Legislature:
Category:
Reset
Active:

Iż-Żurrieq – Triq San Bartolomew – parking bays

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14275, jista’ l-Ministru jgħid jekk meta ġew sanzjonati l-kaxxi tal-parkeġġi fi Triq San Bartolomew, bejn Triq Alessandru u Triq San David, iż-Żurrieq, itteħditx inkonsiderazzjoni l-wisgħa tat-triq peress li din hi dejqa ħafna u faċċata ta' fejn saru l-parking bays hemm bibien ta' residenti mingħajr m’hemm bankina? X'miżuri ttieħdu biex min ikun ħiereġ minn , daru fejn m'hemmx bankina ma jispiċċax imtajjar minn xi karozza? Jista’ jagħti garanzija li dawn il-parking bays mhumiex ta’ detriment għas-saħħa u s-sigurtà tar-residenti li joqogħdu faċċata, fejn m’hemmx bankina? Lest il-Ministru jirrevedi dawn il-parking bays biex jitneħħa l-periklu minn din t-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li din it-talba għal tali kaxxi tal-parkeġġ fit-triq saret mill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq fil-11 ta’ Diċembru 2014. Din it-talba ġiet approvata mill-Kumitat Għall-Immanniġġjar tat-Traffiku fil-15 ta’ Dicembru 2014. Din it-triq hija trejqa tipika li ssib fil-village cores ta’ kull raħal u għaldaqstant, deċiżjoni li tittieħed għal dan il-każ ser tirrifletti fuq kull triq oħra simili ġewwa Malta u Għawdex.

Iż-Żurrieq – Triq Ħal Far — Tarmak

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5005, 6257, 7626 u 14278, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda u jispiċċa x-xogħol ta' għoti ta' tarmak fi Triq Ħal Far, limiti taż-Żurrieq? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plan li tindika f'liema partijiet tat-triq se jingħata t-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 7626, 6257, 5005 u 14278 għadhom japplikaw.

Trasport pubbliku — Kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur il-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun il-mument opportun biex ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’inżid ma dak li diġà ntqal fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti rigward il-kuntratt iffirmat bejn il-Gvern Malti u l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – persuni f’position of trust

Question

B’referenza għall-mistoqsija 15740, jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet tal-konsulenti u tal-persons of trust li taw is-servizz tagħhom bejn Marzu 2013 u d-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dawk li ġew ingaġġati mill-amministrazzjoni preċedenti u li reġgħu ġew imġedda?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-lista ta’ persuni li taw is-servizz tagħhom bħala position of trust fid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jien immexxi, bejn Marzu 2013 u d-data li fiha saret din il-mistoqsija parlamentari hija kif ġej :- · CEO - MELP · Chairman & CEO – BICC* · Chairman – GHRC · Co-Ordinator of Works – Cleansing Directorate · Co-Ordinator of Works (Public Convenience) – Cleansing Directorate · Driver to Chairman – BICC* · Personal Assitant to Chairman – BICC* · Head of PDCU / Project Leader – GHRC · Project Draughtsman – GHRC · PA to Chairman GHRC · Co-Ordinator of Works (Northern Region) – Cleansing Directorate · Senior Operating Officer – TM · Acting Chief Information Officer – TM · Executive Assistant to the Chairman – TM · Driver to the Chairman – TM · Manager (Media & Communications) – TM · PA to Senior Operating Officer - TM Nota : Preżentament il-BICC m’għadux jagħmel parti mid-dekasteru tal- MTI Il-lista tal-Konsulenti li taw is-servizz tagħhom minn Marzu 2013 ‘il quddiem, inkluż dawk li ġew ingaġġati mill-amministrazzjoni preċedenti u li l-kuntratt tagħhom reġa’ ġie imġedded, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Transport Malta – impjegati f’position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15737 u jgħid x’inhu s-salarju tal-5 persuni mpjegati f’position of trust fi Transport Malta u cjoè: (a) Is-Senior Operating Officer (b) L-Acting Chief Information Officer (c) L-Executive Assistant to the Chairman (d) Driver (Chairman’s Office) (e) Manager (Media & Communications)

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x’ inżid aktar ma’ dak li diġà ntqal fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15737.

Il-qafas regolatorju dwar l-użu tal-annimali fit-triq

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15555, jista’ l-Ministru jagħti data indikattiva ta’ meta huwa mistenni illi jkun lest il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-qafas regolatorju dwar l-użu tal-annimali fit-triq? Sussegwentament, jista’ jagħti data indikattiva ta’ meta huwa mistenni illi se jkun lest il-qafas regolatorju dwar l-użu tal-annimali fit-triq ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li l-konsultazzjoni relatata mal-qafas regolatorju dwar l-użu tal-annimali fit-triq ġiet konkluża. B’riżultat ta’ dan, ir-regolamenti dwar l-użu stradali ta' bhejjem u vetturi miġbuda minn bhima jinsabu fl-aħħar stadju ta’ tħejjija. Dawn huma mistennija li jkunu approvati u sussegwentement ippubblikati sas-sajf li ġej.

Proġett ta’ Triq il-Kosta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti data indikattiva ta’ meta hemm il-ħsieb illi jitlesta l-proġett ta’ Triq il-Kosta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li partijiet sostanzjali mill-proġett se jkunu nbnew sal-livell tal-asfalt tal-wiċċ sa Lulju 2015. Huwa mistenni li l-parti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq li qed tinbena bħalissa titlesta ftit wara u f’dan il-perjodu huwa wkoll mistenni li f’ċertu partijiet tal-proġett ikun għaddej xogħol ta’ finishing. Il-parti tas-Salini u biswit Kennedy Grove, minħabba d-diversi skoperti arkeoloġiċi, hija l-aħħar parti li ser tkun qed titlesta fil-proġett u huwa mistenni li titlesta fl-aħħar kwart tas-sena 2015.

L-Imsida – Triq is-Snajja — tarmak

Question

Peress li Triq is-Snajja, l-Imsida, għandha bżonn it-tarmak u peress li issa ċerti żviluppi tlestew, jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni hija diġà nkluża mal-lista ta’ toroq li għandhom jingħataw l-asfalt għall-ewwel darba minn Transport Malta. Ix-xogħlijiet fuq dawn it-toroq isiru skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akkwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Transport Malta — permess għal yellow line

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-yellow line li hemm quddiem id-dar lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hux kopert bil-permess ta' Transport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li, minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tal-Awtorità tat-Trasport, irriżulta li ma nstab ebda sinjal isfar immarkat quddiem id-dar li għalija qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.

Il-Mosta — Triq id-Difiża Ċivili - manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta hijiex taħt r-responsabilità tal-Gvern Ċentrali jew tal-Kunsill Lokali? Jista' jgħid meta se ssirilha l-manutenzjoni neċessarja?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq in kwistjoni mhiex arterjali u lanqas distributorja u għaldaqstant ma taqax taħt ir-risponsabilità ta’ Transport Malta. Madankollu Transport Malta qiegħda tevalwa l-possibiltà ta’ intervent sabiex ittaffi kemm tista’ mill-inkonvenjent li qiegħda toħloq din it-triq.

Buġibba/Qawra — tindif tal-venda

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-venda ta' Buġibba/Qawra titnaddaf sew minn ħafna ħaxix li għandha madwarha, liema ħaxix qed ikun ta' periklu għal dwk li jkunu qed jistennew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm din hija żona li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, se jintbagħtu uffiċjali tad-Direttorat għat-Tindif sabiex isir ix-xogħol neċessarju.

Buġibba/Qawra — bini ta' latrina pubblika

Question

Billi l-venda ta' Buġibba/Qawra hi waħda mill-aktar frekwentati li għandna f'Malta, jista l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex tinbena latrina pubblika fl-istess post, għal benefiċċju ta' dawk li jużaw it-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – Executive Chair – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga tal-Executive Chair ta’ Transport Malta? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 11860.

Grand Harbour Regeneration Corporation – Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Grand Harbour Regeneration Corporation? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv fil-Grand Harbour Regeneration Corporation ġiet sostitwita minn dik ta’ Chief Operating Officer wara li saret sejħa pubblika.

Dgħajjes li għandhom liċenzja MFA, MFB u MFC

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il dgħajsa hemm irreġistrata ma’ Transport Malta illi għandhom il-liċenzja MFA, MFB u MFC? Jista’ jgħid x’inhuma l-parametri illi jridu joperaw bihom dawk illi għandhom il-liċenzja MFA, MFB u MFC separatament?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull bastiment tas-sajd reġistrat ma’ Transport Malta għandu wkoll ikun reġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd biex tinħareġ il-liċenzja tas-sajd skont il-parametri rigward l-operat stabbiliti mid-Dipartiment konċernat. Transport Malta għandha dawn il-bastimenti tas-sajd reġistrati: CATEGORY NO MFA 261 MFB 89 MFC 399 MFD 2 TOTAL 751

Autobuses de Leon — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw sussidju l-Autobuses de Leon sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari u jgħid ukoll liema perjodu qed tkopri ċ-ċifra mogħtija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill Onor. Interpellant li l-ammont ta’ sussidju li ngħata lill-Malta Public Transport Services Ltd kien jammonta għal €9,583,330, liema ammont jkopri l-perjodu ta’ bejn Jannar u Mejju 2015.

Ħal Luqa – parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il parking bayżdied f’Ħal Luqa minn Marzu 2013 sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jikkonferma illi kollha kemm huma saru bil-permess ta' Trasport Malta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li Transport Malta approvat disa’ kaxxi ta’ parkeġġ minn Marzu 2013 sal-lum ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Luqa.

Trasport Pubbliku — skeda tat-trasport pubbliku għax-xhur tas-sajf

Question

Billi is-sena li għaddiet, l-iskeda tat-trasport pubbliku għax-xhur tas-Sajf daħlet fis-seħħ meta kien għadda parti sostanzjali mill-istaġun, jista' l-Ministru jassigura li Transport Malta tieħu l-passi neċessarji biex din is-sena tidħol fis-seħħ qabel, u dan fl-interess ta' dawk kollha, Maltin u barranin li jużaw is-servizz?

Response (MIZZI, JOE)

Nassigura lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tieħu l-passi neċessarji sabiex l-iskeda tat-trasport pubbliku tas-sajf tidħol fis-seħħ.

Policy dwar parkeġġ għar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-policy dwar il-parking għar-residenti tal-lokalitajiet hix lesta? Jekk iva, meta hu mistenni li din il-policy tkun magħrufa mill-pubbliku? B’mod partikolari, jista’ jgħid jekk hux maħsub li l-istess policy tagħti l-possibilità ta’ parking għar-residenti?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13693.

Birkirkara – Triq B. Bontadini – xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabilità ta' Triq B. Bontadini, Birkirkara? Jista' l-Ministru jgħid meta din se tingħata wiċċ ġdid ta' tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq B. Bontadini ġewwa Birkirkara ma taqax taħt ir-responsabilità ta' Transport Malta. Għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.