Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq — Imqabba

Question

Jista' il-Minsitru jara li l-parti li fadal minn triq l-Aħwa Ghigo l-Imqabba tiġi mogħtija wiċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret jirriżulta li l-aħħar biċċa mit-Triq l-Aħwa Ghigo sa fejn hi miftuħa ġiet mogħtija cold asphalt. Minn wara l-ħajt li jagħlaq it-triq , il-bini għadu ma ġiex żviluppat.

Marsa — Cross Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk Cross Road, fil-Marsa - it-telgħa - hijiex tal-privat jew tal-gvern? Jekk hi tal-privat, jista' il-kunsill jagħmel xogħol ta' patching? Jekk xi ħadd iweġġa' lil min irid ifittex għad-danni, lill-gvern jew lill-privat?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.

Bir id-Deheb

Question

B'riferenza għall-camera li hemm ħdejn il-wisgħa ta' Bir id-Deheb, Għaxaq li qiegħda tkun ta' ostaklu kbir b'detriment li jitkeċċew il-ħaddiema minn ħanut li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' il-Ministru jara li jsir arranġament biex il-ħin li sewwieqa jkunu jistgħu jistennew jitwal għal ħames minuti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Is-Surveillance Camera li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant ma ġietx installata mill-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta. Minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li d-Direttorat approva żewġ parking bays bil-ħin limitat għal għaxar minuti fil-post imsemmi bi qbil u konsultazzjoni mall-Kunsill Lokali Għaxaq.

Fgura — Triq il-Merħba

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta Triq il-Merħba, Fgura, triq qasira ferm iżda fi stat ħażin immens u ta' periklu, se tiġi asfaltata? Hija mniżżla fil-lista ta' prioritajiet li l-ministeru għandu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender għal dawn ix-xogħlijiet diġa nħareġ u ġie aġġudikat. Din il-ġimgħa kien hemm l-aħħar meetings mas-servizzi biex ix-xogħlijiet tagħhom ikunu nkorporati ma' dawk ta' l-ADT bl-iskop li ma terġax tinqala' t-triq la darba titlesta. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġranet ġejjin.

Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista’ il-Ministru jgħid jekk hijiex responsabbilta’ ta’ l-awtorita dwar it-trasport li tieħu ħsieb it-tindif tal-culverts fi Triq l-Imdina, Qormi? Jekk iva, meta l-aħħar li tnaddfu? Meta jmiss li jerġgħu jitnaddfu? Peress li xi residenti ilmentaw li dawn jinsabu maħmuġin bħalissa, jistgħu jitnaddfu fi żmien qasir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li dawn ix-xogħlijiet jiġu mwettqa mid-Dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika (Cleaning Services Department), fi hdan id-Diviżjoni tax-xogħlijiet . Normalment dawn ix-xogħlijiet jiġu mwettqa b’mod sistematiku fix-xhur tar-Rebbiegħa u s-Sajf sabiex ikunu lesti qabel l-ewwel xita.

Floriana — SMEs

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12174, jista' il-Ministru ġentilment jindika liema postijiet jew zoni se jiġu offruti mill-ADT lil dawn l-SMEs li hemm joperaw fis-sit tal-park and ride system fil-Furjana? Kif se titmexxa l-proċedura mil-lum 'il quddiem, wara li ġie approvat il-permess tal-MEPA għal dan il-proġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 12301.

Għaxaq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm toroq li mhumiex mogħtija s-servizzi bażiċi tar-raħal ta' Ħal Għaxaq li taħtu taqa' tali responsabbilta'?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport, permezz tal-uffiċċjali tagħha, għamlet spezzjonijiet fit-toroq ta’ Ħal-Għaxaq. Jirriżulta li hemm numru ta’ toroq li għad m’għandhomx is-servizzi mogħddijin. Madankollu, dan jiġi kkonfermat mal-entitajiet rispettivi meta tkun qed issir il-koordinazzjoni meħtieġa qabel il-ħruġ tat-tenders.

Għaxaq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba mar fit-toroq li jġibu l-isem ta' Triq Giovanni Scicluna, Triq is-Settembrina, Triq l-Isparvier u Triq Patri Girgor Grima, Ħal Għaxaq sabiex ikun jista' jara b'għajnejh kif qed jgħixu r-residenti ta' dawn it-toroq u l-inħawi tagħhom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorita dwar it-Trasport, permezz tal-uffiċċjali tagħha, għamlet spezzjonijiet fit-toroq imsemmija. Dawn it-toroq qegħdin fil-lista ta’ xogħlijiet li jridu jsiru mill-Awtorita’ u x-xogħol fihom isir skond il-prijoritajiet li jirriżultaw fil-programm li qed jithejja mid-Direttorat.

EU — Double deckers

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12238 u jgħid meta l-awtorita' dwar it-trasport ta' Malta kitbet lid-directorate general for transport and energy tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-problema tad-double deckers f'Malta? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-korrispondenza kollha li għaddiet bejn l-ADT u l-Kummissjoni Ewropea fuq dan is-suġġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta bagħtet talba għall-klarifikazzjoni lid-Direttorat Ġenerali tat-Trasport u Enerġija fid-29 ta’ Marzu 2005 dwar l-Open Top Double Decker Buses. Peress li l-korrispondenza li għaddiet s’issa kienet waħda formali, ma nħossx li għalissa kopja ta’ din il-korrispondenza għandha titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nefqa kapitali fuq toroq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 12010, 12170 u 12244 u jagħti rendikont sena b'sena tan-nefqa kapitali fit-toroq mill-1988 sal-lum? Kemm minn din in-nefqa saret fuq proġetti ta' toroq partikolari u liema huma dawn il-proġetti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

European Spatial Development Perspective

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12178, jista' il-Ministru jgħid liema huma l-erba' programmi ta' l-Unjoni Ewropea li l-ministeru hu impenjat fihom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.

Dipartiment tat-toroq

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11953 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jispjega lil din il-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn il-korporazzjonijiet għas-servizzi pubbliċi - korporazzjoni għas-servizzi ta' l-ilma, korporazzjoni Enemalta u l-Maltacom - u d-dipartiment tat-toroq biex ikun hemm sens fl-immaniġjar tas-servizzi u t-toroq ta' pajjiżna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11255.

Rabat Għawdex — Triq ir-Repubblika

Question

Peress li l-mod kif inhi miżbugħa r-roundabout li hemm f'salib it-toroq fi Triq ir-Repubblika, Rabat Għawdex, qed toħloq problema lis-sewwieqa, partikolarment dawk ta' vetturi kbar li jkunu jridu jduru magħha mingħajr ma jgħaddu minn fuqha bir-riżultat li ħafna sewwieqa qed jiġu mħarrka mill-wardens, jista' il-Ministru jara li din ir-roundabout tiġi ridisinjata b'mod aktar adattat għal dan il-post?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat r-roundabout li ġiet implimentata f’salib it-toroq bejn Triq ir-Repubblika u Main Gate Street fir-Rabat, Għawdex ġiet iddiżinjata fl-2002 bħala ‘ride-over roundabout’ fuq l-istandards ta’ disinji internazzjonalli skond ir-regolamenti li jikkonċernaw l-operat ta’ mini roundabouts. Huwa permessibbli skond il-liġi li vetturi kbar jgħaddu minn fuq il-marki ta’ dawn it-tip ta’ roundabouts. L-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta ma tħossx il-ħtieġa li din il-junction għandha terġa tigi iddisinjata.

Reserved Parking — Persuna b'diżabilita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma ntlaqgħetx it-talba għal reserved parking, l-indirizz qed jintbagħat separatament, peress li hemm tifel b'diżabilita' li kontinwament jiġi indukrat min-nanna tiegħu peress li l-ġenituri jaħdmu filgħodu? Jista' jiġi approvat dan il-permess minħabba li dan it-tifel ikollu ta' bilfors jinġarr ta' kuljum minn dan l-appartament peress li huwa nieqes mid-dawl u mis-smigħ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li t-tifel li għalih ghamel riferenza l-Onorevoli Interpellant mhuwiex residenti fil-lokalita ta’ fejn intalab is-servizz kif muri fil-karta ta’ identifikazzjoni tiegħu maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’. Għaldaqstant tali applikant mhux eliġibbli għal Reserved Parking għal persuna b’diżabilita’ għax waħda mill-kriterji prinċipali għall-għotja ta’ dan is-servizz hija li l-persuna b’dizabilita’ għandha r-residenza permanenti tagħha fil-post fejn qed jintalab is-servizz.

Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli li fix-xogħol relatat ma' Triq l-Imdina, Ħal Qormi biswit il-ġnien Ġorġ Zammit f'Tal-Ħandaq, jinbena ċint żgħir li jifred it-triq minn mas-soft area eżistenti (kif hemm fil-parti t'isfel tal-ġnien u l-parking area) bħala lqugħ mill-vetturi li jgħaddu fl-inħawi, fuq talba ta' xi residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant, li ċ-ċint eżistenti tal-ġnien li hemm fi Triq l-Imdina kien twaqqa' minħabba x-xogħlijiet li saru f’din it-triq . Dan iċ-ċint reġa nbena kif kien qabel ma twaqqa. Rigward l-eztenzjoni ta’ dan iċ-ċint hemm diversi proposti li se jiġu ikkunsidrati biex jifred il-parti t’isfel tal-ġnien minn mat-triq.

Imqabba — Triq l-Ispnar

Question

Jista' il-Ministru jintervjeni u jara li l-gandott li nfetaħ fi Triq l-Ispnar l-Imqabba, li huwa ta' periklu għar-residenti jintradam? Jista' il-Ministru, wara li jintradam l-istess kanal jara li t-triq tingħata wiċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħti aktar dettalji għaliex minn spezzjoni li saret fit-Triq imsemmija ma rriżultax li hemm gandott miftuħ. It-triq imsemmija hija nkluża fil-lista ta’ toroq li jridu jsiru mid-Direttorat ġewwa l-Imqabba.

Zabbar/Zejtun — Traffiku

Question

Jikkunsidra l-Ministru li St Joseph Street, Zabbar/Zejtun għandha tiġi rranġata urġentement biex tnaqqas ħafna mit-traffiku li qed jiġġamja Hompesch Street, Zabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed thejji program biex ittejjeb ir-rideability tat-toroq arterjali u distributorji. Din it-triq tagħmel parti minn dan il-program u x-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-program.

Dipartiment tat-Toroq — Talba għal Yellow Lines

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11275, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Familja u tas-Solidarjeta' Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jara li jsiru yellow lines quddiem ir-residenza ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Korrispondenza dwar il-każ qiegħda wkoll tintbagħat separatament.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Mill-korrispondenza annessa mall-mistoqsija parlamentari jirriżulta li t-talba tal-persuna indikata hija għal Reserved Parking u mhux għal yellow lines kif qed jgħid l-Onorevoli Interpellant. Infurmat li din it-talba qatt ma waslet għand l-Awtorita' dwar it-Trasport.