Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema barranin f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hawn persuni mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi terzi li jaħdmu f’Malta? Jista’ jaqsam dawn iċ-ċifri għal kull pajjiż individwali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Ottubru 2013, in-numru ta' ħaddiema barranin jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni kien ta' 15,094. Minnhom 9,670 persuna ġejjin mill-Unjoni Ewropea filwaqt li 5,424 persuna huma minn barra l-Unjoni Ewropea. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli. Tabella 'A' turi n-numru ta' persuni jaħdmu mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea filwaqt li Tabella 'B' turi n-numru ta' persuni jaħdmu li ġejjin minn pajjizi barra l-Unjoni Ewropea.

Gozo Employment Aid Programme — skema

Question

B'referenza għall-istqarrija għall-istampa ppubblikata fit-8 ta' Marzu 2014 fejn intqal li 170 intrapriza Għawdxija bejniethom se jħaddmu 357 persuna taħt l-iskema Gozo Employment Aid Programme, jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawn l-intrapriżi li qed jipparteċipaw f'din l-iskema, in-numru ta' persuni li kull kumpanija se timpjiega taħt din l-iskema u kemm se tkun l-għajnuna finanzjarja li kull intrapriża se tieħu (liema għajnuna hi ekwivalenti għal nofs il-paga ta' dawk l-impjegati ġodda)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Edukazzjoni għolja – studenti Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-figuri dwar in-numru ta' studenti Għawdxin li qed jagħmlu kors f'xi istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja f'Malta, fosthom l-Università ta' Malta, Junior College, MCAST u ITS (esklużi dawk li qed jattendu f'xi kampus f'Għawdex)? Jista’ jagħti dawn il-figuri skont is-sess u l-kors li qed jattendu f'dawn l-istituzzjonijiet pubbliċi? Jista' jgħid kemm hemm studenti Għawdxin li qed jagħmlu kors f'Malta taħt xi skema ta' boroż ta' studju li ġew mogħtija mill-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif se nsemmi:- Tabella 'A' - l-Universita` ta' Malta (l-għadd ta' studenti murija fit-tabella jinkludu dawk l-istudenti kollha li jidhru bħala sudenti kurrenti fid-database tal-Universita` ta' Malta u li għandhom indirizz f'Għawdex. Mill-lista hemm esklużi dawk li qed jattendu fil-kampus ta' Għawdex). Tabella 'B' - MCAST Infurmat ukoll li filwaqt li fil-Junior College mhemmx studenti Għawdxin, l-iskola post-sekondarja Giovanni Curmi, n-Naxxar, din is-sena skolastika għandha żewġ studenti li r-residenza tagħhom hija f'Għawdex. Dawn iż-żewġ studenti, waħda femminili u l-ieħor maskili, qed jirrepetu l-kors tal-Matrikola. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li l-ITS taqa' taħt il-Ministeru għat-Turiżmu. Għaldaqstant, it-tagħrif fir-rigward ta' din l-istituzzjoni għandu jintalab lill-Ministru kkonċernat. B'referenza għall-aħħar parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat li bħalissa b'kollox hemm 41 student Għawdxi li qed jagħmlu kors f'Malta taħt xi skema ta' boroż ta' studju li ġew mogħtija mill-Gvern. Dawn huma mqassma kif ġej: Skema Numru STEPS 9 MGSS – Post Graduate 2 Master it! 14 MGSS – Undergraduate 16

Kulleġġ Maria Regina Mosta- għeluq ta’ track

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni nhar ta' Ħadd it-track tal-Kulleġġ ta’ Maria Regina l-Mosta fiż-Żokrija qed tingħalaq fil-11.00a.m, meta qabel kienet tibqa’ miftuħa sas-1.00p.m.?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn analiżi li saret dwar in-numru ta’ parteċipanti li kienu qed jagħmlu użu mit-track imsemmija instab li ma kienx hemm użu fil-ħinijiet tal-ikel.

LSA – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-ġenituri tat-tifel li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li qed jistenna LSA?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jinsab fil-proċess li jipprovdi LSA lil dawk l-istudenti li fl-aħħar erba`/ħames ġimgħat ġew rakkomandati mill-iStatementing Moderating Panel li jingħataw Full Time One to One Support. Kif l-iskola tkun infurmata li ġie assenjat LSA jiġu nfurmati l-ġenituri.

Għawdex — studenti - grades

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fis-sessjonijiet ta’ Mejju u Settembru 2013 x’kienu l-grades miksuba minn studenti Għawdxin f’kull eżami li sar fil-livell avvanzat u intermedju?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-grades miksuba minn studenti Għawdxin f’kull eżami li sar fil-livell Avvanzat u Intermedju f’Mejju u Settembru 2013 huma kif jidhru fit-Tabelli 1 sa 4 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Kull Tabella turi s-suġġett, il-livell, is-sessjoni tal-eżami, il-gradi miksuba minn A sa E, kemm kien hemm studenti assenti u t-total għal kull suġġett.

Skola Primarja tal-Imġarr – pjanijiet għal skola sekondarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern dwar skola sekondarja għall-istudenti li se jispiċċaw mill-iskola primarja tal-Imġarr għas-sena skolastika li tibda minn Settembru 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-istudenti li se jispiċċaw mill-iskejjel primarji kollha tal-Kulleġġ San Nikola se jibdew jattendu l-iskola sekondarja tar-Rabat, bis-sistema l-ġdida tal-Co-Ed. L-iskola tar-Rabat se tkun qed tiffunzjona bħala l-Middle School tal-Kulleġġ.

Għawdex — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm student Għawdxin li qed isegwu kors fl-Università ta’ Malta? Jista’ jagħti n-numru ta’ studenti nisa u irġiel minn Għawdex li qed isegwu kull kors f’kull sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Wieħed irid jirrimarka li l-għadd ta' studenti rrapurtati fit-tabella jinkludu dawk l-istudenti kollha li jidhru bħala studenti kurrenti fid-database tal-Universita' ta' Malta u li għandhom indirizz f'Għawdex.

Skemi ta’ scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-ħsibijiet tal-Ministeru tiegħu rigward skemi ta’ scholarships għall-istudju barra minn Malta, għas-snin skolastiċi li jibdew minn Settembru 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħal ma hemm fil-Programm Elettorali tal-Gvern, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol irid joħloq aktar opportunitajiet għal min irid jistudja fuq livell ta’ MQF 7 u MQF 8. Bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti biex tiġi mnedija skema oħra ta’ s cholarship u qed jiġu esplorati diversi possibiltajiet inkluż li jiġu użati fondi tal- ESF taħt il-Programm 2014 – 2020. L-iskema l-ġdida mistennija tiġi mnedija fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sit elettroniku www.myscholarhip.gov.mt ser tkun aġġornata bl-aħħar dettalji.

Scholarship ta’ Master It

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx il-ħsieb li tiġi mnedija sejħa għall-ischolarship ta’ Master It? Jekk iva, meta hu mistenni toħroġ din is-sejħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta' scholarship "MASTER it!" kienet iffinanzjata taħt il-Programm tal-ESF 2007 - 2013. Bħalissa qed isiru l-aħħar preparamenti biex tiġi mnedija skema oħra ta' scholarship u qed jiġu esplorati diversi possibiltajiet inkluż li jiġu wżati fondi tal-ESF taħt il-Programm 2014 - 2020. L-iskema l-ġdida mistennija tiġi mnedija fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sit elettroniku www.myscholarship.gov.mt ser tkun aġġornata bl-aħħar dettalji.

Trasferiment ta’ Data ta’ Persuni li jattendu Istituzzjonijiet Edukattivi

Question

B’referenza għall-Avviż Legali 76 tal-2014, ATT dwar is-Servizzi Ta’ Impjieg u Taħriġ (Kap. 343) Regolamenti tal-2014 għat-Trasferiment ta’ Data ta’ Persuni li jattendu Istituzzjonijiet Edukattivi, jista’ l-Ministru tal-Edukazzjoni jwieġeb is-segwenti mistoqsijiet: (1) jgħid x’wassal biex ħareġ dan l-Avviż Legali, x’kienu l-iskopjiet li għalihom ħareġ, u kif u minn min se tintuża l-informazzjoni u d-data dwar l-istudenti individwali; (2) jgħid jekk ikkonsultax mal-mexxejja tal-istituzzjonijiet edukattivi qabel ma ppubblika dan l-Avviż Legali minħabba x-xogħol involut biex tinġabar din l-informazzjoni; (3) jgħid jekk ikkonsultax mad- Data Protection Commissioner biex jara jekk il-mexxejja tal-istituzzjonijiet edukattivi jistgħux jagħtu l-informazzjoni mitluba mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-ġenituri tal-istudenti; (4) jgħid x’jiġri jekk il-ġenituri joġġezzjonaw li jagħtu informazzjoni u data dwar uliedhom; (5) jagħti assigurazzjoni li l-informazzjoni u d- data miksuba tintuża esklussivament għal raġunijiet ta’ riċerka jew fl-interess dirett tal-istudenti konċernati u għall-ebda interess ta’ terzi; u (6) jagħti assigurazzjoni li l-informazzjoni u d- data miksuba tkun taħt ir-responsabbiltà diretta ta’ min jiksibha skont l-Avviż Legali u dan ikun kontabbli għal kif tintuża din l-informazzjoni u data ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġibiet minn (1) sa (6) huma kif ġej: (1) Il-Gvern permezz tal-inizjattiva Jobs+ huwa kommess illi jwettaq riċerka meħtieġa biex jara l-konnessjoni bejn l-edukazzjoni taż-żgħażagħ u l-postijiet tax-xogħol li l-istess żgħażagħ isibu meta jibdew jaħdmu. (2) Iva (3) Iva (4) Id-data ser tintalab mill-istituzzjonijiet edukattivi u mhux mill-ġenituri. (5) Iva (6) Iva

Kulleġġ San Injazju — faċilitajiet sportivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’faċilitajiet sportivi qed jintużaw illum miż-żewġ skejjel sekondarji fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-faċilitajiet sportivi fl-iskola sekondarja tas-subien li qed jintużaw huma dawk fuq barra, jiġifieri il-futbol pitch u l-basketball court. Hemm żewġ gyms li għad iridu jiġu żviluppati mill-FTS imma dawn m'humiex lesti u għalhekk ma jistawx jintużaw. Il-faċilitajiet sportivi fl-iskola sekondarja tal-bniet għadhom m'humiex kompluti. Jintużaw biss il- grounds ta' barra.

Kulleġġ San Injazju — indoor sports halls

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huts mill-eks skola tal-Ingliżi u sussegwentement Liceo Vassalli, bdew jiġu ttrasformati f’indoor sports halls, fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq? X'tip ta’ xogħol qed isir fihom? Meta hemm il-ħsieb li jkunu lesti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li ser jiġu ttrasformati tliet huts f'indoor sports facilities biswit il-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq u oħra f'sala. It-tenders għal dan ix-xogħol ser jiġu ppublikati fil-jiem li ġejjin u l-pjan hu li x-xogħol jitlesta sal-aħħar tas-sena.

Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — bini ta' kumpless sportiv ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitkompla l-bini ta’ kumpless sportiv ġdid fil-Kampus tal-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq li l-pjanti dwaru u applikazzjoni għall-permess tiegħu kienu bdew fil-Leġiżlatura li għaddiet? Meta hemm il-ħsieb li jkompli x-xogħol fuq dan il-proġett bżonnjuż għall-istudenti u għall-komunità sportiva tal-madwar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju qed isir studju fir-rigward tal-bini ta' kumpless sportiv ġdid fil-Kampus tal-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq.

Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — Walking and jogging club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu mwaqqaf il-Walking and Jogging Club fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal-Ħandaq? X’inhu l-iskop ta’ dan il-klabb? Kemm kien hemm membri, sena b’sena minn meta nfetaħ dan il-Klabb? Jista’ jgħid jekk sarx xi tibdil fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-faċilitajiet miftuħa bla ħlas għall-pubbliku? Għaliex inħass il-ħtieġa għal dan it-tibdil?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-Walking and Jogging Club ta’ San Injazju ilu mwaqqaf mill-2010. L-iskop ta’ dan il-klabb hu li tkompli titrawwem kultura sportiva u titqajjem kuxjenza akbar dwar l-importanza tal-attivita’ fiżika għal saħħitna. Ma tinżammx statistika ċentru b’ċentru iżda bejn iċ-ċentri kollha, in-numri kienu hekk: 2010 – 400 parteċipant 2011 – 382 parteċipant 2012 – 1360 parteċipant 2013 – 1993 parteċipant Għall-perjodu tax-xitwa, minħabba n-nuqqas ta’ konkorrenza, il-ħinijiet inbidlu kif ġej: matul il-ġimgħa jagħlaq fid-9.00pm minflok fl-10.00pm is-Sibtijiet jiftaħ fit-8.30am minflok fis-6.00am il-Ħdud jiftaħ fit-8.30am minflok fis-6.00am u jagħlaq fil-11.00am minflok fis-1.00pm. Il-KMS għamel analiżi tal-attendenzi matul ix-xhur tax-xitwa. Minħabba nuqqas ta’ konkorrenza tul ix-xhur tax-xitwa inħasset il-ħtieġa għal dan it-tibdil. Il-pubbliku ġie nfurmat u ma kien hemm l-ebda persuna li għamlet kuntatt mal-KMS minn dak iż-żmien sal-lum.

Employement Aid Programme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem u kemm-il employer ibbenefikaw mill-iskema tal-Employment Aid Programme mill-bidu tagħha sal-aħħar tal-2013? Jista’ jgħid kemm intefqu fondi għal din l-iskema mill-bidu tagħha sal-aħħar tal-2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li mill-bidu tal-Employment Aid Programme fl-2009 sal-aħħar tal-2013 ibbenefikaw 2,540 ħaddiem. Dawn kienu mpjegati ma’ 1,064 employer differenti. L-ispiża tal-grants (2540) li għadhom validi hija ta’ €13,044,970.

ETC – skemi għall-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx skemi miftuħin mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ biex jgħinu fl-impjieg ta’ ħaddiema ġodda, liema huma dawn l-iskemi u kemm għajnuna tingħata fuq il-paga u l-bolla tal-istess ħaddiema ġodda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fid-diskors tal-Baġit għas-sena 2014, tħabbru diversi miżuri biex min iħaddem ikollu inċentivi biex jimpjega persuni qegħda ta’ bejn il-45 u l-65 sena u persuni li ilhom jirreġistraw għax-xogħol aktar minn sentejn. Barra minn hekk, il-Gvern ser jinċentiva lil min iħaddem jekk dawn jipprovdu work placement jew jipprovdu taħriġ lill-apprendisti. Single parents ukoll ser ikunu mgħejjuna biex jieħdu t-taħriġ. Peress li ħafna minn dawn il-miżuri jikkonsistu minn deduzzjoni ta’ taxxa, il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għaddejja b’diskussjonijiet mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni biex nikkoordinaw l-implimentazzjoni ta’ dawn l-inċentivi.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati b'kuntratt indefinit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu li l-kuntratt definit tagħhom sar wieħed indefinit matul Jannar, Frar u Marzu 2013? Jista’, għal kull impjegat jgħid x’kienet id-data ta’ meta l-kuntratt definit tiegħu sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid min kien li ffirma kull ittra li biha kull kuntratt definit sar wieħed indefinit? Jista’ jgħid każ b’każ x’kienet il-kariga ta’ kull impjegat? Jista’ jgħid każ b’każ l-istatus li fih l-impjegati kkonċernati ngħataw l-impjieg b’mod indefinit?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ impjegati fi ħdan l-eks Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol li l-kuntratt tagħhom inqaleb minn definit għal wieħed indefinit matul il-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant kien ta’ 252. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – skola primarja

Question

Billi minkejja diversi domandi parlamentari li għamilt dwar l-iskola primarja eżistenti f'San Pawl il-Baħar, u r-risposti għalihom, f'San Pawl il-Baħar għadha għaddejja persistentement id-diskussjoni dwar il-fatt li l-iskola preżenti se titneħħa minn fejn qiegħda, u dan ukoll b'dikjarazzjonijiet li qed jagħmel il-Kunsill Lokali permezz tas-sindku, jista' l-Ministru jassigura li fil-fatt l-iskola primarja preżenti mhux se titneħħa minn fejn qiegħda?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-Onor. Interpellant jifhem li ħadd mhu awtorizzat jitkellem għall-Ministru tal-Edukazzjoni ħlief il-Ministru nnifsu. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 6398 u 7718.