Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Agriculture Export Marketing Board ġiex ikkonsultat dwar l-iżviluppi ta' l-aħħar 600 tunellata ta' patata? Jekk iva, x'kienet il-pożizzjoni tal-bord? Jekk le, għaliex il-bord ma ġiex konsultat meta kien hemm sistema ta' outright purches u ta' prezz minimu garantit?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fiċ-ċirkostanzi kien jidher li jkun iktar għaqli li jseħħ in-negozju milli wieħed jissogra li jitlef okkażjoni tajba ta' żieda ta' 10% fl-esportazzjoni tal-patata (Alpha). Il-Kamra għandha tkun taf li l-prezz medju garantit fuq is-600 tunnellata extra tat-tip Sante' huwa 16% għola mill-prezz garantit li l-Onor. Membru kien iffirma fuq is-6000 tunnellata tat-tip Alpha. Barra min hekk, il-prezz offrut għall-żieda ta' 600 tunnellata oħra patata ta' Malta fuq dik miftiehma fil-kuntratt il-ġdid kien mhux biss id-doppju ta' dak tal-kuntratt għall-aħħar 1000, iżda saħansitra jisboq l-ogħla prezz minimu garantit għall-ewwel 3000 tunnellata.
Billi l-laħam tal-Beef Intervention Scheme prattikament jintuża mill-industrija lokali sabiex jiġi proċessat f'beef burgers u l-Avviż Legali Nru 68/98 ta' Local Manufactors Promotion Act Cap 336 dwar importazzjoni ta' beef burgers se jiġi tterminat nhar is-26 ta' Novembru 1998, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni attwali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iċ-ċanga tal-Beef Intervention Scheme ser tibqa' tinbiegħ għall-użu fl-industrija lokali meta jkun hemm il-ħtieġa.
Rigward l-Avviż Legali Nr.68/98 nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill- Ministru konċernat.
B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 u għad-dekasteru li għalih il-Ministru hu responsabbli, jista' jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika; (a) x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħatawx xi extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv, fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm suppliers/kuntratturi li kienu jagħtu s-servizz tagħhom lill-istess dekasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu u x'servizz/prodott kienu joffru? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad minflokhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
1. Matul il-perjodu 5 ta' Settembru sa' l-10 ta' Novembru, 1998, il-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd uża, b'emerġenza, għall ġarr ta' għamara ta'l-uffiċċju, l-istess kuntratturi, jiġifieri Borg Brothers tas-Siġġiewi, li kienu ngħataw il-kuntratt mill-amministrazzjoni ta' qabel u bl-istess rata li biha kienu rebħu dak il-kuntratt, jiġifieri Lm30 kull vjaġġ. B'kollox dan it-trasport laħaq is-somma ta' Lm390.
Barra min hekk, kien jinħtieġ ukoll ġarr kemm ta' għamara kif ukoll kwantitajiet kbar ta' files u oġġetti anċillari bħalhom minn sular għall-ieħor u minn kamra għall-oħra u dan dam sejjer mill-24 ta' Settembru sa' l-1 ta' Ottubru 1998. Għal dan is-servizz, il-kuntratturi ngħataw is-somma ta' Lm270. (ara PQ538).
Bejn id-9 ta' Settembru, 1998 sat 3 ta' Novembru 1998 kien jenħtieġ li tinkera karozza self drive mingħand il-Butterfly Garage, li hu l-kuntrattur uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi ta' dan il-Ministeru, għal tliet perjodi separati. Din il-vettura, li nkriet għall-użu ta' l-Onorevoli Ministru ta' l-Agrikoltura u Sajd, ma kinitx taqa' taħt l-istess kundizzjonijiet u specifications tal-kuntratt preżenti. Minħabba li l-karozza uffiċali (GM) ta' l-Onorevoli Ministru fit-tliet okkażjonijiet kienet bill-ħsara, il-kiri tal-karozza kien inevitabbli, u kull darba kellu jsir b'urġenza, għalhekk ġie deċiz li ssir direct order mingħand il-Butterfly Garage. Dan il-kiri sar bl-Lm10 kuljum u tħalset is-somma ta' Lm430.
2. Is-servizz ta'Kiri ta' Karozza self drive li kien jintuża mill-assistent personali tal-Ministru ta' l-Agrikoltura u Sajd ta' l-amministrazzjoni ta' qabel twaqqaf fid-9 ta' Settembru 1998. Il-Karozza kienet inkriet, b'direct order, mingħand il-Buskett Forest car hire tar-Rabat. Minflokha ma nkriet ebda karozza oħra għax l-imsemmi assistent personali temm is-servizz tiegħu ġol-Ministeru mal-bidla fil-Gvern. Fl-istess jum twaqqaf ukoll is-servizz ta' kiri ta' karozza, ukoll b'direct order, mingħand il-KWL rent a car ta' Buġibba. Din il-Karozza kienet tintuża mill-istaff tas-segretarjat ta' l-istess Ministeru ta' l-amministrazzjoni preċedenti. Minflokha fl-10 ta' Settembru 1998 bdiet tinkera karozza waħda self drive għall-użu ta' l-istaff tal-Ministeru mingħand il-Butterfly Garage, li kif diġa' semmejt aktar il fuq hu l-kuntrattur uffiċċjali tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi ta' dan il-Ministeru. Din il-karozza qegħda tinkera skond il-kundizzjonijiet u rati stipulati fit-tender.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet jew x'se tkun ir-reazzjoni tal-Ministeru tal-Biedja u Sajd għall-ittra li l-Kumpannija Meridiana Wine Estate Ltd bagħtet lis-Segretarju Permanenti fis-26 ta' Settembru, 1998 dwar il-bżonn urġenti li s-settur Malti ta' l-inbid jiġi regolat in linja man-normi ta' l-Unjoni Ewropea Internazzjonali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naċċerta lill-Onorevoli Membru li l-Ministeru huwa nteressat ħafma li jaġġorna dejjem r-regolamenti tal-produzzjoni tal-inbid f'Malta.
Aħna jidhrilna li dan l-aġġornament għandu iżda jsir mill-qiegħ jiġifieri l-ewwel nett mill-istess produzzjoni tal-għeneb. Huwa għalhekk li jien nistenna li l-Wine Advisory Board, li kif diġa għedt qiegħed jiddiskuti Abozz ta' Liġi, jikkonsidra wkoll bi prijorita' l-vitikultura.
Naturalment, l-argumenti u l-proposti tad-ditta Meridiana qegħdin jiġu kkonsidrati bl-istess importanza tal-argumenti u proposti tal-produtturi tal-inbid l-oħra kollha fl-isfond tad-direttivi tal-Unjoni Ewropeja u tan-negozjati li għandhom isiru mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Billi issa l-Ministru kellu ċ-ċans kollu li jara l-file ta' l-esportazzjoni tal-patata u billi fl-imgħoddi kemm-il darba allega li kien hemm korruzzjoni fl-aħħar żewġ staġuni ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi legali qed jieħu kontra dawn l-allegazzjonijiet magħmula minnu meta kien fl-Oppożizzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
Infakkar lil-Onor. Interpellant li huwa stess kien ammetta pubblikament li fl-esportazzjoni tal-patata fi żmienu ma kienx hemm effiċjenza u trasparenza biżżejjed fl-operat kollu tal-istess esportazzjoni.
Mill-files indikati jidher ċar li l-istess Onor. Membru, biex jgħatti il-fjask diżastruż fl-esportazzjoni tal-ħxejjex lejn l-Ingilterra li tant kien iddandan biha fuq il-meżżi tax-xandir, ġew miċħuda madwar Lm13,500 mill-fond tal-esportazzjoni tal-patata tas-sajf, liema flus ittieħdu minn ħluq il-bdiewa. Ittieħdu madwar Lm8,000 oħra mill-fond li suppost kellu jiġi wżat f'għajnuniet ukoll minħabba ħsarat ambjentali kkaġunati mill-maltemp.
Jikkonferma l-Ministru li bħalma l-maltemp laqat ħażin il-produzzjoni lokali fix-xitwa li għaddiet laqat ħażin ukoll l-uċuh lokali mkabbra għall-esportazzjoni lejn l-Ingilterra fl-istess perjodu?
Jista' għalhekk il-Ministru jinforma lill-Kamra kif il-bdiewa li esportaw 40 tunnellata biss ta' ħaxix setgħu ilaħħqu l-uċuh tagħhom f'din il-klima sabiex jesportaw il-kwantitajiet miftiehma lejn is-suq Ingliż f'dak il-perjodu?
Jekk il-Ministru jew id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ma għandhomx soluzzjoni, jaqbel il-Ministru li l-istqarrijiet tiegħu dwar dan is-suq kienu żbaljati u għas-serjeta' tal-politka f'pajjiżna għandu jirtira l-kritika li għamel dwar dan is-suq ġdid u jibni mill-ġdid il-kuntatti ma' madwar 40 bidwi li kienu nvoluti f'din l-esportazzjoni flok ikompli jġelliedhom kif qed jagħmel bl-istqarrijiet tiegħu ma' bdiewa oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-fatt hu li din hekk imsejjħa esportazzjoni kienet fjask mill-bidu sa l-aħħar. Ma kienx biss il-maltemp li laqat ħażin din l-avventura. Kollox sar ħażin per eżempju:
- Ma kienx hemm kuntratt bil-miktub
- Iż-żrieragħ waslu tard
- L-organiżżazzjoni kienet fjakka
- Il-għażla ma kienitx tajba
- Il-kaxxi ma kienux adattati, u fil-fatt il-prodott esportat kien esibit f'kaxxi bil-logo tal-Air Malta
- Ma saritx spezzjoni serja qabel ġew mibgħuta l-prodotti
Fuq kollox minkejja l-pariri kuntrarji u meta deher ċar li l-affarijiet ma kienux mexjin tajjeb, l-Onor. Interpellant, li dak iż-żmien kien il-Ministru, webbes rasu u nsista li l-esportazzjoni tkompli sabiex ma jidhirx li l-istqarrijiet tiegħu kienu biss ħolm. Dan il-ħolm, li spiċċa fi fjask ekonomiku, wassal biex kellhom jittieħdu Lm13,500 minn flus dovuti lill-bdiewa mill-esportazzjoni tal-patata tar-rebbiegħa kif ukoll għal tnaqqir ta' Lm8,000 oħra li suppost intużaw biex jagħmlu tajjeb għall-ħsarat ikkagunati mill-maltemp fl-oqsma tal-biedja u sajd.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni lokali u l-prezz medju għall-kaboċċi, pastard u patata fil-perjodu ta' Novembru u Frar 97/98, 96/97, 95/96, 94/95, u 93/94 mill-Pitkalija Ċentrali f'Ta' Qali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kaboċċi Pastard Patata
Kg Prezz Kg Prezz Kg Prezz
Medju Medju Medju
c/Kg c/Kg c/Kg
Nov 97/Feb 98 570,735 17.12 691,725 25.46 1,107,287 12.55
Nov 96/Feb 97 983,968 1.91 1,915,990 3.82 1,552,550 10.98
Nov 95/Feb 96 861,082 7.7 1,225,086 13.9 1,193,599 14.4
Nov 94/Feb 95 634,083 14.1 1,122,478 11.9 543,284 14.8
Nov 93/Feb 94 776,964 9.25 1,123,254 10.75 999,692 14.87
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Kalendarju Agrituristiku huwiex se jkompli jiġi organizzat? Jekk iva, fuq liema direzzjoni u min se jkunu l-uffiċjali responsabbli minn dan il-Kalendarju?
Kemm huwa pprogrammat li jsiru laqgħat ma' l-għaqdiet involuti u xi jridu jagħmlu dawk l-għaqdiet li jridu jesprimu xi ideat ġodda sabiex jiġu nkorporati f'dan il-Kalendarju?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Kalendarju t'attivitajiet agrikoli kif ukoll tas-sajd għas-sena d-dieħla qed jiġi finaliżżat mill-istess unit li għamlitu aktar kmieni din is-sena meta l-Onor. Interpellant stess kien għadu Ministru ta' L-Agrikoltura.
Laqgħat ma l-għaqdiet involuti jsiru regolarment.
Billi kien twaqqaf Kumitat il-Ħbieb tal-Pitkalija sabiex jiġu organizzati attivitajiet b'risq għaqdiet filantropiċi fil-weekends fil-Pitkalija, li wkoll kellhom ikunu parti mill-attivitajiet tal-Kalendarju Agrituristiku, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk dan il-kumitat għadux jiffunzjona? Jekk iva, min huma l-membri? Jekk le, għaliex tneħħa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Naħseb li l-Onorevoli Noel Farruġia jaf li l-Kumitat tal-Ħbieb tal-Pitkalija li kien waqqaf hu mhux ma għadux jiffunzjona, jew tneħħa, iżda dan il-Kumitat qatt ma ffunzjona għaliex fil-fatt qatt ma organiżża l-ebda attivita' lanqas meta hu, li kien waqqfu, kien Ministru tal-Agrikoltura u Sajd.
Bħall-proġetti fittizzi oħra li l-Onor. Membru tant jiddandan bihom, dan il-Kumitat ta'Ħbieb tal-Pitkalija li qatt ma ltaqa u li allura qatt ma ta ċentezmu wieħed lill xi għaqda filantropika, mhux ser jiġi mġedded.
Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd — Aġenziji tar-reklamar
Question
B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa l-10 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih il-Ministru huwa responsabbli, jista': a) jagħti lista ta' aġenziji tar-reklamar użati; b) jagħti indikazzjoni tal-kampanji fdati lilhom; c) jgħid kemm intnefaq ma' kull aġenzija; d) kemm intnefaq f'kull waħda mill-mezzi tal-media li hawn Malta; e) jagħti lista ta' l-istamperiji (minbarra dik tal-Gvern) li ġew użati; f) jagħti indikazzjoni ta' x'ġie stampat u l-kwantita' ta' l-istampar; g) jgħid kemm intnefaq ma' kull stamperija; h) jagħti lista tal-kumpanniji ta' l-iscanning li ġew użati u jgħid kemm intnefaq ma' kull kumpannija?
Kemm kien hemm persuni/ditti li kienu joffru s-servizzi ta' reklamar lill-istess dikasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru, 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad flokhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi, il-Ministeru tiegħi ma uża l-ebda aġenziji ta' riklamar jew scanning.
Rigward gażżetti, dawn intużaw għal reklamar ta Serata Mużiko Letterarja fl-okkażjoni tal-World Food Day. Kontijiet ta' dawn ir-reklami għadhom ma waslux kollha, iżda ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-reklam kien mitlub mill-Ministeru tiegħi biex jidher darbtejn f'kull gażżetta ta' kuljum.
Fl-istess perjodu, l-uniku xogħol ta' stampar kien il-pubblikazzjoni tal-ġurnal 'Biedja u Sajd' li jiġi stampat fl-istamperija Nola Ltd., tal-Qasam Industrijali ta' Kordin. Din tistampa 2000 kopja bi spiża ta' Lm200 kull ħarga. Id-Ditta Nola Ltd. intgħażlet wara ħruġ ta' sejħa għall-offerti fiż-żmien l-Amministrazzjoni Laburista. L-ebda persuna jew ditta li kienet toffri servizz ta reklamar lill-Ministeru tiegħi ma twaqqfet mill-elezzjoni 'l hawn.
Ministeru ta' l-Agrikoltura — Reġistrazzjoni ta' vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ta' l-art u tal-baħar għandu reġistrati f'isem l-Ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għall-Ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma hemm ebda vettura ta' l-art irreġistrata f'isem il-Ministeru tiegħi jew Dipartimenti oħra li jaqgħu taħtu, ħlief dawk taħt id-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi. F'dan id-Dipartiment hemm 95 vettura ta' l-art irreġistrata.
Hemm vettura tal-baħar irreġistrata mad-Dipartiment tas-Sajd u Aqwakultura. Dan hu l-kajjik li jintuża fid-Dipartiment ta' Aqwakultura Nazzjonali.
Ma ġiet mixtrija l-ebda vettura, la ta' l-art u l'anqas tal-baħar, mis-6.9.98 sat 28.10.98 għall Ministeru tiegħi jew għal xi dipartiment li jaqgħa taħtu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-Ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirjiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders? Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għall-kiri ta' dawn il-karozzi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-5 ta' Settembru 1998 l'hawn il-Ministeru għadu jikri l-istess numru ta' karozzi, liema numru ma ġiex miżjud kif jidher fit-tabella hawn taħt.
Minn dawn il-karozzi il-waħda li qed tinkera b'direct order kienet b'dan l-arranġament minn qabel il-5 ta' Settembru 1998.
Dipartiment Numru ta' Il-Kerrej Tender L-Ispiża
Karozzi Direct Order Kuljum għall-
Tal-Kiri Kiri tal-Karozzi
Ministeru 3 Butterfly Tender Lm11.97
Garage (Contracts
notice 206/96)
Servizzi
Korporattivi xejn Butterfly Tender xejn
Garage (Contracts
notice 206/96)
Agrikoltura 4 Butterfly Tender Lm15.96
Garage (Contracts
notice 206/96)
1 KWL Rent a Direct Order Lm5.00
Car
Servizzi 1 Butterfly Tender Lm3.99
Veterinarji Garage (Contracts
notice 206/96)
Sajd u 2 Butterfly Tender Lm9.24
Akwakultura Garage (Contracts
notice 206/96)
Jista' l-Ministru jgħid mill-5.9.98 sal-1.12.98: (a) Kemm-il tender ta' valur aktar min Lm1,000 ġiet approvata mid-dekasteru tiegħek; b) il-valur ta' kull tender; c) lil min ġiet awarded;u d) in-natura (provvista, xogħol, servizz) ta' kull tender?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tenders ta' valur aktar minn Lm1000 li ġew approvati huma hekk:
Xogħol Valur Min ħa t-tender Natura
Trees stakes Lm3209 Bonnici & Zahra Provvista
Tipper Truck Lm5800 V & M Xuereb Servizz
Stampar ta' 'Biedja
u Sajd' (estenzjoni
ta' kuntratt li għalaq
f'Ottubru) Lm2400 Nola Limited Servizz
Mechanical Shovel Lm1200 Mario Xuereb Servizz
Hiring of Hymac Lm2500 Bonnici Borthers Servizz
Gabions Lm2500 Rite Mix Xogħol
Terramesh System Units Lm2475 Rite Mix Provvista
Terramesh System Units Lm2475 Rite Mix Provvista
Gabions/Terramesh Lm2500/ MSK Ltd. Provvista/
System Units Lm2500 Xogħol
Billi issa l-Ministru għandu l-aċċess għall-files ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' jinforma lill-Kamra kemm-il darba l-Board u/jew id-Dipartiment għamel użu minn fondi sabiex jikkumpensa bdiewa oħra li esportaw prodotti oħra qabel l-1997 u l-1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Barra mill-għajnuniet li d-Dipartiment tal-Agrikoltura għamel f'diversi każi li jinkludu kumpens, sussidji, xogħol u oħrajn id-dipartiment għen ukoll sabiex saru provi li jinkludu safar ta' prodotti agrikoli. Fil-fatt dawn kienu jinkludu safar ta' tadam, cherry tomatoes, bżar aħdar, chillies u oħrajn lejn is-suq Ġermaniż fil-1992; esportazzjoni ta' dulliegħ lejn l-Olanda fil-1995 u għen ukoll billi ħareġ kreditu sabiex tħallsu l-bdiewa meta fil-1994, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa flimkien mal-Agri Import Export Co. Ltd., kienu siefru patata ta' Malta lejn l-Awstrija u din ma kienitx ġabet prezza. Naturalment filwaqt li kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni kienu jammontaw għal spiża inċidentali, dik tal-aħħar, id-Dipartiment għadu jinsisti sabiex idaħħal dawn il-flus lura.
Il-Kamra għandha tkun infurmata wkoll li matul l-amministrazzjoni preċedenti meta l-Onor. Membru kien direttament involut u responsabbli mill-esportazzjoni tal-patata tas-sajf, ittieħdu flus minn fondi separati biex jagħmlu tajjeb għall-falliment li kien hemm fl-esportazzjoni tal-ħxejjex lejn l-Ingilterra, u cioe'
- Madwar Lm13,500 mill-fond tal-esportazzjoni tal-patata tas-sajf, liema flus ittieħdu minn ħluq il-bdiewa.
- Madwar Lm8,000 oħra mill fond li suppost kellu jiġi wżat f'għajnuniet minħabba ħsarat ambjentali kkaġunati mill-maltemp.
Jikkonferma l-Ministru li l-Agriculture Export Marketing Board kellu quddiemu kuntratt għall-esportazzjoni tal-patata organika? X'kienet it-tip ta' varjeta' u kemm kien il-prezz u tunnellaġġ propost lill-bdiewa?
Fejn waslu l-kuntatti ta' dawn l-iżviluppi u kemm-il laqgħa saret ma' l-esportaturi mill-5 ta' Settembru 'il hawn?
Meta nżergħet fil-Farm kif kien ippjanat minn qabel il-patata sabiex titkabbar b'esperiment ħalli l-bdiewa nteressati f'din l-esportazzjoni jiġu megħjuna jintroduċu dawn il-varjetajiet u metodu organiku ġdid għas-suq ta' l-esportazzjoni tal-patata?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jirrisulta li f'Ġunju li għadda l-Agricultural Export Board kien infurmat li ditta Maltija wriet interess sabiex tesporta 1000 tunnellata patata organika tal-varjeta' Charlotte jew Nicola lejn l-EU għall-prezz ta' 20c il-Kilo. Kien diskuss abbozz ta' ftehim ma' l-esportaturi fejn fost l-oħrajn kienet tqajjmet id-diffikulta dwar l-esklusivita tal-kuntratt eżistenti għas-safar tal-patata li kien jimponi. Għaldaqstant huma kienu mitluba sabiex jikkunsidraw varjetajiet tal-qatgħa bajda minflok dawk tal-qatgħa safra għaliex kienet tkun inqas difficli.
Bla ebda dubju dan il-proġett kien għadu f'fasi ta' diskussjoni għaliex mhux biss il-Bord għadu qiegħed jistenna tweġiba mingħand in-negozjant iżda jirrikjedi iktar staħarriġ u definittivament provi tas-sistema għaliex it-tkabbir organiku kien fiħ ferm iktar sogru għal-bdiewa.
Ma jidhirx li nżergħet patata sabiex titkabbar b'mod organiku fil-Farm Esperimentali ta' l-Għammieri iżda qegħdin isiru provi fuq patata tax-xitwa tal-varjeta' Agria.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali responsabbli mill-programm ta' riċerka tal-produzzjoni organika?
Xi programm qed jissoktaw bih fil-mument u kemm hu n-numru ta' bdiewa nvoluti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma sibt ebda programm serju ta riċerka fuq produzzjoni organika. Jiena nfurmat li saru biss xi provi għand bidwi wieħed, li l-valur xjentifiku tagħhom hu dubjuż. Qabel issir riċerka f'dan il-qasam hemm bżonn li wieħed jibni qafas ta' regolamenti sabiex wieħed jimxi fuqhom u jkattar il-faċilitajiet tal-laboratorju sabiex jiġi analizzat il-prodott, il-ħamrija u l-ilma. Intbgħat uffiċjal għoli barra minn Malta sabiex jistħarreġ il-ħtieġa minima sabiex d-dipartiment ikun jista' jippjana b'mod serju xi attivita' f'dan il-qasam. Mhux la kemm wieħed iparla u meta tfittex ma ssib xejn li wieħed jista' jorbot fuqu.
Jikkonferma l-Ministru li l-problemi li rriżultaw lill-bdiewa li jesportaw il-ħxejjex lejn l-Ingilterra, partikolarment fil-grading, kienu riferuti permezz ta' rapport lill-Agriculture Export Marketing Board?
X'kienu fil-fatt il-problemi prinċipali riferuti lill-Agriculture Export Marketing Board dwar il-grading li kienu qed jagħmlu l-bdiewa?
X'jgħid ir-rapport ta' l-espert tal-Board dwar il-potenzjal tas-suq Ingliż li kien ġie ntrodott?
Response (ZAMMIT, NINU)
F'Marżu li għadda l-agricultural Export Marketing Board kien infurmat dwar diffikultajiet li nqalgħu rigward pagamenti dovuti lill-bdiewa li kienu kabbru l-ħaxxix frisk lejn l-Ingilterra. Mill-investigazzjonijiet li saru kien irrisulta li dan in-negozju kien nieqes minn kull serjeta tant li ma kien hemm ebda kuntratt li jirregola u jorbot bla garanzija bankarja u anqas letter of credit.
Barra minn dan kien irrapurtat li l-prodott kien qiegħed jasal fi stat deplorevoli fis-suq Ingliż u dan kien qiegħed jagħti mpressjoni ħażina tal-prodotti Maltin. Il-Kawża ta'dan kollu jidher li mhux biss kienu l-għażla u l-ippakkjar ħażin li ma kienux jissodisfaw ir-regolamenti iżda l-presentazzjoni tiegħu kienet waħda li tnaffar minflok tħajjar lix-xerejja.
Biż-żejjed wieħed isemmi l-mistħija tal-fatt li parti sostanzjali minn dan il-prodott kienet preżentat għall-bejħ f'kaxxi bil-logo ta' l-Air Malta.
Il-Bord ikkonkluda li qabel ma jsir negozju ieħor, wieħed għandu jagħmel studju serju dwar is-suq intenzjonat għaliex permezz t'hekk biss wieħed ikun jista jikkompeti u jinnegozja bis-serjeta.
Jikkonferma l-Ministru li fil-bidu ta' din is-sena l-klima affettwat il-produzzjoni lokali tal-ħaxix frisk u kien hawn skarsezza fil-produzzjoni tal-ħxejjex friski mkabbra lokalment?
Jikkonferma l-Ministru li l-Gvern kellu jirrikorri għall-miżuri temporanji sabiex jiġu mpurtati ħxejjex bil-levy imnaqqsa sabiex l-industrija tat-turiżmu u l-konsumaturi jkollhom provvista biżżejjed?
Kemm fil-fatt kienu l-kwantitajiet u l-varjetajiet impurtati?
Paragunat ma' snin oħra, jista' l-Ministru jgħid kemm niżel it-tunnellaġġ tal-produzzjoni lokali tal-ħaxix frisk kawża ta' klima tax-xita qalila li għaddiet bejn Diċembru 1997 u Frar 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jiena nfurmat li kien hawn skartezza ta' ħxejjex friski fil-bidu ta' din is-sena jiġifieri fi żmien meta l-istess Interpellant kien responsabli mill-istess qasam. Il-Gvern li hu kien jifforma parti minnu naqqas il-levy fuq xi ħxejjex.
Il-kwantitajiet ta' prodotti li ġew impurtati bil-levy mnaqqsa kienu hekk:
Patata 912,075kgs
Pastard 11,477kgs
Kabocci 29,330kgs
Il-bejgħ ta' ħxejjex u frott mill-pitkalija ta' Malta u Għawdex kien hekk:
Dicembru 1996 - Frar 1997 - 7,658,505kgs
Dicembru 1997 - Frar 1998 - 5,099,882kgs
Il-Kamra għandha tkun infakkra li minkejja l-ammessjoni tal-Onor. Interpellant stess dwar il-ħsara li kienet saret fir-raba bejn Dicembru 1997 - Frar 1998 il-bdiewa affettwati ma nagħtaw l-ebda kumpens finanzjarju. Minflok, Lm8,000 mil-flus allokati għat-tiswija ta' ħsarat ikkaġonati mill-maltemp kienu ġew użati biex b'xi mod jigħatta il-falliment finanzjarju li kien hemm fl-esportazzjoni tal-ħaxix lejn L-Ingilterra li tant konna nisimgħu dwaru fuq il-meżżi tax-xandir.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jaħtar il-membri ta' l-Agriculture Marketing Board?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Agricultural Export Marketing Board. Billi t-terminu tal-membri tal-Board imsemmi għadu ma skadix, il-membri tal-Board għadhom qed iservu fuq dan il-Board sakemm jiskadi t-terminu jew jiġu appuntati membri oħra skond il-ħtieġa jew kif ikun il-waqt.
Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bejn 1 ta' Novembru, 1998 u it-30 ta' Novembru, 1998 sar kuntratt wieħed ta' għamara għall-ufficini. L-award saret mill-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u quotations intalbu mingħand C Fino & Sons Ltd., u mingħand Fithome Ltd. Il-quotation ta' C Fino & Sons kienet ta Lm2346, filwaqt li ta' Fithome kienet ta' Lm2500. Intgħażlet l-irħas offerta jiġifieri dik ta C Fino & Sons. Ma kienx hemm kuntratti oriġinali u għalhekk il-kumplament tad-domanda ma japplikax.