Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti mal-Enemalta u l-Water Services Corporation mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid kemm jammontaw dawn il-kontijiet?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li t-tiksib ta’ din l-informazzjoni tinvolvi utilizzazzjoni kbira ta’ nies u siegħat ta’ xogħol nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini, anke privatament, ir-raġuni li wasslitu biex jitlob din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 25406 għar-rigward il-Ministeru tiegħu u ċioe: jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra min huma dawk l-uffiċċjali li skond il-ħatra tagħhom kienu jew qegħdin fuq performance agreement u għaldaqstant irċevew il-performance bonus minbarra s-salarju f'xi waħda mis-snin 1998, 1999 u/jew 2000 u fl-istess żmien kienu nominati jew maħtura għal xi pożizzjoni jew kariga oħra li tagħha rċevew xi ħlas, kumpens jew benefiċċju minbarra s-salarju u l-performance bonus?
Għal liema kariga jew nomina dawn l-uffiċċjali pubbliċi rċevew il-ħlas, kumpens jew benefiċċju? X'kien il-ħlas, kumpens jew benefiċċju f'kull każ u x'kienet il-ħatra rispettiva tagħhom fiċ-ċivil li għaliha kellhom performance agreement u allura rċevew il-performance bonus?
Response (REFALO, MICHAEL)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti ma' kumpaniji privati u kuntratturi mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn il-kontijiet u x'jirrigwardjaw?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li t-tiksib ta’ din l-informazzjoni tinvolvi utilizzazzjoni kbira ta’ nies u siegħat ta’ xogħol nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini, anke privatament, ir-raġuni li wasslitu biex jitlob din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qegħdin fuq parental leave? Kemm minnhom huma rġiel u kemm minnhom huma nisa? F'liema skala huma dawn l-impjegati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fid-dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi hemm żewġ impjegati t-tnejn nisa li qegħdin fuq Parental Leave, waħda fi Skala għaxra (10) u l-oħra fi Skala tmintax (18).
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti mal-Maltacom plc mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw dawn il-kontijet?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li t-tiksib ta’ din l-informazzjoni tinvolvi utilizzazzjoni kbira ta’ nies u siegħat ta’ xogħol nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini, anke privatament, ir-raġuni li wasslitu biex jitlob din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu mal-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu f'Londra, jew ma xi ħidma tal-Ministeru tat-Turiżmu f'Londra? Min huma? Kemm ilhom f'dan l-impjieg?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fl-Uffiċċju ta’ l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta f’Londra hemm jaħdmu seba’ persuni. Dawn huma:-
· John Montague, b’effett mill-1 ta’ Settembru 1999.
· Marie Anne Barthet Brown, b’effett mit-2 ta’ Jannar 1997.
· Vicky Williams, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2000.
· Christina Refalo*, b’effett mill-1 ta’ Marzu 1999.
· Adriana Cacciottolo, b’effett mill-1 ta’ Novembru 2000.
· Victor Bonnet, b’effett mill-1 ta’ Lulju 1997.
· Tiziana Mavilio **, b’effett mill-5 ta’ Mejju 1998.
* Din il-persuna tat avviż ta’ tmiem ta’ impjieg fil-5 ta’ April 2001.
** Taħdem fuq bażi part-time
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm jammontaw id-donazzjonijiet finanzjarji li ingħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn id-donazzjonijiet u lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li t-tiksib ta’ din l-informazzjoni tinvolvi utilizzazzjoni kbira ta’ nies u siegħat ta’ xogħol nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini, anke privatament, ir-raġuni li wasslitu biex jitlob din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-impjegati ta' l-Awtorita' Maltija dwar it-Turiżmu li preżentament igawdu minn fringe benefits?
Veru li l-kuntratti ta' dawn l-impjegati se jinbidllu sabiex ikopru t-taxxa żejda li se jeħlu minħabba t-taxxa fuq il-fringe benefits?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta ma introduċiet l-ebda kumpens li jagħmel tajjeb għal dak li huma kwalifikati bħala fringe benefits skond il-gwida maħruġa f’Jannar 2001.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm jammontaw in-numru ta' reklami li saru mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-snin 1999, 2000 u 2001?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw finanzjarjament dawn ir-reklami u lil min ingħataw, fejn kienu mxandra jew ippublikati u x'kienet il-ħtieġa li jingħataw?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li t-tiksib ta’ din l-informazzjoni tinvolvi utilizzazzjoni kbira ta’ nies u siegħat ta’ xogħol nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini, anke privatament, ir-raġuni li wasslitu biex jitlob din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena mhux ser isir il-Birgufest? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta ser isir u jekk fin-negattiv meta ser jibda jerġa jsir?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta ddeċidiet li l-Birgufest isir biss kemm-il darba jkun hemm il-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ kull min jista’ jkun involut. Fil-fatt sehem l-Awtorita’ diġa ġie deċiż.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita’ rċeviet proposti mill-partijiet konċernati, fosthom il-Kunsill Lokali u għaqdiet b’interess fil-lokal, u li magħhom għadhom qed isiru diskussjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-impjegati tal-MTA (qabel NTOM) fl-uffiċju li għandha l-Awtorita' fl-Ingilterra Meta kienu impjegati u x'xogħol jagħmlu? X'tip ta' kuntratt għandhom? Meta saret sejħa biex jimtlew dawn il-postijiet? Kemm applikaw? Xi kwalifiki għandhom dawk l-impjegati? Kemm għandhom salarju u allowances dawn l-impjegati?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24837
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat mill-Awtorita’ tat-Turiżmu li l-Awtorita’ kienet waslet fi ftehim mal-Kunsill Lokali Sliema biex il-Kunsill jieħu ħsieb iżarma u jaħżen l-impjant matul ix-xhur tax-xitwa. Infurmat ukoll li l-Awtorita’ ma tafx għaliex il-Kunsill Lokali Sliema naqas joqgħod għall-ftehim.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru inspections f'Għawdex mill-HCEB għand stabilimenti ta' akkomodazzjoni fis-snin 1998 u 1999 xahar b' xahar u lokalita' b' lokalita'? Jista' jgħid ukoll kemm normalment jammontaw l-uffiċjali li jagħmlu dawn l-inspections u min minn ikunu akkumpanjati?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li ma tinżammx statistika dwar l-ispezzjonijiet li jsiru f’stabbilimenti ta’ l-akkommodazzjoni. Fl-1998 u l-1999 kien hemm uffiċjal wieħed li jieħu ħsieb dawn l-ispezzjonijiet.
Billi tneħħew il-vetturi impressed minn mal-gvern, jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu ħalli l-ħaddiema jibqgħu jiġu provduti trasport sal-post tax-xogħol?
Barra minn hekk, jista' l-Ministru jispjega kif qed jiġu mqassma inġenji tal-gvern ħalli jinġabar it-terrapien u l-alka li tinġabar?
Jista' jgħid jekk hux qed jinkrew inġenji mingħand il-privat biex isir dan ix-xogħol? Jekk fl-affermattiv, kemm qed jonfoq kull xahar għall-kiri ta' dawn l-inġenji?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninstab infurmat li għalkemm id-Dipartiment tat-Turiżmu m’għandu l-ebda obbligu jipprovdi trasport lill-ħaddiema tiegħu sal-post tax-xogħol, ittieħdu l-passi meħtieġa sabiex ikun provdut trasport minn Bieb il-Belt sal-bajjiet u x-xtut tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta peress li m’hemmx trasport pubbliku adegwat sa dawn il-postijiet tax-xogħol.
Rigward it-tqassim ta’ trakkijiet, irrid ngħid li peress li l-għadd ta’ vetturi hu limitat dawn qed ikunu mibgħuta jagħmlu xogħol skond il-ħtieġa.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li min meta saret il-bidla, ma nkrew ebda inġenji mingħand il-privat biex isir ix-xogħol imsemmi aktar 'l fuq.
Jista' l-Ministru jgħid meta nħatar il-Catering Facilities Manager fl-ITS b'kuntratt definit?
Jista' jgħid ukoll:
1) Saret sejħa għall-applikazzjonijiet?
2) Meta ħarġet din is-sejħa u kemm applikaw?
3) X'kien in-numru tal-permess ta' l-ETC għal dan l-impjieg?
4) X'kienu l-kwalifiki mitluba?
5) Minn min kien kompost il-board tal-għażla?
6) Minn kienet il-persuna li ntgħażlet?
7) Meta kien iffirmat il-kuntratt mal-persuna magħżula?
8) Jista' jpoġġi kopja ta' dan il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
9) Jista' jgħid ukoll f'hiex kien jikkonsisti dan il-kuntratt?
10) Jikkonfermax li dan il-kuntratt intemm mal-ħatra ta' Catering Facilities Manager a-bażi tas-sejħa għall-applikazjonijiet li saret mill-MTA u li kien ippublikat fil-ġurnali fl-14 ta' Ġunju 2000?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nistieden lill-Onor. Interpellant inkwantu għall-ewwel disa’ partijiet tal-mistoqsija jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet tiegħu numri 5939 u 6812. Dwar l-għaxar parti ġejt mogħti parir li nista’ nikkonferma fl-affermattiv.
Possibbli li l-Ministru ġentilment jgħid jekk hemmx ħaddiema tal-white rocks li huma casual u li qed jiffirmaw il-kontroll tax-xogħol xahar b'xahar? Hemm il-ħsieb li dawn isiru tal-post?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li t-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hi fl-affermattiv waqt li għat-tieni, hi fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenti ta' l-ITS ma ngħatawx il-Lm 100 tal-kotba f'Settembru meta studenti oħra tal-ESTS li l-kors jsir mill-ETC jibbenefikawminn dan il-bonus?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-Onor. Membru qed tirreferi għal żewġ skemi għal kollox differenti, waħda l-Extended Skills Training Scheme (E.S.T.S.) organizzata mill-E.T.C. flimkien mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u l-oħra mill-Ministeru tat-Turiżmu għall-istudenti full-time li jagħmlu t-taħriġ tagħhom fl-I.T.S.
Jiena nfurmat li meta l-istipendji mogħtija lil ta’ l-ewwel ġew riveduti 'l isfel daħlet l-iskema tal-grant tal-kotba fir-rigward tagħhom. Dan naturalment ma applikax għall-istudenti ta’ l-I.T.S. propju billi l-istipendji tagħhom kienu baqgħu l-istess.