Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fortune tellers reġistrati mal-VAT department

Question

Jogħġbu l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' fortune tellers li huma reġistrati mal-VAT department?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jaqraw ix-xorti u jagħmlu attivitajiet oħra simili huma obbligati li jkunu reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT. Izda, billi m’hemmx heading specifiku għal din it-tip ta’ attivita’ ekonomika, taxpayers attivi f’dan it-tip ta’ xogħol, huma inklużi ma’ 1,700 ruħ oħra klassifikati taħt heading li l-attivita’ tagħhom ma tistax tkun klassifikata taħt heading speċifiku tan-NACE Code. Din il-kategorija tista' tinkludi nies li staqsa dwarhom l-Onorevoli Interpellant.

Mastrudaxxi reġistrati mal-VAT department

Question

Jogħġbu l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' mastrudaxxi li huma reġistrati mal-VAT department bħala self-employed?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li 1,084 huma reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT fil-qasam ta’ manifattura ta’ għamara. Dawn jinkludu kemm kumpaniji u mastrudaxxi individwali.

Flus li ġew ripatrijati lura għal Malta

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hu l-ammont globali ta' flus li ġie ripatrijat lura għal Malta, jew ġew iddikjarati bl-iskema tal-gvern li għalqet fil-15 ta' Novembru, 2003 u l-ammont ta' penalita' li tħallset?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li naħseb li jkun aħjar li nistennew sakemm tingħalaq l-iskema u jiġu sottomessi r-returns lill-Bank Centrali.

Taxxa tas-CET — Kontijiet pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk dawk il-persuni li għandhom kontijiet pendenti assoċjati mat-taxxa tas-CET u li skond l-ittra mibgħuta lilhom mid-dipartiment tal-VAT f'Marzu 2003, għadhom sa nofs Novembru 2003 ma rċevew l-ebda informazzjoni dwar il-pożizzjoni tagħhom, humiex se jingħataw id-dritt li jħallsu il-kontijiet pendenti tagħhom fuq tul ta' żmien hekk kif kien qal il-Ministru tal-Finanzi stess fid-diskors tiegħu tal-Budget, is-sena l-oħra?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ser jinforma lil dawk il-persuni li huma eliġibbli taħt l-iskema dwar il-posizzjoni tagħhom kif mwiegħed fl-ittra mibgħuta f’Marzu 2003 u skond kif imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2003. Għalhekk ma jidhirx li ser ikun hemm ħtieġa għal estensjoni fiż-żmien biex jitħallsu il-kontijiet pendenti.

Funerali — Flus miġbura mill-VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħħal flus il-gvern minn fuq il-VAT fuq il-funerali u kemm minnhom ġew refunded?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-snin 2002 u sa Settembru 2003 ir-Rifużjoni tal-VAT fuq il-funerali kienu – 2002 – Lm69,160.32 2003 – Lm40,464.95 Rigward id-dħul ta’ VAT fuq il-funerali, ma tistax tingħata figura kemm għal 2002 u għal 2003 minħabba li l-VAT titħallas kemm mill-kummissjonant kif ukoll minn dawk VAT registered taxpayers li jkunu taw xi tip ta’ servizz lill-kummissjonant waqt il-funeral bħal kiri ta’ karozzi, fjuri, avviżi eċċ.

Foreign direct investment

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hawn foreign direct investment kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-tabella li ġejja: Foreign Direct Investment f’Malta bejn l-1998 u l-2002 (Lm000) 1998 1999 2000 2001 2002 103,657 327,949 272,486 126,383 -188,282 L-FDI hu magħmul minn: · investiment inizzjali ta' l-ishma ( equity) u ż-żjieda jew it-tnaqqis li jista' jkun hemm wara; · il-profit ri-investit (re-invested earnings); u · self (loans) u trade credits bejn il-kumpaniji nnifishom (parent and daughter companies) Ta’ min jinnota li l-figura negattiva għall-2002 hi dovuta prinċipalment għall-ħlas lura ta’ self minn kumpanniji sussidjarji Maltin lill-kumpanniji parent tagħhom (naturalment barranin).

WTO — Tariffi/dazji ġodda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2107 u għall-materja prima ta' l-ikel li ma nipproduċux lokalment, jista' il-Ministru jinformani jekk is-sussidji in kwestjoni sabiex ma jkunx hemm effett fuq il-kompetittivita' ta' pajjiżna japplikawx ukoll sabiex ikopru spejjeż fuq il-prodotti kawżati mill-kontrolli ta' kwoti, dazji u tariffi meta importati f'pajjiżna bil-prezzijiet kompetittivi ta' swieq internazzjonali u cioe' mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa kellna l-okkażjoni naffermaw fir-risposta tagħna għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2107, l-Unjoni Ewropeja tħaddem sistema ta' refunds relatati mal-użu ta' ċertu materja prima użata fil-manifattura ta' prodotti proċessati esportati lejn pajjiżi li m’humiex membri ta l-Unjoni. Din l-iskema hi intiża biex tnaqqas il-prezzijiet ta' dawk il-prodotti agrikoli li jeħtieġu protezzjoni temporanja sakemm jintlaħaq livell ogħla ta' kompetittivita fil-produzzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropeja. B’hekk, waqt li jingħata nifs lil dawk is-setturi agrikoli li jeħtieġu l-protezzjoni, ma titnaqqarx il-kompetittivita ta' l-industrija ta' l-ipproċessar ta' l-ikel ta' l-Unjoni fuq is-suq internazzjonali.

Importazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel — Sussidju

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2107 separatament mill-qmuħ u ċ-ċereali, jista' il-Ministru jagħti breakdown sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin ta' kemm swew f'sussidji ta' flus lill-gvernijiet Maltin is-sussidji fuq l-importazzjoni ta' prodotti ta' l-ikel u tal-materja prima ta' l-ikel kollha li ma nipproduċux lokalment bħala laħam aħmar, zokkor, dairy products, eċċ.?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li nformazzjoni dwar kemm hu s-sussidju li tagħti l-Unjoni Ewropeja fuq esportazzjoni ta’ prodotti ta’ l-ikel u tal-materja prima tal-ikel jista’ jinkiseb mill-website: http://europa.eu.int/comm/taxation_customs/dds/cgi-bin/tarchap?Lang=EN Minn din il-website, jista’ jinġabar ukoll tagħrif dwar kemm kienu dawn is-sussidji f’dawn l-aħħar ħames snin.

WTO — Tariffi/dazji ġodda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2107, jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm minn dawn is-sussidji se jiġu ffinanzjati mill-UE u kemm se jiġu ffinanzjati mill-Gvern Malti prodott prodott, sew f'materja prima u sew meta l-prodott ikun applikat bħala kompożizzjoni separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għar-rigward ta' l-iskema ta' refunds mħaddma mill-Unjoni Ewropeja, wieħed jirrimarka li għaddejjin preparattivi bejn il-Kummissjoni Ewropeja u l-pajjiżi membri u dawk resqin għal-sħubija biex jiġi stmat il-valur ta' budget neċessarju biex jitħallsu r-refunds dovuti mill-Kummissjoni. Naturalment, dan l-ammont jiġi stmat fuq xejriet ta' kummerċ ta' kull pajjiż fl-Unjoni ma' pajjiżi barra mill-istess Unjoni. Għar-rigward ta' l-iskema li l-Gvern Malti nnegozja ma' l-Unjoni Ewropeja fil-kuntest ta' l-SMPPMA, għaddejjin l-preparamenti neċessarji biex jiġi stabbilit l-ammont neċessarju għat-tħaddim ta' dan il-ftehim. Dawn il-preparattivi għaddejjin fil-kuntest tal-ħidma tal-Gvern biex jippreżenta l-estimi finanzjarji għas-sena 2004 fil-Kamra tad-Deputati.

Ministeru tal-Finanzi — Ħaddiema bil-kuntratt

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2466 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.

Familji li jgħixu bil-minimum wage

Question

Jikkonsidra l-Ministru li l-familji li jgħixu bil-minimum wage, i.e. 2369, skond mistoqsija parlamentari 1896, huma parti mill-15% ta' ċittadini Maltin u Għawdxin li qegħdin fir-riskju tal-faqar? Jikkonsidra li l-1,487 ta' tfal fl-eta' tat-twelid sat-18-il sena li jgħixu f'familji b'income ta' minimum wage jagħmlu parti minn 20% ta' tfal bejn twelid u 15-il sena li huma fir-riskju tal-faqar skond l-istatistika mxandra ta' l-NSO?

Response (DALLI, JOHN)

It-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1896 hi bażata fuq informazzjoni miġbura mill-Labour Force Survey (LFS) li sar f’ Marzu ta’ din is-sena. L-informazzjoni li kienet pubblikata fuq ir-riskju tal-faqar hi bażata fuq il-Household Budgetary Survey (HBS) li kien sar bejn l-2000 u 2001. Ta’ min jinnota li l-LFS jiġbor informazzjoni fuq dħul minn salarji biss waqt li l-HBS ġabar informazzjoni fuq id-dħul kollu regolari tal-familja, inkluż salarji. Għalhekk għal dawn ir-raġunijiet wieħed ma jistax jagħmel paragun dirett. Biex wieħed jara familja hix fir-riskju ta’ faqar irid jara d-dħul kollu regolari tagħha, n-numru ta’ nies fil-familja u l-etajiet tagħhom. Id-dħul regolari jinkludi salarji wara tnaqqis ta’ taxxa u bolla, sussidji, dħul minn interessi, dividendi, kirjiet, u benefiċċji soċjali. Informazzjoni dettaljata ta’ kif inħadmet r-rata ta’ nies li huma f’ riskju ta’ faqar tinsab fil-pubblikazzjoni ‘Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators’ li kienet maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika fl-2002. Biex wieħed ikun jista’ iqabbel irid jassumi li (a) d-dħul regolari tal-familji baqa’ fl-istess livell bħas-sena 2000 u li (b) d-dħul regolari kollu ta’ dawn il-familji ġej mill-paga minima tal-kap tal-familja. Jekk wieħed jassumi hekk allura jista’ jikkonkludi li jekk dawn in-nies jgħixu waħedhom u jaqilgħu l-paga minima huma ma jkunux f’riskju ta’ faqar. Jekk il-familja tkun magħmula minn żewġ persuni jew iżjed u d-dħul regolari kollu ta’ din il-familja jkun ġej mill-paga minima, il-persuni li jagħmlu parti minn din il-familja jkunu viċin jew f’ riskju ta’ faqar. Per eżempju jekk familja tkun magħmula minn persuna adulta u persuna li għandha inqas minn 14-il sena dawk in-nies ikunu viċin li jkunu f’riskju ta’ faqar. Jekk it-tieni persuna jkollha 14-il sena jew aktar dawk il-persuni jkunu f’riskju ta’ faqar. Familji li huma magħmula minn iżjed minn żewġ persuni u li d-dħul regolari tal-familja ġej mill-paga minima tal-kap tal-familja huma f’ riskju ta’ faqar. Dan li ġie spjegat hawn hu bbażat fuq sistema ta’ kalkulazzjoni li tinstab f’pagni 45 sa 47 tal-publikazzjoni ‘Structural, Poverty and Social Exclusion Indicators’: (http://www.nso.gov.mt/NSO%20indicators/NSO%20Structural%20Indicators.pdf ) L-istess kriterji japplikaw għal dawk l-1,487 tfal sat-18-il sena li jgħixu f’familji bi qliegħ ta’ minimum wage.

Ħaddiema bil-paga minima

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1896, jista' il-Ministru jispjega u jagħti dettalji u statistika għall-aħħar parti tat-tweġiba tiegħu li tgħid:- "Naturalment fil-maġġoranza ta' dawn il-każi dan id-dħul hu supplimentat bi dħul ieħor kemm minn xogħol part-time u kemm minn benefiċċji soċjali?"

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn xi nżid fuq is-suġġett.

Proċessar tat-tadam — Prezz lill-konsumaturi

Question

Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jagħti l-prezz tal-prodotti ta' tadam proċessat f'Malta lill-konsumaturi għas-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 (sax-xahar ta' Settembru)?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni miġbura mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni dwar market leaders ta' prodotti tat-tadam proċessat lokalment, jidher li l-prezzijiet varjaw minn ħanut għal ieħor b'riżultat ta' kompetizzjoni fis-suq. Qed tiġi annessa tabella li turi l-varjazzjoni bejn l-irħas u l-ogħla prezz li bihom kienu qed jinbiegħu dawn il-prodotti bejn 1999 u Settembru 2003.

Malta Enterprise — Ħruġ ta' drenaġġ mill-fabbriki ta' Ħal Far

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet jew qed tieħu l-Malta Enterprise biex id-drenaġġ mill-fabbriki ta' Ħal Far ma jibqax jiskula ġo Wied Żnuber f'Ħal Far? Il-Malta Enterprise hija nformata li sa nhar il-Ħadd, 2 ta' Novembru 2003 kien hemm id-drenaġġ nieżel għal ġol-wied? Taf il-Malta Enterprise li dan id-drenaġġ mill-fabbriki qed jagħmel ħsara kbira f'dan il-wied u, fost affarijiet oħra, qatel siġar li kienu ilhom hemm għal snin twal?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC ħadet il-passi kollha meħtieġa sabiex ix-xogħlijiet li huma neċessarji biex tissolva l-problema tad-drenaġġ isiru mid-dipartiment ikkonċernat.

Ħal Far — Wied Żnuber - Ħsarat fl-għelieqi kawża ta' drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kumpens se tagħti l-Malta Enterprise lil bidwi full time - għandi d-dettalji tiegħu - li saritlu ħsara kbira fl-għelieqi tiegħu li għandu f'Wied Żnuber, Ħal Far minħabba d-drenaġġ li tħalla jiġri ġol-wied? Minħabba li dan id-drenaġġ waqqa' ħitan, ikkontamina ġibjun u għamilha impossibbli li dan il-bidwi jkompli jaħdem dawn l-għelieqi, tista' il-Malta Enterprise tinvestiga dan l-ilment u tara x'kumpens jista' jingħata dan il-bidwi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC qatt ma ġiet infurmata b'dan il-każ.

Ħal Far — Pump rooms tad-drenaġġ

Question

Tista' il-Malta Enterprise tagħlaq l-aċċess għall-pump rooms tad-drenaġġ li hemm ħdejn il-fabbriki f'Ħal Far li llum huma mkissra u abbandunati u qed jintużaw għall-abbuż tad-droga?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC qiegħda tara x'passi tista' tieħu f'dan ir-rigward.

Ħal Far — Ġibjuni

Question

Possibbli l-Malta Enterprise taċċerta li dawk il-ġibjuni kbar mikxufa li huma mimlijin bid-drenaġġ jew ilma maħmuġ f'Ħal Far ma jkunux ta' periklu għan-nies minħabba li huma mikxufa u aċċessibbli anke għal tfal li jinzertaw fl-inħawi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MDC qiegħda tara x'passi tista' tieħu f'dan ir-rigward.

Persuni bil-paga minima

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn individwi li ddikjaraw li d-dħul tal-paga tagħhom hija minima?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma setgħatx tinġabar mid-dokumenti li jirċievi d-Dipartiment tat-Taxxi Interni mingħand l-employers peress li dawn id-dokumenti ma jispeċifikawx jekk l-impjegat ikunx full-timer, part-timer, casual workers jew student, jew jekk ir-remunerazzjoni rapportata tkunx paga jew salarju, jew xi ħlas ieħor.

Paga minima

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hi l-paga minima fis-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skond l-Avviż Legali Numru 378 ta' l-2002, il-paga minima nazzjonali għal ġimgħa normali ta' xoghol hija ta' Lm53.13 fil-gimgha għal persuni minn 18-il sena 'l fuq; Lm50.22 fil-ġimgħa għal dawk ta' 17-il sena, u Lm49.00 fil-ġimgħa għal persuni taħt is-17-il sena.

Paga minima nazzjonali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li tispiċċa s-sistema li biha l-paga minima nazzjonali tiġi miżjuda kull sena skond l-għoli tal-ħajja?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'hemm l-ebda ħsieb li tispiċċa s-sistema li biha l-paga minima nazzjonali tiġi miżjuda kull sena skond l-għoli tal-ħajja.