Legislature:
Category:
Reset
Active:

Allowance Supplimentari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkunsidra li għall-budget li jmiss jgħolli s-ceiling ta' fuq l-allowance supplimentari ta' Lm3,770 għall-miżżewġa u Lm2770 għall-persuni waħedhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-fatt id-dħul massimu biex persuna tikkwalifika għall-Allowance Supplementari hu ta' Lm3,770 għal miżżewġgin u Lm3,270 għal persuna waħida, liema ammonti huma preżentement ikkunsidrati adekwati.

Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 27197?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija bdiet tinżamm mill-Korporazzjoni għat-Taħriġ u Impjieg mill-1 ta' Jannar 1999. Impjegati li bdew jaħdmu fuq kuntratt definit qabel din id-data mhux identifikati u għalhekk ma teżistix informazzjoni kompluta. Ħaddiema mpjegati fuq kuntratt definit jistgħu jkunu fis-setturi u l-kategoriji kollha.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jiverifika li l-arretrati tat-Teżor ta' anzjan li l-partikularijiet tagħhom jidhru separatament minn din il-mistoqsija ingħatax skond kemm suppost kellu jieħu peress li huma irċieva bis Lm 280. Jista' dan l-anzjan jiġi infurmat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Benefiċċji Soċjali — Children Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-omm separata, li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament, tirċievi ċ-children allowance peress li bid-dħul tal-manteniment u tas-sigurta' soċjali huwa diffiċli biex hi tgħix ħajja normali? Jista' din l-omm tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata dwar il-każ tagħha.

Kumpaniji

Question

Jista l-Viċi Prim Ministru jgħid skond l-istatistika tal-Korporazzjoni impjiegi u taħriġ kemm għandna kumpaniji lokali u barranin li jħaddmu: 1) inqas minn 10 2) minn 10 sa 49 3) minn 50 sa 250 4) iżjed minn 250? Kemm lokali u kemm barranin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ iżżomm statistika fuq l-employers mhux maqsumin f'lokali jew barranin. F'Mejju 2001 kien hemm: 22,705 kumpaniji li jħaddmu bejn 1 u 9 persuni 1,063 kumpanija li jħaddmu bejn 10 u 49 persuna 208 kumpanija li jħaddmu bejn 50 u 199 persuna 48 kumpanija li jħaddmu l-fuq minn 200 persuna

Detox Centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena x'kien in-numru ta' nies li marru għal għajnuna fiċ-ċentru tad-Detox f'Malta? Kemm kienu rġiel u kemm nisa? Kemm kienu barranin? Kemm minn dawn marru d-Detox għall-ewwel darba? Kemm kien l-iżgħar u kemm kien l-akbar li ġie kkurat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2001, in-numru ta' persuni li marru għall-għajnuna fiċ-Ċentri tad-Detox f'Malta kien ta' 798. Minn dawn: 685 kienu rġiel 113 kienu nisa 74 kienu barranin 82 marru għall-ewwel darba L-iżgħar klijent għandu 16-il sena l-akbar klijent għandu 60 sena

Detox Centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn dawk li żaru ċ-ċentru tad-Detox biex jitolbu għajnuna, kemm kienu: (1) taħt il-25 sena; (2) taħt l-20 sena; (3) taħt il-15-il sena? Kemm minn dawn kienu barranin? Kemm talbu l-għajnuna għall-ewwel darba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li għamlu użu miċ-Ċentru tad-Detox matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2001, li l-eta' tagħhom hi taħt il-25 sena, huwa kif ġej: Bejn 20 u 25 sena 293 Taħt l-20 sena 45 Taħt il-15-il sena 0 Minn dawn, 4 kienu barranin, filwaqt li 64 ġew għall-għajnuna għall-ewwel darba, bejn Jannar u Ġunju tas-sena 2001.

Triq il-Miratur

Question

Jista' l-Ministru jara li jitħaffef il-proċess għall-installar ta' lift fl-appartamenti f'41 Triq il-Miratur, Floriana, fejn toqgħod l-aħħar persuna anzjana fil-Floriana li se tagħlaq 100 sena kmieni s-sena d-dieħla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess għall-installar ta' lift qiegħed jingħata l-importanza tiegħu, u l-Awtorita' tad-Djar qiegħda fil-proċess illi toħroġ it-talba għall-offerti għall-installar ta' dan il-lift.

Benefiċċju tal-Qagħad

Question

Jista' l-Ministru jara x'sar mill-appell għall-benefiċċju tal-qagħad ta' missier li l-partikularijiet tiegħu jidhru separatament minn din il-mistoqsija, peress li ilu jistenna dan l-appell imma bla risposta għall dan l-aħħar xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata mistenni li jidher quddiem l-Awtorita' Nazzjonali tax-Xogħol f'Awissu 2001.

Saħħa u Sigurta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul it-tliet xhur li għaddew, jekk kienx hemm uffiċjali responsabbli mill-ħarsien tas-saħħa u sigurta li żaru stabbilimenti tad-divertiment biex jaraw jekk humiex qed ikunu ffullatti ħafna b'periklu kbir għal min ikun hemm f'każ li jinqala xi traġedja? Xi rriżulta minn dawn iż-żjarat jekk saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Taqsima Saħħa u Sigurta' fuq ix-Xogħol qatt ma kienet involuta f'aspetti ta' saħħa pubblika fi stabbilimenti ta' divertiment. Meta il-pulizija joħorġu l-permess għall-operar ta' stabbilimenti bħal dawn, il-permess ikun ukoll ikkundizzjonat minn numru ta' nies li jistgħu jitħallew jidħlu minn min jopera l-istabbiliment. F'dan il-każ, l-obbligu li jkun iċċekkjat in-numru ta' nies preżenti f'xi ħin huwa tal-pulizija.

Ċentri ta Matul il-Jum

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ġie ngaġġat il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala l-persuna li se tkun nkarigata miċ-Ċentri ta' Matul il-Jum li bħalissa jagħmlu parti mid-Dipartiment għall-Kura tal-Anzjani? Kif ġie magħżul u min għamel l-għażla? Xi grad ingħata u lejn min huwa responsabbli? X'tip ta' kuntratt ingħata u x'inhi d-deskrizzjoni tax-xogħol tiegħu? X'salarju ġie mgħoti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata ma' ġietx ingaġġata biex tkun inkarigata miċ-Ċentri ta' Matul il-Jum. Wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, din il-persuna ġiet l-ewwel fil-proċess ta' l-għażla biex jiġi mpjegat Manager, Supported Living Division mal-Fondazzjoni għas-Social Welfare Services. Ninsab infurmat ukoll li din il-persuna għad ma ġietx inġaġġata.

Ċentri ta' Matul il-Jum

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet immedjati u futuri għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum inkluż il-ħaddiema governattivi? Qegħdin jiġu kkonsultati l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom, it-Trade Unions?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet immedjati u futuri għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum huma li jitwaqqfu tlett Ċentri żgħar ġodda fil-komunita', jiġu ngaġġati aktar support workers u professional support workers kif ukoll jitwettqu programmi ġodda għall-klijenti. Il-kapijiet taċ-Ċentri kif ukoll l-impjegati qegħdin jiġu nformati u kkonsultati dwar dawn it-tibdiliet meħtieġa biex jitjiebu s-servizzi ta' matul il-jum.

Consultant

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u min għażel il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala Training Consultant għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum? X'salarju għandha u x'tip ta' kuntratt ingħatat? X'inhuma l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha u lejn min hija responsabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26546. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol tal-persuna konċernata.

Mellieħa — Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jaġġornana dwar l-iżvilupp tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa, peress li dalwaqt ikunu għaddew tliet snin minn din l-amministrazzjoni u l-ħofra fejn kellha ssir din id-dar fil-Mellieħa baqgħet ħofra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minħabba li l-art identifikata mill-Ministeru biex tkun żviluppata f'dar tal-Anzjani u persuni oħra bi bżonn ta' dan is-servizz fl-inħawi tal-Mellieħa tinsab barra ż-żona ta' żvilupp (Outside Development Zone), ma kienx rakkomandabbli li jibda l-proċess ta' l-iżvilupp ta' din l-art qabel ma jitlesta u jkun pubblikat l-abbozz tal-pjan lokali relevanti, liema abbozz issa tlesta' u kien pubblikat f'dawn il-ġranet. Sakemm tlesta dan il-pjan lokali, il-Ministeru beda xogħol preliminari ta' pjanar u konsultazzjoni, bl-involviment tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Djar — Pagamenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 27080 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jista' jara li jitmexxew l-aħħar pagamenti mill-housing authority tal-koppja anzjana, li l-partikolaritajiet dwarhom qed jintbagħtu separatament? Jekk hemm xi problemi, tista' l-awtorita' tinforma lil din il-koppja bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li peress li x-xogħol approvat għadu mhux lest kollu, l-Awtorita' tad-Djar ħallset parti sostanzjali mis-somma approvata għax-xogħol li sar. Pagament finali jsir meta x-xogħol jitlesta kollu. Il-persuna konċernata diġa' ġiet infurmata b'dan mill-Awtorita'.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-misier ta' tifel b'diżabilita' mentali jinħariġlu l-benefiċċju soċjali li hu qiegħed jitlob? Id-dettalji qed jintbagħtu separatament.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jenħtieġ aktar dettalji biex jivverifika t-talba tal-persuna li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant. Għalhekk nitolbu jgħaddili b'mod kunfidenzjali l-isem, il-kunjom u possibilment in-numru tal-karta ta' l-identita' tal-persuna konċernata.

Sigurta' Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna bi tliet itfal li d-dettalji qed jintbagħtu separatament peress li din il-persuna ilha ma tirċievi benefiċċju tas-sigurta' soċjali għall din l-aħħar sena? Tista' din il-familja tiġi infurmata bil-miktub?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ tal-persuna ndikata minnu kien ġie investigat mid-Dipartiment u jirriżulta li l-persuna konċernata reġgħet bdiet titħallas l-Għajnuna Soċjali għad-Disimpjieg mit-30 ta' Ġunju, 2001.

Kundizzjonijiet ta' Xogħol

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27102, jista' l-Viċi Prim Minstru jgħid x'ġie diskuss bejn l-ETC u l-FOBC, u jekk huwa possibbli jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuti tal-kontenut tad-diskussjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jidhirlix li hu għaqli li nippubblika l-minuti ta' laqgħat bħal dawn, speċjalment meta dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejin.

Diżabilita

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilita' jirreġistraw għax-xogħol? F'liema qasam? X'eta għandhom u mil-liema lokalita' ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fl-aħħar ta' Mejju 2001 kien hemm 302 persuni b'diżabilita' jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel parti tar-reġistru (Part 1). Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra: Tabella A - li turi għal liema xogħol kienu qed jirreġistraw skond l-eta' tagħhom, filwaqt li Tabella B - turi minn liema kunsill lokali ġejjin skond l-eta' tagħhom.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta se titla' quddiem il-bord ta' l-appell il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, peress li nqatgħet mir-reeġistrar għax intbagħtet taħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni meta hi tbati minn kundizzjoni fiżika li ma tippermettilhiex tagħmel dan ix-xogħol ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata ġie appuntat għas-smigħ quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-Awtorita' Nazzjonali ta' l-Impjiegi għall-31 ta' Lulju 2001.