Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eżami tal-Matsec — English paper

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk din id-darba fl-eżami tal-Matsec tal-lingwa Ingliża f'paper 2 kienx hemm bidla fis-sens li minflok żewġ comprehensions kien hemm tlieta? X'wassal għal din il-bidla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena ma kienx hemm bidla f'paper 2 ta' l-eżami fil-lingwa Ingliża fil-livell tas-SEC, iżda ta' min jinnota li t-tħaddim tas-sillabu jippermetti li għall-comprehension l-kandidati ikunu eżaminati fuq numru ta' texts miktubin bi stili differenti. It-tul tat-texts ikun proporzjonat mal-ħin ta' l-eżami u l-mistoqsijiet ikopru aktar ħiliet, b'hekk jagħtu aktar opportunita' lill-istudenti li juru kemm fehmu l-qari.

Marsa — Skola FX Attard

Question

Jikkonferma l-Ministru li fl-iskola FX Attard fil-Marsa tneħħa s-suġġett tal-craft u dan b'dannu u detriment għal numru ta' studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Sekondarja, FX Attard fil-Marsa, l-istudenti li bdew il-Craft mill-Form 1 u issa qegħdin Form 3 jistgħu ikomplu fuq is-suġġett billi jagħżlu id-Design & Technology, fost Options oħrajn. Din il-bidla, li saret biex it-tagħlim ikun aktar mifrux u l-istudenti jakkwistaw ħiliet oħra, bl-ebda mod m'għandha tkun ta' detriment jew ta' dannu għall-istess studenti.

Żejtun — Skola primarja B

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħtieġa ta' handyman/purtinar fl-iskola primarja B, Żejtun? Billi jien informat li hemm wieħed li se jirtira biż-żmien, se jiġi replaced?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Primarja 'B', Żejtun, hemm numru adegwat ta' dan l-istaff tant li, anke jekk u meta jirtira wieħed bl-eta', ma jkunx hemm ħtieġa ta' ieħor minfloku/ha.

Konkors "Premju Letterarju 2002"

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 10927, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-livell mitlub biex ktieb jingħata sussidju? Għal liema difetti l-ktieb "Meta l-Madonna tidher jew tibki" ma laħaqx il-"livell mitlub"? Min kienu l-ġudikanti f'dan il-każ? Jaqbel il-Ministru li f'dan il-qasam il-pubbliku għandu dritt għal din l-informazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għal Mistoqsija numru 11805.

Kunsilli skolastiċi — Presidenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni li jinbidlu l-presidenti tal-kunsilli skolastiċi? Jista' jgħid jekk ġewx konsultati l-kunsilli lokali rispettivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Skond l-Att ta' l-Edukazzjoni Kap 327 Parti 4 23.2 (a) il-presidenti tal-kunsilli skolastiċi huma appuntati mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni. F'din il-ħatra nagħti il-konsiderazzjoni xierqa ta' nomini li jaslu mill-Kunsilli Lokali.

Skola San Franġisk t'Assisi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tal-gvern illum għar-rigward ta' l-iskola San Franġisk t'Assisi (ex Umberto Colosso)?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser tkompli tuża l-iskola San Franġisk t'Assisi bħala skola għas-snin li ġejjin. Ta' min isemmi li f'dawn l-aħħar tlett snin sar investiment ta' madwar Lm400,000 f'din l-iskola biex tkun immodernizzata għal skola b'ambjent fiżiku aħjar. Saru wkoll laboratorji tax-xjenza, tat-teknoloġija u ta' l-ikel (Food Lab) kif ukoll 'sub-station'.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Chief executive officers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma s-salarji taċ-chief executive officers ta' l-awtoritajiet, fondazzjonijiet, korporazzjonijiet, kummissjonijiet, aġenziji, istituti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li għadu ma inġabarx it-tagħrif mitlub għall-entijiet kollha konċernati tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel — VAT fuq materjal skolastiku

Question

Jikkonferma il-Ministru li qed jiġi kkunsidrat li tiġi mneħħija l-VAT fuq materjal skolastiku biex b’hekk l-iskejjel ikunu jistgħu joperaw aħjar?

Response (GALEA, LOUIS)

Ma jirriżultalix li l-Ministeru tal-Finanzi qed jikkonsidra xi proposta simili.

Skejjel ta' l-Ingliż

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11645, jista’ il-Ministru jgħid fl-2004 u fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kemm–il darba ntalbet għajnuna mill-pulizija lill-kapijiet ta’ l-iskejjel li jgħallmu l-Ingliż lill-barranin? Ta’ liema nazzjonalita` u kemm kellhom eta` l-istudenti li sar stħarriġ fuqhom? X’riżultati kien hemm?

Response (GALEA, LOUIS)

Nitlob l-Onor. Kollega jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru responsabbli mill-Pulizija.

Tal-Qroqq — Pixxina Nazzjonali

Question

Jista’ il-Ministru jgħid liema huma dawk l-għaqdiet / persuni li qed jokkupaw postijiet fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq? Kemm ilhom u kemm iħallsu fis-sena?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-entijiet li jokkupaw spazju fil-Pixxina Nazzjonali sa minn meta l-KMS ħa t-tmexxija f'idejħ f'Marzu 2004 huma: Aquatic Sports Association Kera: Lm600 Dance Workshop Kera: Lm3000 Diagnostic Lab - Malta Olympic Committee (free of charge) Elena Lautrope Kera: Lm720 Federazzjoni ta' l-Għaqda tas-Sajjieda Dilettanti Kera: Lm150 Industrial Soccer Association Kera: Lm150 John Xerri de Caro (physiotherapist) Kera: Lm500 L'Arena - Edward Sport Shop Kera: Lm500 Malta Baseball-Softball Association Kera: Lm300 Malta Cycling Federation Kera: Lm150 Malta Dance & Dancesport Council Kera: Lm300 Malta Darts Association Kera: Lm150 Malta Handball Association Kera: Lm200 Malta Karate Federation Kera: Lm150 Malta Netball Association Kera: Lm150 Malta Olympic Committee Kera: Lm900 Malta Waterpolo Referee Association Kera: Lm150 Mediterranean Caterers Kera: Lm9175 Pat Bonello (Counselling) Kera: Lm300 Sliema Wanderers FC Youth Nursery (free of charge) Swimming Promotion Unit (free of charge) Tigne' Judo Club Kera: Lm350

Neptunes waterpolo club

Question

Filwaqt li nirrikonoxxi l-livell ta’ faċilitajiet u s-serjeta` tan-Neptunes waterpolo club, jista’ il-Ministru jgħid kif l-għażla waqgħet fuq in-Neptunes u allura jekk kienx hemm sejħa għal poolsoħrajn sabiex jagħmlu l-offerta tagħhom ukoll fiż-żmien li l-pixxina nazzjonali tkun magħluqa ?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill Malti għall-Sports ried isib faċilita' li tkun viċin fid-daqs u fl-ambjent tal-Pixxina Nazzjonali. Il-KMS indaga fuq il-faċilitajiet eżistenti mingħajr ma ħareġ sejħa għall-offerti. Fil-fatt il-pixxina ġewwa l-faċilita' ta' Neptunes ASC kienet l-aktar waħda viċin fid-daqs meta tiġi imqabbla mal-Pixxina Nazjonali tal-Qroqq. Fl-istess waqt il-kumitat tan-Neptunes aċċetta illi l-Pixxina tagħhom tingħata f'idejn il-management tal-KMS għall-perjodu definit. Il-ħlas li sar kien għax-xiri ta' fuel, kimika u ilma. Informat ukoll li l-Bord tad-Diretturi iddeċieda illi n-Neptunes ASC kien l-uniku post bil-kondizzjonijiet kollha li kien hemm bżonn.

Pixxina nazzjonali — Ghawwiema barranin

Question

Jista’ il-Ministru jgħid kemm tħassru bookings minn għawwiema u timijiet barranin minn Novembru 2004 sal-lum biex dawn jiġu jtellqu u jittrejnjaw hawn Malta fil-pixxina nazzjonali f’Tal Qroqq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-perjodu imsemmi kien hemm grupp wieħed biss illi ikkanċella bejn i-6 u 8 t'April 2004.

Tim nazzjonali ta' l-għawm

Question

Jista’ il-Ministru jinvestiga x’ġara u x’inhi r-raġuni li meta f’April għawwiema tat-tim nazzjonali marru Berlin wieħed mill-għawwiema li għandu anqas minn 16–il sena tħalla l-Ġermanja filwaqt li l-bqija tal-kontinġent qabdu l-ajruplan għal Malta?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal raġunijiet ta' osservanza ta' proċeduri konnessa ma' l-operat tal-linja ta' l-ajru konċernata il-ħin tat-tlugħ fuq l-ajruplan mill-passiġieri skada u l-persuna konċernata tilfet it-titjira.

Universita/MCAST

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet għaddejjin bejn l-universita' u l-MCAST sabiex dawn iż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi jaħdmu flimkien? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienu l-oqsma li fuqhom tkellmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Ir-Rettur ta' l-Universita' hu membru tal-Bord tal-Gvernaturi ta' l-MCAST.

Verdala — Junior lyceum

Question

Jista' il-Ministru jara u jgħid meta l-ambjent fiżiku tal-junior lyceum tal-Verdala se jiġi rranġat, u dan wara diversi lmenti li rċevejt dwar tkissir, suffetti li kienu maqlugħa u ħmieġ?

Response (GALEA, LOUIS)

L-Onor. Kollega japprezza li dawn il-barrakki tas-servizzi Ingliżi li s'issa servew bħala skola jinħtieġu ristrutturazzjoni sħiħa. L-immodernizzar ta' din l-iskola huwa fuq l-agenda tagħna.

Verdala — Junior lyceum

Question

Jista' il-Ministru jara għaliex fil-junioer lyceum ta' Verdala, speċjalment fil-klassijiet ta' Form 3, numru ta' lezzjonijiet mhux qed isiru jew mhux isiru kif suppost, minħabba li numru ta' studenti qed ifixklu lill-klassi kollha? Jista' jgħid ukoll jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni rċevitx ilmenti dwar bullying fl-istess liċeo?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fl-iskola Ġużeppi Despott Junior Lyceum qed jittieħdu il-passi meħtieġa biex it-tfixkil li kien qed isir minn xi studenti tal-Form 3 jieqaf. Din il-klassi partikolari qed tingħata aktar attenzjoni biex ma jkunx hemm tfixkil minn xi studenti.

Referees tal-football/basketball

Question

Waqt li nifraħ lill-għaqdiet tar-referees tal-football u tal-basketball tal-ġest simboliku li għamlu billi libsu flokk fejn talbu aktar protezzjoni fil-logħob rispettiv tagħhom, jista’ il-Ministru jgħid jekk bħala Ministru responsabbli għall-isport iħossx li għandu, flimkien mal-ministru ta’ l-intern, il-kummissarju tal-pulizija, l-MFA, l-MBA u anke l-għaqdiet tar-referees konċernati, jistudjaw dan il-fenomenu tal-vjolenza li reġa’ feġġ fl-isport f’pajjiżna u jaraw kif tista’ tinstab soluzzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Jiena naf li l-Ministeru ta' l-Intern isegwi dan is-suġġett mill-qrib u l-Kummissarju tal-Pulizija jieħu l-passi kollha meħtieġa għal prevenzjoni ta' inċidenti waqt il-logħob tal-ballun. Informat ukoll li l-Kunsill Malti għall-iSport sejjer jiddiskuti s-suġġett mal-Malta Football Association u mal-Malta Basketball Association f'laqgħat li ser isiru ma' l-Għaqdiet.

Żejtun — Skola primarja - Librerija

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi d-diffikulta’ li qed issib id-diviżjoni sabiex il-librerija li ġiet inawgurata ftit taż-żmien ilu fl-iskola primarja taż-Żejtun tkun tista’ tinfetaħ ukoll nhar ta’ Sibt u f’ħinijiet oħra meta l-iskola tkun magħluqa? Jista’ jgħid x’jiġri f’libreriji oħra fejn hemm sitwazzjoni simili bħal dik taż-Żejtun?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Ministeru ma jsib ebda diffikulta' li l-librerija li ġiet inawgurata ftit taż-żmien ilu fl-Iskola taż-Żejtun tkun tista' tinfetah ukoll nhar ta' Sibt u f'ħinijiet oħra meta l-iskola tkun magħluqa sakemm ikun żgur li hemm xi ħadd responsabbli li jara li min jidħol għal librerija ma joqgħodx idur fl-ispazju madwar l-iskola. B'hekk tkun tista' titħares is-sigurta' ta' l-iskola. Għalhekk ser nitlob lid-Direttur Operat tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni biex jiddiskuti mal-Kunsill Lokali kif jintlaħaq dan l-iskop.