Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mard fuq iż-żriegħ tal-patata u l-ħxejjex

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema kien il-mard reġistrat fuq il-varjetajiet taż-żriegħ tal-patata u tal-ħxejjex separatament f'Malta u Għawdex matul is-sena 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-mard reġistrat fuq il-patata u ħxejjex oħra f’ Malta matul 2003 Dwar il-parti ta’ mard li ġie rreġistrat Għawdex l-Onor. Interpellant hu mitlub li jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministeru għal Għawdex.

Tas-Sliema — Parking taħt l-art

Question

Jista' il-Ministru jinformani jekk il-proġett ta' parking taħt l-art quddiem il-preluna hotel u x'chalet ġiex allokat lil xi ħadd? Jekk fl-affermattiv, lil min u meta se jibda x-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ġnejna — Taħt l-irdum l-imdawwar - garaxxijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk numru ta' garaxxijiet li nbnew fil-Ġnejna, fil-parti magħrufa bħal taħt l-irdum l-imdawwar (il-parking ta' fuq ġewwa in-naħa tax-xellug tal-bajja) għandhomx il-permessi meħtieġa? Jekk fl-affermattiv, meta nħarġu dawn il-permessi u fiex jikkonsistu? Jekk m'hemmx permessi meħtieġa, jista' jgħid x'passi se jittieħdu biex dawn jitneħħew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma jirriżultax li qatt inħarġu xi permessi ta’ żvilupp sabiex jinbnew xi garaxxijiet f' din in-naħa tal-bajja. Pero’ instab li kienu saru diversi applikazzjonijiet matul is-snin għal dan it-tip ta' żvilupp. Minn investigazzjoni jirriżulta li garaxxijiet jew ossija boathouses, saħansitra uħud minnhom imħaffrin fil-blat, ilhom jeżistu fl-inħawi għal bosta snin. Kien hemm okkażjonijiet ukoll fejn sa minn qabel 1992, cioe ‘fi żmien l-ex PAPB, inbdew proċeduri legali mill-Pulizija. Azzjoni t' infurzar skond l-Att Nru 1 ta’ 1992 ittieħdet ukoll minn-naħa ta’ l-Awtorita ta’ l-Ippjanar, fejn numru ta’ strutturi kienu tneħħew fiżikament. Sadanittant Avviżi tat-Twettieq ECF 1424/97 u 1425/97 maħruġa fuq garaxxijiet paritikolari u li nqabdu jinbnew fil-fatt għadhom pendenti minħabba li hemm appell minn diversi rifjuti ta' applikazzjonijiet quddiem il-Bord ta l-Appelli dwar l-Ippjanar.

Poultry products — Importazzjoni

Question

Malta ingħaqdet mal-EU BAN fuq l-importazzjoni ta' poultry products mis-Southkorea, il-Ġappun, il-Vietnam u t-Tajlandja minħabba li ġew skoperti każi ta' bird flu fin-nies ġewwa t-Tajlandja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta ma timpurtax la tiġieġ u lanqas agħsafar mill-pajjiżi msemmija u lanqas laħam iffriżat. Fil-fatt f’ dawn l-aħħar snin qatt ma ħarġu liċenzji għall-kummerċ ta’ dawn il-prodotti mill-Ġappun, South Korea, Vietnam u Tajlandja.

Ħal Qormi — Permessi għall-bini

Question

Jista' il-Ministru jagħti rendikont tal-permessi għal bini li ingħataw fi Triq iċ-Ċawsli Ħal Qormi u x'tip ta' permessi ingħataw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tinnota li din l-informazzjoni hija aċċessibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Għalhekk din l-informazzjonimhijiex tagħrif speċjali kif stipulat fl-ewwel paragrafu ta’ l-iStanding Order nru. 27 tal-Kamra.

Għawdex — Rabat - Żvilupp fi Triq Borg Olivier

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3737 li saret lill-Ministru għal Għawdex u cioe' jista' il-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-iżvilupp fi Triq Borg Olivier, fir-Rabat, Għawdex - file no: MEPA 93/03? Jista' jgħid jekk ġewx konsultati l-kunsill lokali tar-Rabat, il-clubs tal-football u entitajiet oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-applikazzjoni PC 93/03 li għaliha qegħda tirreferi I-Onor. Interpellant, m' hix applikazzjoni ta' żvilupp, iżda applikazzjoni għal tibdil fl-allinjament tal-bini. Din l-applikazzjoni tipproponi li l-allinjament jinbidel b' tali mod li jidħol “cul-de-sac” li jagħti aċċess minn Triq Borg Olivier fir-Rabat, Għawdex. Il-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex ġie kkonsultat, bħalma jiġri f' kull każ ta’ applikazzjoni għal tibdil fl-allinjament. Il-clubs tal-football u entitajiet oħra ġew mgħarrfa u mitluba jikkummentaw, permezz ta' l-avviżi fl-istampa kif ukoll permezz ta' "site notice", li twaħħlet fil-post. Fil-fatt, kien hemm fost dawn l-entitajiet li kitbu u wrew l-opinjoni tagħhom fuq dan it-tibdil fl-allinjament, u l-argumenti tagħhom ġew ikkunsidrati fl-analiżi ta' l-applikazzjoni.

MEPA — Applikazzjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jagħti n-numru ta' kull applikazzjoni tal-MEPA u l-lokalita' relattiva ta' dawk l-applikazjonijiet li mill-1 ta' Ġunju 2003 ingħataw il-fakulta' li jinbidel l-użu propost u li ġew republished? F'liema minnhom sar dan il-bdil fil-fażi ta' rikonsiderazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li s-sistema ta’ applikazzjonijiet fl-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma tagħtix din l-informazzjoni b’ mod awtomatiku. Għalhekk qed inpoġġi uq il-mejda tal-Kamra lista ta’ applikazzjonijiet li mill-1 ta’ Ġunju 2003 ġew ppubblikati mill-ġdid kemm waqt il-proċess normali ta’ l-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni kif ukoll waqt ‘reconsideration’.

Esperti fil-qasam tat-trobbija tal-fniek u tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li s-sena li għaddiet il-Gvern Malti ma talabx lill-FAO sabiex tibgħat esperti fil-qasam tat-trobbija tal-fniek u tal-majjal sabiex jassessjaw u jirrikkmandaw miżuri li jirrimedjaw id-diffikultajiet attwali fit-trobbija ta' dawn l-industriji lokali? F'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm inġiebu minn żmien għal żmien esperti mill-FAO u/jew istituti, eċċ., sabiex jassessjaw u jirrikkmandaw soluzzjonijiet għal diffikultajiet li minn żmien għal żmien jolqtu lil dawn l-industriji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Gvern is-sena l-oħra bagħat uffiċjal fl-Universita’ ta' Zaragosa biex jispeċjalizza fit-trobbija tal-fniek. Ninfurmah ukoll li kemm l-għaqda tal-fniek, kif ukoll il-Ko-operattiva ta' min irabbi l-majjali (KIM) ġabu espert huma wkoll minn barra. Fil-fatt il-Ko-operattiva ta' min irabbi l-majjali (KIM), flimkien mad-Diviżjoni tal-Ikel u Attivita’ Veterinarja għamlet programm ta' upgrading tal-ġenetika fil-majjal, liema programm ser jibda fil-futur viċin. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li d-diffikultajiet li jġibu magħhom dawn iż-żewġ industriji minn jum għal jum jingħataw pariri mill-Veterinarji tad-Divizzjoni tal-Ikel u Attivita’ Veterinarja, u minn uffiċjali oħra fid-dipartiment tal-agrikoltura. Ta’ min igħid ukoll li kemm jista’ jkun il-Ministeru qed jipprova jkollu dejjem aktar nies imħarrġa billi jsaħħaħ l-administrative capacity tiegħu u b’ hekk inaqqas d-dipendenza fuq expertise barranija.

Entitajiet pubbliċi — Dħul ta' fondi matul l-2003

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ammont ta' dħul matul is-sena 2003 li kull wieħed mill-awtoritajiet, regolaturi u entitajiet pubbliċi oħra li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu daħħlu direttament u li f'xi żmien qabel l-1998 kienuj jidħlu direttament fil-fond konsolidat fir-revenue tal-gvern u inklużi fl-estimi ġenerali approvati mill-Parlament? Jista' f'kull każ jagħti s-sena minn meta dan id-dħul ma baqax inkluż fl-estimi ġenerali u beda jinġabar direttament minn dawn l-awtoritajiet u azjendi, korpi parastatali, eċċ. skond il-każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-dħul li kellha l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) matul is-sena finanzjarja jidher fir-Rapport li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Id-dħul ta’ l-Awtorita kien jidħol fil-fond konsolidat fid-dħul tal-Gvern qabel id-data tat-twaqqif ta’ l-Awtorita’ fl-1992. Kien hemm dħul ta’ Lm 2,219 inkluż fid-dħul totali tal-MEPA li qabel id-data ta’ l-amalgamazzjoni bejn l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar u d-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Ambjent fl-2002 kien jidħol fil-fond konsolidat.

Nursery fl-area ta' Kordin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'se jiġri min-nursery li hemm fl-area ta' Kordin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-mixtla ta’ Kordin ser tkompli tintuża biex jitkabbru siġar u arbuxelli indiġeni għall-użu fuq is-siti identifikati għall-parks u proġetti oħra ta’ afforestazzjoni.

Bdiewa/raħħala — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3365 dwar ħsarat li sofrew il-bdiewa kawża tal-maltemp, jista' il-Ministru jagħtini breakdown tan-numru tal-bdiewa li se jitħallsu? Kemm hu l-persentaġġ li se jieħdu bħala kumpens il-bdiewa meta paragunat maċ-ċifra oriġinali li talbu l-bdiewa infushom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li peress li l-Unjoni Ewropeja għadha ma ħaditx deċiżjoni finali dwar it-talba ta’ Malta għall-kumpens mill-fond ta’ solidarjeta’, ma nistax nagħti tweġiba għal din il-mistoqsija.

Qatla tal-majjal u taċ-ċanga

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3366 dwar demm li jirriżulta wara l-qatla tal-majjal u taċ-ċanga fil-biċċerija, jista' il-Ministru jinformani għaliex il-gvernijiet Nazzjonalisti sa mill-1987 'il h awn ħallew din is-sistema u cioe' ma nvestewx f'teknoloġija aktar aġġornata li naturalment f'dan ir-rigward żviluppat wara l-1987?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Membru huwa mitlub jinnota t-tweġiba supplimentari tiegħu li jien tajt fis-Seduta Nru. 83

Chadwick Lakes — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 3408, peress li fid-diskors ta' l-estimi tal-budget tal-ministeru, il-Ministru ma qalx kemm hi ċ-ċifra ta' flus stmata għall-ħsarat kawżati fil-maltemp fil-wied in kwestjoni, jista' għaldaqstant jirrispondini u jagħti ċ-ċifra mitluba? Jista' ukoll jgħid kemm speċifikament kienet it-talba għall-kumpens li l-Gvern Malti ressaq lill-Unjoni Ewropea sabiex din tikkumpensa lura mill-fond tas-solidarjeta'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li huwa diffiċli ħafna li tiġi kkwantifikata l-ħsara li saret speċifikament fiċ-Chadwick Lakes, jew aħjar Wied il-Qlejja. Nitlob lill-Onor. Interpellant li rigward talba għall-kumpens tal-Gvern Malti lill-Unjoni Ewropeja jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

MEPA — Permessi għall-bini - Imġarr Malta

Question

X'passi qed tieħu l-MEPA biex ma tagħtix permessi għall-bini f'inħawi differenti fl-Imġarr ta' Malta (fosthom tar-Ragħad) biex ma jinqerdux iżjed postijiet ta' valur storiku u naturali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Imġarr u l-inħawi ta' madwar qed jiġu mħarsa permezz ta' tipi diversi ta' protezzjoni, fosthom kontroll fuq żvilupp fl-'Urban Conservation Area' fejn jintalab il- parir tal-Heritage Advisory Committee (HAC) dwar kull applikazzjoni għall-iżvilupp; livelli differenti ta' skedar tal-kosta u l-inħawi kif imħabbra fil-Gazzetta tal-Gvern; konsultazzjoni mas-Superintendent tal-Wirt Kulturali fuq siti b' potenzjal arkejoloġiku; twaqqif u tħaris ta' siti ta' importanza arkaeologika fosthom ta' Ħaġrat u Skorba u l-inħawi mmedjati; kif ukoll permezz ta' linji gwida għall-kontroll tal-iżvilupp f' inħawi oħra li m' humiex identifikati għall-iżvilupp urban, inkluż il- kampanja. Fil-każ ta' Tar-Ragħad, l-inħawi jgawdu minn livell ta' protezzjoni arkejoloġika minħabba l-wirt storiku, fosthom oqbra u għerien punici / rumani. L-inħawi Tar-Ragħad fl-Imġarr, Malta ġew skedati bħala parti mill-arja ta' Importanza Arkejoloġika, flimkien mat-tempji prejistoriċi ta' Skorba u Ta' Ħaġrat permezz tan-Notifika Legali Numru 764/98 ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern datata 16 t' Awwissu 1998. F' Tar-Ragħad jinstabu għadd ta' oqbra, mill-inqas tmienja tal-perjodu Ruman, jiġifieri madwar elfejn sena ilu, u katakombi zgħar paleokristjani b' mejda agape tal-perjodu Ruman Tardiv (madwarr elf u sitt mitt sena ilu). L-ebda żvilupp urban m' hu permess fl-inħawi Tar-Ragħad peress li dawn jinstabu barra miż-żona ta' żvilupp. Żvilupp li jista’ jiġi aċċettat f' dawn l-inħawi hu biss dak identifikat skond l-Att dwar l-Iżvilupp u Pjan ta' Struttura, u dan kemm il-darba ma' jikkompromettix il-konservazzjoni u l-pajsaġġ tas-siti arkejoloġiċi protetti mill-liġi.

Grading ta' bajd frisk

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3352, jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-għajnuna finanzjarja li l-ministeru se jagħti lill-produtturi għal dan il-grading tal-bajd frisk matul is-sena d-dieħla? Kemm huma l-farms f'Malta u Għawdex li bdew jagħmlu dan il-grading fil-preżent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s' issa għad m' hemm l-ebda domanda minn xi produttur li bi ħsiebu jagħmel il-grading tal-produzzjoni tal-bajd tiegħu.

Laqgħat/seminars dwar il-GMO's

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li ssir laqgħa għall-membri parlamentari taż-żewġ naħat tal-Kamra dwar dan is-suġġett ħalli l-esperti jagħtu d-dettalji u tagħrif dwar il-GMO?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Is-suġġeriment, eventwalment, jista' jiġi kkunsidrat.

Produzzjoni ta' ħalib frisk

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3359 u cioe' kemm kienet il-produzzjoni ta' ħalib frisk f'Malta u f'Għawdex din is-sena, separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Matul is-sena 2003 il-produzzjoni totali ta’ ħalib frisk kienet tammonta għal 8,546,962 gallun. F’ Malta kienet tammonta għal 6,176,034 gallun u f’ Æawdex kienet tammonta għal 2,370,928 gallun.

Miżbla tal-Magħtab/Miżbla ta' Sant'Antnin — Vetturi li jbattlu l-iskart

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-vetturi li jidħlu fil-miżbla tal-Magħtab u fil-miżbla ta' Sant'Antnin ma ġewx reġistrati matul is-sena 2003 skond kif titlob il-liġi? Din is-sena se jsir l-istess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qatla tal-laħam tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li f'Novembru 2002 il-qatla tal-majjal kienet fil-livell ta' 981,693 kilos u f'Novembru ta' din is-sena laħqet biss 736,581 kilos?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nuqqas fil-piż tal-qatla għax-xagħar ta’ Novembru 2003 kien inqas minn Novembru 2002 minħabba li fis-sajf li għadda kien hemm iżjed mortalita’ mis-soltu minħabba is-sħana qawwija li ħakmet lil Malta. Kif jaf l-Onor. Membru l-piż ivarja minn perjodu għall-ieħor.

Produzzjoni ta' bajd frisk

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 3358 dwar il-produzzjoni ta' bajd frisk, jista' il-Ministru jgħid kemm hu kkalkolat l-investiment li jrid isir f'din l-industrija qabel u wara Mejju li ġej? X'investiment sar s'issa f'dan i-rigward?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba tiegħu tirreferi għas-settur privat, u għaldaqstant il-livell ta’ investiment jiddependi mill-individwi. Ta min isemmi li l-Ministeru qed igħin permezz ta’ l-iSpecial Markets Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA). Fil-fatt, fl-2003 il-Ministeru għen lil dan is-settur billi tah għajnuna ta’ Lm 884,775.