Jista' l-Ministru jgħid meta Triq tal-Fieres, Ħal Kirkop se ssir u meta din se tinfetaħ biex tgħaqqad mal-parti l-oħra tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq bil-parteċipazzjoni tal-Kunsilli Lokali qiegħed f'diskussjonijiet mas-sid ta' l-art li għadha mhix żviluppata sabiex l-art tinxtara mill-Gvern ħalli t-triq tinfetaħ.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jara x'inhi r-raġuni li l-pelican lights li ġew installati aktar minn tliet xhur ilu quddiem il-Knisja ta' Sant'Antnin f'Għajn Dwieli, Raħal Ġdid sal-lum għadhom mitfija u għalhekk bla użu ta' xejn?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed jittieħdu l-passi neċessarji biex dawn id-dwal jinxtgħelu.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex fi Triq Binġemma fejn in-Niċċa tal-Madonna (crossroads ma' triq li minn s-Santi tieħu għal Żebbiegħ Road) ssir meta sabiex jiġu evitati inċidenti ta' karozzi li jkunu ħerġin mit-triq li mis-Santi tieħu għal Żebbiegħ Road, liema triq hija wżata ħafna mill-bdiewa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex issir spezzjoni tal-lokal u flimkien mal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jiġi deċiż xl-aħjar li jsir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'Misraħ il-Palazz, il-Belt hemmx venda uffiċjali stabbilita mill-Bord ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport jew kenitx deċiżjoni ta' xi ħadd li ssir venda mhux uffiċjali?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, meta ttieħdet din id-deċiżjoni u minn min?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-venda tal-karozzini ġewwa Misraħ il-Palazz il-Belt, tpoġġiet bħala alternativa għal dik ta` Triq Santa Luċija wara li kien sar ix-xogħol ta` paviment ta` Triq ir-Repubblika.
Fuq talba tal-Kunsill Lokali tal-Belt, l-Awtorita` ta l-ippjanar dan l-aħħar, neħħiet it-tinda tal-karozzini li kien hemm ġewwa Misraħ il-Palazz. L-Awtorita` għat-Trasport Pubbliku ħadet l-azzjoni neċessarja biex ġo Misraħ il-Palazz ikun hemm venda għal żewġ karozzini fuq bażi permanenti u erba` fuq bażi temporanja. Dan l-arranġament huwa sakemm tiġi riżolta permanenti l-problema li nqalgħet dan l-aħħar.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarux xi konsultazzjonijiet mat-traffic control board jew mar-roads department biex tingħalaq għat-traffiku parti minn Triq Santa Duminka, Zabbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-egħluq ta' parti minn Triq Santa Duminika, Żabbar sar bl-approvazzjoni tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku wara talba li saritlu mill-Kunsill Lokali biex parti minn din it-triq issir one way.
Wara laqgħa li kienet saret bejn il-Ministru u l-kunsill lokali tal-Fgura kien ġie mwiegħed li ħames toroq fil-Fgura kellhom isiru sa l-aħħar ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru dawn it-toroq, fosthom Dome Street, Hompesch Road, Triq il-Gardiola, St John Street, peress li diġa' wasalna f'nofs is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li xogħolijiet din is-sena diġa nbdew mid-Dipartiment fi Triq il-Veleran u Triq Għarnuq, u f' dawn it-toroq issa wasal biex jingħata il-wiċċ.
Ix-xogħol f'Dome Street u Triq San Ġwann , Triq l-Iskola u Triq Scicluna mistenni li jibda wara l-ġranet tas-Sajf peress li d-Dipartiment tat-Toroq diġa ħareġ letters of Acceptance għal dawn ix-xogħolijiet.
Dwar ix-xogħolijiet ta' Triq Hompesch il-kuntrattur li tefa' t-tender qiegħed jirrevedi l-proposti tiegħu biex ikun konformi mal-bżonnijiet li ndika l-Kunsill, u x-xogħol f'din it-triq jibda hekk kif il-kuntratt ikun jista' jingħata.
F'diskussjonijiet li saru bejn id-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill irriżulta li qed jistudja traffic management ġdid fi Triq il-Gardjola, u għalhekk ix-xogħol ikun jista' jitwettaq wara li dan il-pjan ikun ifinaliżżat.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ttieħdet id-direzzjoni li jsir it-tarmac fi Triq l-Arnuq, Fgura, meta għad hemm parti kbira minnha li għadha lanqas biss inbniet? Min hu l-kuntrattur li ħa dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li wara l-għargħar li kien hemm fi propjeta privata s-sena l-oħra mit-triq instab li l-unika mezz biex dan ikun rimedjat, it-triq riedet bilfors tiġi iffurmata u asfaltata għall-livelli stabiliti.
Jista' l-Ministru jara hux possibbli li r-roads department jieħu ħsieb biex Triq San Ġużepp, Żejtun, (it-triq li tagħti mill-bypass ta' Wied il-Għajn għaż-Żejtun) li hi ferm imħarrbta u tixbaħ aktar għalqa milli triq residenzjali?
Possibbli dan ix-xogħol isir qabel ix-xitwa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant hija xogħol li jieħu ħsieb il-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta hu maħsub li ssir Triq Papa Alessandro, Żabbar li għadha maqlugħa u mħarrbta?
Billi din it-triq hi ferm abitata b'bosta familji bi tfal u trabi żgħar li jridu joħorġu minn djarhom bi
prams
u
pushchairs
possibbli li r-
roads department
jagħti prijorita' lil din it-triq anke minħabba l-fatt li hi biċċa żgħira hu trid tiġi asfaltata u rranġata?
Mindu reġa' ġie elett il-kunsill ġdid tar-Rabat, jista' l-Ministru jinfurmani jekk irċeviex talba uffiċjali sabiex il-venda tal-karozzi tal-linja tmur lura l-ħin kollu fit-triq f'Santa Rita r-Rabat? Jista' jinfurmani x'passi ttieħdu u meta se tiġi aċċettata din it-talba tal-kunsill lokali tar-Rabat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li saru arranġamenti ġodda dwar il-venda tal-karozzi tal-linja fir-Rabat li ser jiġu fis-seħħ fit-18 ta` Settembru. B'dawn l-arranġamenti ġie notifikat ukoll il-Kunsill Lokali tar-Rabat.
Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex isir l-asfaltar li issa sar iktar minn urġenti tat-toroq li jinsabu f'Ta' Xlejli fil-Gudja (bħal Triq il-Markiża u Triq Ta' Xlejli)? Dan qed jingħad kemm minħabba l-inkonvenjent esaġerat tar-residenti u kemm minħabba li x-xogħol fil-ġnien ta' Ta' Xlejli ma jistax jitkompla u jitlesta qabel ma jsir l-asfaltar tat-toroq biswit dan il-ġnien?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta' toroq ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jrriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' presidenti ta' San Gwann li nhar il-Ġimgħa 21/7/2000 il-karozza tal-linja tat-8.00 a.m. ma tattaxatx, bil-konsegwenza li n-nies damu jistennew 'il fuq minn tliet kwarti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħtini aktar dettalji dwar dan l-ilment peress illi minn ġewwa San Ġwann jgħaddu diversi rotot li ma jkoprux il-Bus Stops kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minkejja ilmenti formali bil-miktub li saru mir-residenti ta' San Gwann uffiċjali tal-wireless and telegraphy nhar it-12/6/2000 dawn għadhom isofru minn TV reception dgħajfa ta' ċerti stazzjonijiet privati Taljani? Kemm hemm verita' fl-argument li nġab li l-apparat qiegħed bil-ħsara?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li saru l-ispezzjonijiet meħtieġa u rriżulta illi hemm interferenza fuq stazzjon wieħed illi huwa stazzjon privat Taljan. Madankollu qedgħin isiru l-isforzi kollha possibbli sabiex din il-problema tiġi solvuta.
Jista' l-Ministru in vista tad-domanda parlamentari preċedenti rigward Triq Hompesch, Fgura jinforma l-Kamra f'liema pożizzjoni wasal l-aġġudikazzjoni tal-kuntratt ta' min se jagħmel dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol ta' l-aġġudikazzjoni għadu għaddej peress li għadha għaddejja konsultazzjoni bejn id-Dipartiment tat-Toroq, il-Kunsill Lokali u l-kuntrattur li tefgħa l-offerta dwar l-aċċettazzjoni għall-iskop ta' kuntratt, tad-disinji li jagħmel il-kuntrattur bħala parti mit-tender.
Jista' l-Ministru in vista tad-domanda parlamentari preċedenti rigward Triq it-Turretta, Kalkara fejn kellha tiġi esproprjata biċċa art sabiex tnaqqas il-problema tal-għargħar ta' l-ilma jinforma l-Kamra f'liema pożizzjoni waslet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għadu kif tlesta l-proċess ta' l-esproprijazzjoni billi ġiet ippublikata il-President Declaration. Minn naħa l-oħra d-Dipartiment qed jerġa joħroġ sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol peress li ma kien hemm l-ebda kuntrattur li ssottometta t-tenders għal l-ewwel sejħa għall-offerti.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta huwa previst li jsir l-asfaltar ġewwa Triq Antonio Falzon, Kalkara meta ftit metri 'l bogħod hemm it-toroq asfaltati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha, u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jara meta Triq G Garibaldi f'Birżebbuga se tingħata wiċċ peress illi l-wiċċ tagħha huwa tant ħażin li ż-żrar huwa kollu maqlugħ u kull meta tgħaddi karozza l-istess itir minn taħt it-tyres b'riskju għal min ikun miexi fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ser jieħu l-passi neċessarji biex din it-triq tingħata wiċċ ġdid.
Jista' l-Ministru jerġa' jinvestiga d-deċiżjoni meħuda li permezz tagħha Żurrieq Road, Safi, in parti, ġiet one way peress illi t-traffiku ġie dirett jgħaddi mit-triq li tikkonfina sew mil-bandli kif ukoll l-iksola u dan b'perikolu għat-tfal?
Jista' għallinqas Żurrieq Road, Safi, tinfetah two way u jiġi projbit il-parking fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku kien laqa` t-talba tal-Kunsill Lokali ta` Ħal Safi biex parti minn Triq iż-Żurrieq issir one way biex jitnaqqas il-volum tat-traffiku minn ġo l-qalba tar-raħal.
Din il-miżura m`hiex waħda li żżid it-traffiku lejn l-iskola iżda lejn il-By Pass u b'hekk jonqos il-periklu.