olanda ma naqsux. Minn dan jidher li kienu l-importaturi Olandiżi li gawdew mill-benefiċji li toffri is-sistema.
Minn dan kollu wieħed jikkonkludi li r-riżultati jimmeritaw evaluwazzjoni bir-reqqa qabel ma wieħed jikkommetti ruħu speċjalment meta tikkonsidra li skond il-kuntratt, liema kuntratt kien ġie ffirmat fi żmien l-amministrazzjoni precedenti, mhux biss ma hemmx indikat minn għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjes li tinvolvi dan it-tip ta' tagħbija iżda r-rati tal-ispejjes indikati żdiedu konsiderevolment.
Billi issa l-Ministru għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-file ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' jinforma lill-Kamra kemm kien l-ammont fi flus Maltin sabiex jiġu sussidjat il-prezz tal-patata esportata lejn l-Olanda fl-1992? X'kienu r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni u d-deċiżjoni?
Kemm fil-fatt kien ikun il-prezz għal kull qantar għall-bdiewa Maltin fuq it-tunnellaġġ kollu esportat dik is-sena kieku ma ngħatax dan is-sussidju lill-bdiewa?
Jikkonferma l-Ministru li dawn il-flus kienu nħarġu bħala advance mit-Teżor? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk dawn il-flus tħallsux lura lit-Teżor kif suppost?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella ma din it-tweġiba, dwar l-esportazzjoni tal-patata ta' Malta tar-rebbiegħa bejn 1980 u 1998 fejn l-Onor. Interpellant għandu jsib l-informazzjoni mitluba. Rigward is-sitwazzjoni li seħħet fil-1992, din kienet kawża ta suq ħażin tal-patata li ħakem l-Ewropa kollha. Bħal ma jsir f'każi simili, l-Ministeru tal-Finanzi kien deherlu li għandu javanza somma biex jaġevola lil dawk milquta ħażin u dan ħalla f'idejn id-Dipartiment tal-Agrikoltura sabiex jagħlaq dan l-avanz meta jkun f'posizzjoni li jagħmel dan u s'issa jidher li għadu ma wasalx dan iż-żmien.
Madankollu, l-Kamra għandha tkun infurmata li fil-1992 ma t'tieħdu l-ebda flus li oriġinarjament bi dritt kellhom jitħallsu lill bdiewa bħala ħlas għall provvista tal-patata għall-esortazzjoni. B'kuntrast ma dan, ta' min ifakkar ukoll li fl-aħħar staġun (1998) l-istess Onor. Membru ħa Lm13,500 mill ħlas dovut lill-bdiewa biex itaffi l-falliment sħiħ fl-esportazzjoni ta ħxejjex lejn l-Ingilterra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx ikkonsidrat u ppjanat sabiex fil-futur qarib isir ġnien publiku aħjar ġewwa l-Fgura bejn is-Swar tal-Kottonera u l-abitat b'mod li wieħed ikun jista' jimxi minn barra tulhom, mill-Malta Drydocks sa l-aħħar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi mgħoddi lill-Awtorita kompetenti li qed tippjana ir-rijabilitazzjoni tal-area kollha msemmija fid-domanda.
Jista' l-Ministru jibgħat numru ta' nies sabiex inaddfu u jġibu fi stat tajjeb dik il-parti ta' ġnien pubbliku li hemm fl-aħħar ta' Cottonera Avenue, Fgura inti u sejjer lejn Ħaż-Żabbar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Din il-lokalita' taqa taħt l-awtonomija tal-Kunsill Lokali tal-Fgura li għandu kuntratt ma entita privata biex isir ix-xogħol mixtieq fir-raħal tiegħu.
Jista' l-Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
(a) Matul il-perjodu 5 ta' Settembru sa' l-1 ta' Diċembru 1998, il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd uża, b'emerġenza, għall-ġarr ta' għamara ta' l-uffiċċju, l-istess kuntratturi, jiġifieri Borg Brothers tas-Siġġiewi, li kienu ngħataw il-kuntratt mill-amministrazzjoni ta' qabel u bl-istess rata li biha kienu rebħu dak il-kuntratt, jiġiefieri Lm30 kull vjaġġ. B'kollox dan it-trasport laħaq is-somma ta' Lm390.
Barra minn hekk, kien jinħtieġ ukoll ġarr kemm ta' għamara kif ukoll kwantitajiet kbar ta' files u oġġetti anċillari bħalhom minn sular għall-ieħor u minn kamra għall-oħra u dan dam sejjer mill-24 ta' Settembru sa' l-1 ta' Ottubru, 1998. Għal dan is-servizz, il-kuntratturi ngħataw is-somma ta' Lm270. (ara PQ 538)
(b) Bejn id-9 ta' Settembru, 1998 sal-1 ta' Diċembru 1998 kien jenħtieġ li tinkera karozza self drive mingħand il-Butterfly Garage, li hu l-Kuntrattur uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi ta' dan il-Ministeru, għal erba' perjodi separati. din il-vettura, li nkriet għall-użu ta'l-Onorevoli Ministru ta' l-Agrikoltura u Sajd, ma kinitx taqa' taħt l-istess kundizzjonijiet u specifications tal-kuntratt preżenti. Minħabba li l-karozza uffiċjali (GM) ta' l-Onorevoli Ministru fl-erba' okkażjonijiet kienet bill-ħsara, il-kiri tal-karozza kien inevitabbli, u kull darba kellu jsir b'urġenza, għalhekk ġie deċiż li ssir direct order mingħand il-Butterfly Garage. Dan il-kiri sar bl-Lm10 kuljum u sa' 1 ta' Diċembru tkun tħalset is-somma ta' Lm460.
(c) Kuntratt b'direct order ingħata lill-BIOMAR għal ikel tal-ħut fiċ-Centru tal-Akwakultura. L-ispecifications għamilhom Mr. Malcolm Pace Debono u għamlu l-award Dr Alain le Breton, konsulent Franċiż u Mr Alex Meilak, Hatchery Manager. L-ammont kien ta FF 30968,00(Lm2200). Xi sena ilu kien sar board ta' għażla għal dan it-tip ta' ikel tal-ħut. Kienu ntalbu 5 Quotations. Billi dan instab li hu l-aħjar, minn dak iż-żmien saret issir din id-direct order.
(d) Direct order ieħor ingħata lill-Ferme Marine de Douhet (FMD) biex inxtraw larvae ta' jum Centru tal-Akwakultura. L-ispecifications għamilhom Mr Alex Meilak, hatchery manager u l-award sar minn Mr Alex Meilak stess u Dr Alain Le Breton. L-ammont kien ta' FF 21055,00 (Lm 3500).
Ir-raġunijiet għalfejn ingħatat din id-direct order hu li (a) FMD hija 'hatchery' approvata għall-importazzjoni ta' ħut żgħir ġewwa Malta; (b) il-ħut huma ta' l-aqwa kwalita' u (c) huma kienu l-uniċi hatchery li kellhom il-larvae x'joffru għal bejgħ t'dak iż-żmien.
Billi sħubija sħiħa ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea tinvolvi introduzzjoni ta' madwar 300 liġi għas-setturi tal-Biedja u Sajd, liema liġijiet għandhom madwar 30,000 regola li jridu jiġu osservati mill-bdiewa, raħħala u sajjieda tal-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra qasam qasam kif se jibda jwettaq il-programm leġislattiv sabiex jintroduċi dawn il-liġijiet u regoli ġodda fis-setturi?
Meta se jiltaqa' mal-koperattivi tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sabiex jaġġornahom dwar dan il-programm leġislattiv?
Min huma l-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd u ta' l-Agrikoltura responsabbli biex iwettqu dan il-programm leġislattiv?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li numru kbir ta' direttivi u regolamenti fl-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd ma japplikawx għal Malta billi huma dwar prodotti u sistemi ta' produzzjoni estraneji għal Malta.
Għaldaqstant l-applikazzjoni tal-'Aquis Communitaire' għall-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd hija suġġetta għal negozjati bejn Malta u l-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej. Matul dawn n-negozjati jiġi miftiehem ukoll il-programm leġislattiv.
Kif ġie mwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern jassigura tisħib sħiħ tal-bdiewa u s-sajjieda fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropeja u wara jivvotaw fir-Referendum b'tagħrif sħiħ.
L-Ufficjali kollha tal-Ministeru u tad-dipartimenti tal-Agrikoltura u tas-Sajd huma responsabbli mit-twettieq tal-programm leġislattiv li jkun miftiehem.
Il-Gvern għandu fiducja sħieħa li flimkien, ir-rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda u l-ufficjali tal-Ministeru jirnexxielhom jinnegozjaw kundizzjonijiet li jkunu ta' ġid, fiduċja u direzzjoni għall-futur ta' dawn is-setturi.
Jikkonferma l-Ministru li ma kien ebda proposta mill-Ministeru u l-Gvern preċedenti sabiex jitneħħew il-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-Biedja u Sajd matul it-22 xahar ta' tmexxija?
Fil-fatt x'kienu r-rakkmandazzjonijiet tal-Gvern u l-Ministeru preċedenti dwar is-setturi?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn il-proposti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li meta l-Partit Laburista fl-Gvern għamel proposta sabiex tinħoloq żona ta' kummerċ ħieles bejn Malta u l-Unjoni Ewropeja s-settur tal-Agrikoltura ma setgħax jitħalla barra minħabba r-regoli tal-World Trade Organization. Għaldaqstant din il-proposta kienet tfisser ukoll it-tneħħija tal-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-Agrikoltura.
Fil-fatt l-Unijoni Ewropeja permezz tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet għamlitha ċara li l-Agrikoltura ma tistgħax titħalla barra mill-ftehim ta' żona ta' kummerċ ħieles.
Dan ifisser li t-tneħħija tal-levies ta' protezzjoni kien ikolla sseħħ bla ma Malta tibbenifika mill-għajnuniet li dan is-settur igawdi minnhom bi sħubija sħieħa.
L-Onor. Interpellant imissu jaf ukoll li ma hemmx levies ta' protezzjoni fuq il-ħut iżda kontrolli fuq l-importazzjoni.
L-Onor. Interpellant huwa konxju ukoll bil fatt li biż-żona ta' kummerċ ħieles li riedet twaqqaf l-amministrazzjoni precedenti il-bdiewa, raħħala u s-sajjieda kien ser ikollhom jiġġieldu ma xita ta' importazzjoni ta' prodotti ta' biedja u sajd bi prezzijiet baxxi, ma liema importazzjoni l-istess bdiewa, sajjieda u raħħala ma kienux ser ikunu f'pożizzjoni li jikkompetu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi tkun il-pożizzjoni dwar il-levies u l-kwota tal-protezzjoni ta' ħalib frisk, laħam tal-majjal eċċ, eċċ fis-setturi tal-Biedja u Sajd bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?
Kemm iridu jitneħħew levies ta' protezzjoni għall-bdiewa, raħħala u sajjieda f'każ ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea? Liema huma dawn il-levies, qasam qasam?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li din il-materja hija suġġetta għal negozjati mall-Kummissjoni tal-Komunita Ewropeja fid-dettal.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża ta' fergħa li saret ta' madwar 1000 pied minn fuq il-main li tiela' għal Bulebel u li jissupplixxi 2nd class water minn ta' Sant'Antnin? Min awtorizzaha u kemm bdiewa se jinqdew minn din il-fergħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dan ix-xogħol fuq il-main sar mill-korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma fuq rikkomandazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura wara talba ta' bidwi fl-inħawi iktar kmieni din is-sena. Din il-fergħa tista' tintuża għal bdiewa oħra fl-istess inħawi jekk isiru talbiet bil-miktub.
Sa issa ix-xogħol għadu mhux komplut. L-istima ta l-ispiża tal-fergħa mistennija li tilħaq iċ-ċifra ta madwar Lm3,000.
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-1945 sal-lum, kemm inqabdu sajjieda barranin fl-ibħra Maltin riservati għas-sajd lokali? Min kienu? Meta nqabdu? Meta tressqu l-qorti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li id-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura m'huwiex f'pożizjoni li jagħti risposta minħabba li ma jżommx records billi f'każi simili hu jigi nvolut biss bħala xhud.
Għalhekk din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru koncernat.
Billi wieħed mill-pjanijiet li kellu l-Gvern preċedenti kien li jirranġa l-kwarantina ta' l-annimali u tjur tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-pożizzjoni u ċioe' l-pjan tal-Gvern tal-lum?
Billi kulma jmorru l-familji Maltin u Għawdxin qed ikunu aktar komdi li jrabbu pets, tjur u annimali, jista' l-Ministru jara li dawn ix-xogħlijiet isiru? Jekk le, għaliex? Jekk iva, f'liema xahar u sena se jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Gvern preċedenti kellu ruxxmata pjanijiet dwar x'suppost kellu jiġi mwettaq, liema pjanijiet baqgħu fl-ajru, bħalma tindika l-interpellanza ta' l-Onor. Membru.
Hija responsabbilita' ta' dan il-Ministeru li jsiru u jiġu attwati pjanijiet dwar postijiet ta' kwarantina għall-annimali u t-tjur. Kif jaf l-istess membru, fi żmien Gvern Nazzjonalista ġiet rihabilitata il-kwarantina ta' Zammit Dock, fejn jinżammu l-annimali ta' produzzjoni kif ukoll żwiemel jew annimali oħra kbar bħal iġmla.
Għar-rigward ta' pets jew annimali eżotiċi żgħar, il-kwarantina f'Ħal-Luqa diġa qegħda sservi għal dan l-iskop. Matul it-tnax il-xagħar li ġejjin huwa maħsub li jiġu ntrodotti gaġeġ speċjali għall-għasafar żgħar u ħamiem f'din l-istess kwarantina.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 570 tat-2/11/98?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li l-ewwel lott ta' pagamenti bħala rifużjoni ta' flus ta' nofs il-kontribuzzjoni ta' s-Sigurta Soċjali għandhom joħorġu matul Diċembru 1998. It-tieni lott joħroġ f'Jannar 1999. Dan minħabba raġunijiet amministrattivi.
Ma hemm ebda arretrati dovuti, iżda fadal xi talbiet li saru tard u li jekk jissodisfaw ir-regolamenti jieħdu dak li ħaqqhom.
B'riferenza għall-istqarrija tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar l-aħħar arranġamenti ta' 600 tunnellata patata għall-esportazzjoni, jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-ammont ikoprix it-tlett snin tal-kuntratt il-ġdid jew għal sena waħda biss? Jekk ikopri sena waħda biss, x'kienu r-raġunijiet? Xi prezzijiet minimi garantiti ingħataw il-bdiewa għal dawn is-600 tunnellata? Għal liema perjodu huma garantiti dawn il-prezzijiet? U jekk jeżistu prezzijiet garantiti, x'arranġamenti hemm fuq l-overpricing? Jista' l-Ministru jinformani kemm huwa l-prezz tal-kuntratt eżistenti għall-ewwel 3,000 tunnellata u x'arranġamenti hemm fuq l-overpricing?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minħabba l-esportazzjoni tal-varjeta Sante' qegħda ssir bi prova, il-ftehim li sar dwar dawn is-600 tunellata jikkonċerna din is-sena biss. Naturalment dan sar sabiex wieħed ikun jista jirregola ruħu skond ir-riżultati miksuba.
Filwaqt il-prezz skond il-kuntratt il-ġdid għall-ewwel 3,000 tunellata Alpha huwa NLG30.60 kull xkora taż 25kg dak miftiehem dwar is-600 tunellata Sante' huwa prezz medju ta' NLG30.75.
Ta min iżid li dwar l-esportazzjoni tal-patata Alpha (6000 tunellata bi prezz garantit), il-prezz medju fuq l-istess esportazzjoni huwa ta' NLG 26.50 kull xkora ta' 25kg, li allura jfisser 16% INQAS mill prezz medju garantit fuq l-esportazzjoni tas-600 tunellata tal-varjeta Sante'.
Billi kien twaqqaf kumitat sabiex jiġi studjat il-potenzjal tat-Tuma pennings bil-għan li jiddiverifika aktar il-qasam ta' l-akwakultura fil-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi jew jekk dan il-kumitat għadux stabbilit? Jekk le, għaliex?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-politika tal-Gvern hija li jifli bir-reqqa kull proposta ta'investiment f'kull fergħa tal-qasam tas-Sajd. Wara li jsiru l-istudji neċessarji kollha, kif ukoll wara li jiġu eżaminati l-aspetti ekonomiċi u ambjentali ta kull proġett, il-Gvern jagħti l-approvazzjoni tiegħu fl-aħjar interessi tal-industrija tas-Sajd u l-Akkwakultura.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx promotions matul is-sena 1996, 1997 u 1998 fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura minn Senior Tradesman għal chargehand? Meta se joħorġu applikazzjonijiet għal dawn il-promotions partikolari?
Response (ZAMMIT, NINU)
Skond l-agreement dwar il-klasifikazzjoni, ristrutturazzjoni u assimiliazzjoni tal-Klassi Teknika li ġie ffirmat fis-26 ta'Awissu, 1994, il-grad ta'Chargehand ġie assimilat f'dak ta' Assistant Technical Officer.
Ma ngħatawx promotions matul is-snin 1996, 1997 u 1998 fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura minn Senior Tradesman għal Assistant Technical Officer. Fl-4 ta' Dicembru, 1997 is-Sur Nazzareno Cortis minn Senior Tradesman laħaq Assistant Foreman. L-iskala ta' paga ta' Assistant Technical Officer u Assistant Foreman hija l-istess, jiġifieri Skala 13.
Bħalissa qed issir ristrutturazzjoni tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd. Għaldaqstant joħorġu l-applikazzjonijiet hekk kif jiġi ffinaliżżat dan l-eżerċizzju.
Peress li l-Amministrazzjoni Laburista kienet ddikjarat mas-Sajjieda Xlokkajri li x-xatt u ċioe' Xatt is-Sajjieda kien se jitħalla għas-sajjieda, jista' l-Ministru jagħti l-istess assigurazzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lil-Onorevoli Interpellant jgħid meta saret u x'kienet tgħid id-dikjarazzjoni li qed jgħid li għamlet l-Amministrazzjoni Laburista u jekk teżisti jipproduċi kopja tagħħa.
Xatt is-Sajjieda hu kif inhu llum grazzi ghall-Amministratzzjoni Nazzjonalista tas-sittinijiet meta l-Ex-Ministru Carmelo Caruana ħa d-deciżjoni, u sar ix-xogħol, biex twessa'Xatt is-Sajjieda u kompla ssebbaħ dan ir-raħal.