Legislature:
Category:
Reset
Active:

PBS — Filmat dwar protesta nazzjonali fil-Floriana

Question

Jista' il-Ministru, issa li nħass li għadda żmien biżżejjed, jagħti risposta għal mistoqsija parlamentari 11108 u cioe' wara d-dikjarazzjoni li kien għamel Fr. Joe Borg, li kien talab lill-awtorita' tax-xandir biex tagħmel inkjesta b iex toħroġ il-verita' dwar dak li kien seħħ fin-news room tal-PBS biex kien ħareġ il-filmat tal-protesta nazzjonali li saret fuq il-Fosos tal-Floriana fit-13 ta' Frar, jista' il-Ministru jgħid: 1) jekk il-membri li se jagħmlu l-inkjesta ġewx innominati; 2) x'inhuma t-terms of reference li ngħataw; 3) kemm huwa maħsub li jdumu biex jagħmlu rapport; 4) jekk għandux il-ħsieb li dan ir-rapport isir pubbliku billi jitqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat

WSC/Enemalta/Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jispjega lil din il-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn il-korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi (korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, korporazzjoni Enemalta u l-Maltacom) u d-dipartiment tat-toroq biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tas-servizzi u t-toroq ta' pajjiżna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Impjanti tar-reverse osmosis — Livell ta' fluoride fl-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed ikun il-livell ta' fluoride fl-ilma li ħiereġ mill-impjanti tar-reverse osmosis? Jista' jgħid kemm hu l-livell ta' fluoride fl-ilma li qed jixorbu n-nies mill-vit? Ġie diskuss xi ħsieb li jiġi miżjud fluoride ma' l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-aħħar riżultat ta' analiżi ta' livell ta' fluoride fl-ilma li ħiereġ mill-impjant tar-reverse osmosis hu ta' inqas minn 0.1 mg/l. Il-livel ta' flouride fl-ilma tax-xorb fid-diversi lokalitajiet kif jirriżulta mill-aħħar analiżi li sar fi Frar 2005 hu kif muri fit-tabella li ser nqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. It-tweġiba għall-aħħar parti tal-mistoqsija hi fin-negattiv.

Enemalta — Qtugħ ta' dawl

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 10430, ninforma lill-Ministru li d-dawl li se jinqata' huwa tal-komun tal-lift u d-dawl komuni fil-flats.

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li dan il-post għandu żewġ accounts li jappartjenu għall-parti tal-komun. Wieħed minnhom jirreferi biss għall-parti tad-dwal meta l-ieħor jappartjeni biss għall-lift. L-account li jappartjeni l-lift għandu kont pendenti ta' Lm1,372. Sadanittant minn Novembru '96 qatt ma saru pagamenti fuq dan l-account u għalhekk huwa kien immarkat għas-sospensjoni.

Enemalta — Marsascala

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ir-resident - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - li xtara post Marsascala ma jistax imur jabita fih minħabba li l-Enemalta ma pprovdietx l-elettriku?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-provvista ta' l-elettriku għadha ma ngħatatx lir-resident imsemmi minħabba li hemm bżonn issir substation fil-blokk li jifforma parti minnu l-post ta' l-imsemmi resident. L-Enemalta qiegħda f'kuntatti kontinwi ma' l-iżviluppatur li huwa responsabbli li jipprovdi l-ispazju fejn tkun tista' toqgħod is-substation. Ladarba l-iżviluppatur jipprovdi dan l-ispazju x-xogħol fuq is-substation ikun jista' jinbeda. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi wkoll għat-tweġiba li tajt għall-PQ Nru.11251.

Kontijiet tad-dawl u l-Ilma — Sussidju

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri biex wieħed jibbenefika mis-sussidju fuq il-kont tad-dawl u l-ilma? Min hu ntitolat għal din l-għajnuna?

Response (GATT, AUSTIN)

Biex persuna tkun ikkonsidrata bħala każ soċjali u tibbenifika minn għajnuna fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma trid tagħmel talba lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Din l-għajnuna tikkonsisti f'li ma jitħallasx il-kera tal-meters u ma titħallasx is-surcharge imħabbra fl-aħħar budget. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tagħti dawn il-konċessjonijiet fuq struzzjonijiet tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biss. Inżid ngħid ukoll illi hemm sussidju ieħor li jingħata lil kull familja skond in-numru ta' persuni fil-familja.

San Ġwann — Triq Agostino Matrenza - problemi tad-drenaġġ

Question

Jistgħu jiġu rrimedjati l-problemi tad-drenaġġ li hemm f'Agostino Matrenza Str, San Ġwann li allegatament qegħdin iżommu lill-kunsill lokali lura milli jagħtu t-tarmac lil din it-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-kuntratt biex isir ix-xogħol meħtieġ diġa ingħata u misteni li jitlesta sa' l-aħħar t'April 2005.

Delimara — Power station

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa sabiex tinbena u tibda topera l-power station il-ġdida f'Delimara? Ittieħed xi forma ta' self ta' flus mill-gvern sabiex dan il-proġett seta' jitwettaq? Jekk iva, minn liema bank jew istituzzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta — Talba għal bozza

Question

Jista' il-Ministru jinformani għaliex it-talba għal bozza li saret minn familja residenti f'farmhouse fl-Imġarr Malta - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - ma ġietx approvata u stallata? Jista' jara li t-talba tiġi rimedjata mmedjatament ħalli ma tkomplix issir inġustizzja mal-familja li teħtieġ dan il-bżonn?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 1877.

WSC — Kampanja għal użu aħjar ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qiegħda ssir xi kampanja biex il-poplu jara kif jagħmel l-aħjar użu ta' ilma u ma jaħlihx jew jużah ħażin? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti sinteżi ta' x'qiegħed isir?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mhix qed tagħmel xi kampanja speċifika bl-iskop li semma' l-Onor. Interpellant. Madankollu l-KSI għandha sezzjoni speċifika fuq il-web-site tagħha ddedikata għal dan il-għan. Barra minn hekk, ikunu organiżżati regolarment żjarat ta' tfal minn diversi skejjel, kemm tal-Gvern u oħrajn, fl-impjant tal-RO f'Pembroke, il-mini (galleries) f'Ta' Kandja u t-Theme Park f'Ħal-Luqa. Dawn iż-żjarat huma intiżi biex, bħala parti mill-edukazzjoni tagħhom, it-tfal isiru konxji tal-bżonn tal-konservazzjoni ta' l-Ilma.

WSC/Enemalta/Maltacom — Taxxa tal-VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif it-taxxa tal-VAT se taffettwa lill-korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma u l-korporazzjoni Enemalta u kif se taffettwa lill-konsumatur? Jista' jgħid kif se tiġi affettwata l-Maltacom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

WSC — Konsum ta' ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-average consumption ta' l-ilma f'metri kubi, ta' households: b'a) membru wieħed; b) żewġ membri; c) bi tleita; d) b'erbgħa; e) b'ħamsa; u f) b'sitta?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-informazzjoni li talab l-Interpallant hija kif ġej: Numru ta' persuni fil-households Average daily metri kubi (kuljum) 1 0.09 2 0.16 3 0.24 4 0.30 5 0.36 6 0.42 Dawn il-figuri huma bbażati fuq konsum tal-2003 u 2004.

Enemalta — Prezz taż-żejt

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1997 qabel il-budget? Kemm kien il-prezz taż-żejt użat mill-korporazzjoni Enemalta f'Novembru 1998? Kemm iffrankat il-korporazzjoni bħala riżultat imprevidibbli tar-roħs fil-prezz taż-żejt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.