Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-affarijiet rurali u ambjent — Kiri ta' affarijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kirjiet ta' vannijiet, karozzi, trakkijiet, gafef, għamara, mobile phones, photocopiers, computers, pjanti, eċċ. li għandu l-ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekastru tal-ministeru? Kemm hi r-rata tal-kirja kull ġurnata f'kull każ separatament? Fil-preżent, kemm hi ċ-ċifra taż flus tal-kontijiet pendenti li l-ministeru u l-entitajiet għandhom iħallsu għal dawn il-kirjiet? Kemm kienet in-nefqa globali ta' dawn il-kirjiet matul is-sena li għaddiet? Jista' jinformani kemm kienet in-nefqa globali għal karozzi u għamara ġdida li nxtrat matul is-sena 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li jidher li l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onor. Membru fil-Mistoqsija tiegħu mhux se twassal għal xi titjib fl-amministrazzjoni pubblika ta' pajjiżna jew għal xi benefiċċju relevanti ieħor, ma naħsibx li l-ħin estensiv li jinħtieġ f'kull Ministeru u Dipartiment sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba ikun ġustifikat u ċertament huwa ħin li jista' jintuża aħjar. L-Onor. Membru għandu jikkunsidra jagħmel Mistoqsija aktar iffokata u ristretta.

Bordijiet u Kummisjonijiet — Perċentwali ta' rġiel u nisa

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-perċentwali ta' nisa u rġiel fuq bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu għas-sena 2003? Jista' jagħti wkoll il-perċentwal ta' nisa u rġiel li jiċċerjaw dawn il-bordijiet u kummisjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Imġarr Malta - Ragħad

Question

Tista' il-MEPA tinvestiga jekk hux qed isir tħammil fiż-żona protetta u barra l-iżvilupp tal-bini magħrufa bħala tar-Ragħad fl-Imġarr f'Malta għax qed jingħad li sar xogħol ta' tħammil fiha wara li kien hemm min xtraha biex jiżviluppaha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ttieħdet azzjoni t' infurzar immedjata appena rriżulta li beda jsir xi xogħol fuq is-sit in kwestjoni. Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq ECF 39/04 twaħħal fuq il-post skond il-liġi, kontra s-sid u l-okkupant li s' issa m’ hix magħrufa l-identita’ tagħhom. Qegħdin isiru sforzi biex dan isir magħruf kif ukoll spezzjonijiet regolari ħalli jiġi assigurat waqfien ta l-iżvilupp.

Kummissjoni Maltija fi Brussell — Persuni li se jservu f'oqsma varji tal-biedja

Question

Jista' il-Minsitru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-cv tal-persuni li se jservu fil-kummissjoni Maltija fi Brussell fl-oqsma varji tal-biedja, sajd, veterinarji u l-iżvilupp rurali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentament għall-laqgħat tal-kumitati fil-Kummissjoni Ewropeja qed jattendu uffiċjali fil-Ministeru sakemm ikunu maħtura uffiċjali fil-Missjoni ta’ Brussell skond struttura mfassla mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien is-safar li sar fuq xogħol uffiċjali minn uffiċjali governattivi jew oħrajn li tħallsu mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu matul is-sena 2003? Min siefer? Fejn kienet kull safra? Kemm kienet l-spiża ta' kull safra? Min awtorizza kull safra? Min minn dawk li siefru mar first class jew club class?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta’ min igħid li s-safar kollu kien awtorizzat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru. Dawk l-uffiċjali mill-Ministeru, jew mid-dipartimenti li jaqgħu taħtu li siefru first class jew club class huma indikati fit-tabella.

Għawdex — Rabat - Żvilupp fi Triq Borg Olivier

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4220, jista' il-Ministru jgħid jekk il-kunsill lokali tar-Rabat Għawdex irreġistrax oġġezzjoni għall-applikazzjoni tal-MEPA 93/03?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali rreġistra oġġezzjoni għall-applikazzjoni PC 93/03

Ġnejna — Taħt l-irdum l-imdawwar - garaxxijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4351, jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA hux se tieħu passi mmedjati biex dawn il-kmamar illegali ġodda jitwaqqgħu? Jista' jgħid meta dan se jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-investigazzjonijiet minn-naħa ta’ l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma waqfux hemm u issa ġie stabbilit min huma it-tlett persuni responsabbli minn dan l-iżvilupp illegali. Fill-fatt inħarġu tlett Avviżi Biex Tieqaf u tat-Twettieq kontra l-persuni f' isimhom proprju (ECFs 104/04, 105/04, 140/04). Dawn ingħataw 16 il-ġurnata żmien sabiex ineħħu l-iżvilupp illegali u jreġġgħu is-sit lura għall-istat oriġinali tiegħu skond il-liġi.

MEPA — Talbiet għall-permessi - Skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħol ta' kostruzzjoni / tibdil fil-bini eżistenti fi skejjel indipendenti? Jista’ jgħid meta saret kull applikazzjoni, minn min u għal liema xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Talbiet għall-permessi - Skejjel tal-knisja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal xogħol ta' kostruzzjoni / tibdil fil-bini eżistenti fi skejjel tal-Knisja? Jista’ jgħid meta saret kull waħda, minn min u għal liema tip ta' xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Talbiet għall-permessi - Skejjel ta' l-Istat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha applikazzjonijiet il-MEPA minn skejjel ta’ l-Istat għal xogħol ta' kostruzzjoni / tibdil fil-bini eżistenti? Meta saret kull applikazzjoni? Minn min saret u għal liema xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Ħaddiema li jmorru għax-xogħol bir-rota

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema tal-MEPA li jmorru għax-xogħol bir-rota? Jista' jgħid ukoll il-lokalitajiet li minnhom ġejjin il-ħaddiema ta' l-istess awtorita?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m' għandhiex informazzjoni ta’ dan it-tip.

Triq il-Qawra — Garage

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif garage li jinsab fi Triq il-Qawra, Qawra li huwa liċenzjat dak iż-żmien mill-PAPB bħala garage għall-private car qed jiġi użat bħala child Minding Centre ref PA 03282/03 meta dan diġa hemm objections dwaru u peress ukoll li jidher li fil-policy dwar din it-tip ta' applikazzjoni għandu dejjem ikun hemm assigurat 5 sq metres per child biex tiġi kkunsidrata? Jarax il-Ministru li dan il-każ għandu jiġi rifjutat minnufih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li din l-applikazzjoni għadha m' hijiex deċiża mill-Kummissjoni tal-Kontroll ta' l-Iżvilupp u għandha tidher quddiem l-istess Kummissjoni fil-25 ta' dan ix-xahar għall deċiżjoni. Fuq l-istess sit hemm Enforcement file miftuħ EC 382/03. Ta min igħid li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet diġa ħadet azzjoni billi il-post ġie ssiġillat xi żmien wara li nħarġet ECF 382/03 u ninsab infurmat li l-post għadu ssiġillat sal-llum, 17 ta’ Frar 2004.

Ġnejna — Taħt l-irdum l-imdawwar - garaxxijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 4146, jista' il-Ministru jinvestiga l-bini ta' garaxxijiet li qiegħed isir preżentement fl-inħawi ndikati? Jista' jassigura li dan l-abbuż ma' jibqax għaddej u eventwalment jitwaqqaf?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li wara li saru iżjed investigazzjonijiet fuq il-post irriżulta li riċentement inbnew żewġt ikmamar oħra llegali. Dan sar b' mod li jagħmilha diffiċli għall-osservatur sabiex jidentifika dawn il-kmamar peress li inksew b' ġebel qadim jew sejjiegħ u mgħottija imparti bil-ħamrija. Minkejja li saru diversi spezzjonijiet għall-għarrieda, saħansitra anke matul il-'weekend', ma setax jiġi identifikat minn huwa responsabbli minn tali kostruzzjoni. Pero’ se tittieħed azzjoni t' infurzar kontra s-sidien u l-okkupanti billi se jitwaħħlu Avviżi tat-Twettieq fuq il-post skond l-Att 1 ta' 1992 (ECF 104/04 u ECF 105/04).

MEPA — Post ta' direttur għall-ambjent

Question

Jista' il-Ministru jgħid min applika għall-post ta' direttur għall-ambjent fi ħdan il-MEPA? Min ġie shortlisted minn dawn l-applikanti u f'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għażla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ismijiet ta' dawk li applikaw u anki ta dawk li eventwalment ġew shortlisted huma kunfidenzjali u ma jistgħux jingħataw. Rigward l-istadju li fih wasal il-proċess, dan issa huwa ffinalizzat u l-applikanti kollha ġew infurmati bl-eżitu finali.

Għawdex — Xewkija - PA 07236/03

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-applikazzjoni bil-file no. PA 07236/03 jirriferix għall-belveder fi Triq San Leonardu, fix-Xewkija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni bin-numru PA 07236/03 ma jirreferix għal belveder, iżda jirreferi għal 'civic amenity facility'.

Manikata — Scrapyard

Question

Jista' il-Ministru jara x'passi qegħda tieħu l-MEPA fuq scrapyard li tinsab il-Manikata wara Triq il-Fuħħar? Jaħseb li wasal sew iż-żmien li tittieħed l-azzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-Sezzjoni ta' l-Infurzar ta' l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) investigat dan il-każ u wara li kellmet sid l-art dan kien beda jneħħi xi materjal. Minn investigazzjonijiet li saru jirriżulta li reġa ntefa’ materjal ġdid u għaldaqstant ser jinħareġ Avviż biex Tieqaf u ta' Twettieq talli ntefa’ materjal fuq sit mingħajr permess.

Prodotti ta' l-ikel — Dazju fuq l-importazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3480 li għamiltlek fid-9 ta' Diċembru, 2003, tista' jekk jogħġbok tinformani bl-aħħar żviluppi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni għadha ma nbidlitx fis-sens li l-Kummissjoni Ewropeja ma ħarġitx regolamenti dwar kif ser jiġu allokati l-kwoti lill-operaturi ta’ pajjiżi Membri ġodda kif ukoll dwar ir-rati preferenzjali marbuta ma dawn il-kwoti.

Għammieri — computers

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnhom il-computers li kien hemm ġewwa l-Għammieri? Jista' jgħid jekk ittieħdux Ħad Dingli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-computers li kien hemm, u li hemm fl-Għammieri, għadhom l-Għammieri. Ma ttieħdu l-ebda computers Ħad-Dingli.

Mard fuq l-annimali

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra liema kien il-mard reġistrat fuq it-tjur, il-bhejjem u annimali oħra, separatament f'Malta u Għawdex matul is-sena 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2003 la ġie rraportat u lanqas ikkonfermat xi mard li huwa nfettiv u / jew kontaġġjuż li jaqa' taħt notifika jew li huwa fil-lista A tal-Office of the International Epizootics ( OIE).

Mard fuq is-siġar tal-frott

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-kamra liema kien il-mard reġistrat fuq is-siġar tal-frott u taċ-ċitru separatament f'Malta u Għawdex matul is-sena 2003?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar il-mard fuq is-siġar taċ-ċitru, u s-siġar tal-frott li ġie reġistrat f’ Malta matul is-sena 2003 Dwar il-parti ta’ mard li ġie reġistrat Għawdex, l-Onor. Interpellant hu mitlub li jirreferi din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.