Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-kawża li l-gvern fetaħ kontra l-Malta Labour Party dwar il-proprjeta' ta' l-Australia Hall u l-ex Raffles f'Pembroke? X'azzjoni qiegħda tittieħed biex jiġi żgurat li ma ssirx aktar ħsara f'dawn il-binijiet li huma skedati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma fetħet l-ebda kawża kontra l-Malta Labour Party dwar il-proprjeta' ta' l-Australia Hall u l-ex Raffles f'Pembroke. Rigward l-aħħar parti tad-domanda ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proprjeta' in kwestjoni hija mogħtija b'ċens perpetwu u għaldaqstant kwalunkwe ħsara hija r-responsabilita' ta' l-utilista.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 27011, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-162 rapporti ttieħdu passi mill-pulizija u tressqu l-Qorti l-persuni in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tagħrif aġġornat dwar dan is-suġġett li jien tajt bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27667.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li d-Dipartiment ta' l-Artijiet jaġġusta l-kera tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, wara li romlot fit-2 ta' Awissu, 2007?
Response (BORG, TONIO)
L-aġġustament tal-kirjiet ta' postijiet residenzjali issir mid-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali. Għaldaqstant l-Onor. Membru huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni JO: L/0047/1999?
Response (BORG, TONIO)
L-Onorevoli Interpellant hu mitlub jispeċifika għal liema applikazzjoni qiegħed jirreferi, peress li l-għalqa in kwistjoni hija mikrija in solidum lil numru ta' nies, li xi wħud minnhom għamlu talbiet diversi fuq l-istess art.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fhiex waslet l-proċedura għall-għoti ta' ċittadinanza Maltija tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għadha qed tiġi pproċessata.
Malli tittieħed deċiżjoni dwar dan il-każ, il-persuna kkonċernata tiġi mgħarrfa biha minnufih.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-raġuni li armi ta' airsoft li jiġu mportati f'Malta skond il-liġi u li peress li dawn uħud minnhom ma jkollhomx serial number mhumiex qegħdin jiġu reġistrati mal-Weapons Officer meta dawn mill-manifattura stess ma jkollhomx serial number għax huma toys? Jara li ladarba dawn ġew mportati skond il-liġi għandhom allura jiġu reġistrati billi l-istess awtorita' u cioe' l-Weapons Office tal-Pulizija huma stess jagħmlu serial number fuqhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond il-liġi kull arma impurtata jeħtieġ li jkollha s-serial number sabiex tkun reġistrata. L-armi airsoft huma kkunsidrati bħala armi tan-nar skond il-liġi ta' l-armi. Peress li wħud minn dawn l-armi ma jkollhomx serial number, dawn mhux qed jiġu reġistrati. Qatt ma kienet il-proċedura li l-Pulizija tittimbra numru fuq armi tan-nar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara jistgħu jsiru arranġamenti biex ikun hemm pulizija fil-ħin tal-bidu u t-tmiem tal-jum ta' l-iskola privata li hemm f'Ant. Schembri Str, Kappara minħabba li ħafna nies qegħdin jipparkjaw bl-addoċċ u spiss jagħmluha diffiċli biex wieħed jidħol jew joħroġ mill-garage tiegħu? Apparti minn hekk qed ikun hemm spiss double parking f'dawn il-ħinijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Pulizija, il-Kunsill Lokali u d-diriġenti ta' l-iskola privata li hemm fi Triq Antonio Schembri il-Kappara jinsabu f'taħdidiet sabiex tiġi tittaffa l-problema kkawżata mill-influss ta' vetturi li jkun hemm fl-akwati ta' din l-iskola fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ ta' l-istudenti.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27375 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u issa ġiet riferuta lilu, ċioe': Minħabba n-numru dejjem jikber ta' kunċerti mużikali tal-massa li qed jiġu organizzati f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli għall-ħarsien tal-health and safety regulations waqt dawn il-kunċerti kif ukoll jgħid jekk dawn ir-regolamenti humiex imniżżlin b'mod speċifiku f'xi legal notice, liġi jew regolament ieħor?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fejn ikun meħtieġ permess tal-Pulizija għal xi attivita' tal-massa, bħal per eżempju xi party jew disco, waqt l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni, il-Pulizija tikkonsulta, fost oħrajn, kemm mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, id-Dipartiment tas-Saħħa, kif ukoll ma' l-Awtorita' għas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Meta l-permess imbagħad jinħareġ, dan ikun taħt diversi kondizzjonijiet, fosthom il-kondizzjonijiet li dawn id-Dipartimenti jirraddomandaw. Hemm ukoll il-Bord ta' Sorveljanza għas-Saħħa u għall-Ħarsien tal-Bon Ordni f'lokalitajiet ta' divertiment kif previst fir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi beħsiebha tieħu l-ADT dwar il-karozzi EAD898 u IAG312 li ilhom mitluqa fi Gżira Road, Gżira għal xhur sħaħ b'liċenzja li ilha skaduta s-snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li waħda mill-vetturi msemmija ġiet imneħħija, filwaqt li l-oħra hija liċenzjata.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-servizz tal-internet provdut fir-residenzi tal-uffiċjali tal-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament uffiċjal b'uffiċjal u xahar b'xahar? Jista' jgħid min hu l-ISP f'kull każ separat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġew ikkummisjonati rapporti fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u f'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'kien l-għan/skop ta' kull rapport separatament, minn min sar u jekk sewa flus kemm kienet l-ispiża separatament? Jista' jgħid jekk hemmx minn dawn ir-rapport li ġew konklużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fid-Dekasteru tiegħi ma ġewx ikkummissjonati rapporti matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm nefaq il-Korp tal-Pulizija fuq xogħol koness mas-sitwazzjoni ta' immigrazzjoni illegali din is-sena?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma diġa' kelli l-okkażjoni nispjega fi Tweġibiet preċedenti, minħabba n-natura tax-xogħol minnu nnifsu u l-esiġenzi li jistgħu jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibli li wieħed jikkwantifika bl-eżatt kemm qed tkun l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq l-immigranti irregolari.
Madankollu ninsab infurmat illi, apparti s-salarji tal-membri tal-Korp tal-Pulizija, l-ispiża matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007 kienet tammonta għal Lm97,304.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn postijiet milquta bil-liġi possession and use, lokal b'lokal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' kirjiet li l-Gvern qiegħed iħallas għall-proprjeta' li qegħda għand il-Gvern b'titlu ta' possession and use u public tenure huwa ta' 2,615 imqassmin lokal b'lokal kif ġej:-
Balzan
2
Birgu
371
Birkirkara
23
Bormla
742
Għaxaq
3
Gudja
1
Isla
256
Luqa/Kirkop
40
Marsa
96
Mosta
3
Msida
2
Naxxar
2
Paola/Fgura
30
Pieta’/Marsa
3
Safi
2
Sta Venera
2
Sliema
36
Siggiewi
5
Valletta/Floriana
968
Zabbar
21
Zebbug
3
Zejtun
2
Zurrieq
2
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel disa’ xhur tas-sena kemm inqabdet droga u ta’ liema tip kienet? Kemm-il persuna tressqet il-qorti fl-istess żmien? Kemm minnhom kellhom anqas minn 21 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2007, kien hemm 334 persuna li ġew imressqa l-Qorti mill-Pulizija fuq akkużi relatati ma' droga, li minnhom 72 kellhom anqas minn 21 sena. Infurmat ukoll illi l-ammont ta' droga maqbuda mill-Pulizija matul l-istess perijodu huwa kif ġej:-
Cocaine
3kg 140.7grms
Heroin
2kg 525.123grms
Cannabis resin
2kg 249.12grms
Cannabis grass
41.45grms
Cannabis seed
183 seeds
Cannabis plant
75 plants
Ecstacy
30,175 tablets
BZP
62 tablets
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27622, wara l-ittri kollha u ilmenti dwar xorb minn żgħażagħ Maltin u barranin taħt l-eta` f’diversi postijiet ta’divertiment f’Malta u f’Għawdex, jista’ l-Viċi Prim Ministru jara x’jista’ jsir biex il-liġi tiġi nfurzata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli issaħħaħ l-ispezzjonijiet tagħha kontra dan l-abbuż.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara l-ilmenti kontinwi ta' residenti fuq blokk bini ġdid fi Triq C. De Brockdorff, Msida fejn hemm ħafna barranin jgħixu u dawn qegħdin joħorġu ż-żibel filgħaxija jew fil-weekend, u dan bi ħsara għall-post u għar-residenti stess? Jista' jivverifika għal kemm hemm permess ta' nies li jistgħu jabitaw f'dan il-blokk, u jekk dawn ġewx xi darba immultati għal dan ir-reat?
Response (BORG, TONIO)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, għaddejt l-ilment lill-Pulizija, għalkemm tali kontravenzjoni hija wkoll skrutinabbli mill-Ispetturi tas-Saħħa. Fir-rigward tal-kumplament tal-Mistoqsija, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jitlob tali tagħrif mingħand il-Ministru kkonċernat.
Għal dak li jirrigwardja l-Kunsill Lokali, bħal ma jaf l-Onor Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-Mistoqsija lill-Kunsill Lokali kkonċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq servizzi ta' konsulenti ( kemm servizzi minn individwi jew kumpaniji) fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Jista' jagħti d-dettalji ta' min kienu l-konsulenti u kemm tħallsu kull wieħed separat, x'tip ta' servizz taw u min approva t-tali spiża f'kull każ separat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-konsulenti li ngħataw xi forma ta' remunerazzjoni jew ħlas fil-Ministeru u d-dekasteru tiegħi, huma dawk li jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi ta' unmarried mothers din is-sena u x'eta' kellhom l-ommijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat mill-uffiċċju ta' l-Istatistika li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx xahar b'xahar iżda tiġi proċessata biss fl-aħħar tas-sena. Għaldaqstant l-istatistika ta' unmarried mothers għas-sena 2007 tista' tiġi mogħtija biss wara l-aħħar tas-sena.