Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitqassmu t-Lm3 miljuni lid-depożitanti tal-BICAL li nġabru mill-kontollur li nħatar dwar il-każ?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed jittieħdu passi biex il-bilanċ li għad hemm dovut lid-depożitanti tal-BICAL jitħallas kemm jista' jkun malajr. Jiena ma nafx minfejn l-Onorevoli Membru ġab iċ-ċifra li kkwota u li hi l-bogħod ħafna mir-rejalta.
Jista' l-Ministru jgħid kif jispjega l-fatt il-Ministru li filwaqt li l-protezzjoni tal-Biedja trid tispiċċa, f'pajjiżna matul dawn l-aħħar sentejn għola d-dazju fuq it-tonn taż-żejt ġej mill-pajjiżi li mhumiex membri ta' l-UE minn 15c għal 18c u fuq il-corned beef minn 02c għal 14c?
X'inhija r-raġuni li l-Gvern ma jridx jagħti garanziji li dawn id-dazji/tariffi fuq il-prodotti ta' l-ikel tal-Maltin u Għawdxin mhux se jiżdiedu fuq firxa akbar tal-prodotti ta' l-ikel li nikkunsmaw f'pajjiżna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nista' nara l-ebda rabta dwar il-protezzjoni tal-biedja u r-rati ta' dazju fuq it-tonn taż-żejt u l-'corned beef'.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija wieħed jista' jgħid li xi ċaqliq 'l fuq jew 'l isfel f'dazji/tariffi, wieħed ikun irid jarah fil-kuntest taċ-ċirkustanzi li jkunu japplikaw fil-mument.
Jista' l-Ministru jgħid jistax jikkonferma li d-dipartiment tat-taxxi interni ser iqabbad studenti bil-Lm1.75c is-siegħa bħala summer workers biex isir updating ta' ċertu data? jekk fl-affermattiv kif ser jintgħażlu dawn l-istudenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni ser iqabbad numru ta' studenti taħt l-iskema tas-summer workers skond iċ-Ċirkolari OPM 29/02, biex isir verifikar ta' data. Da\wn se jitħallsu Lm1.1718 fis-siegħa, għall-perjodu ta' 80 siegħa fuq erbgħa ġimgħat. Id-Dipartiment tat-Taxxi Interni talab għal numru ta' studenti preferibilment fil-Course tal-B. Commerce jew Accounts. Lista bl-ismijiet ta' l-ammont mitlub ta' studenti ngħatat mill-Education Department.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lill-Gvern biex, b'effett mill-1 ta' Jannar 2001, servizzi offruti minn tobba ma jibqgħux ikklassifikati bħala eżenti bil-kreditu, iżda jibdew jitqiesu bħala eżenti bla kreditu u b'hekk tintemm il-ħtieġa li dawn jibqgħu joħorġu rċevuti fiskali?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-servizzi mediċi, ta' edukazjoni u welfare tpoġġew fuq l-istess livell ta' servizzi ta' assikurazzjoni u servizzi ta' kreditu mogħtija minn banek mingħajr id-dritt li wieħed ikun jista' jitlob input VAT fuq transazzjonijiet ta' din ix-xorta. Hekk, bħala exempt supplies, is-servizzi mediċi huma barra l-iskop tal-liġi tal-VAT u per konsegwenza m'għandhomx obligu li jagħtu rċevuti fiskali liema obligu joħroġ mill-istess liġi. Dan ma jfissirx li rċevuti li għandhom jagħtu taħt xi liġi oħra u kif meħtieġa mill-pazjent m'għandiex tingħata.
Jiena naf li l-oppożizzjoni qegħdin jippruvaw jikkonfondu n-nies u jagħtu x'jifhem li dan ifisser li l-Gvern mhux se jibqa' jsies fuq is-settur mediku biex jiddikjaraw sewwa d-dħul tagħhom għall-fini ta' taxxa. Dan m'hu minnu xejn.
Kif ġie mħabbar, saru benchmarking exercises fuq is-settur mediku u setturi oħra mit-Tax Compliance Unit. Dan il-Unit, fuq indikazzjonijiet fid-dipartiment tat-taxxa, jiddiskuti personalment ma min jaħdem f'dan is-settur biex jara l-livelli dikjarati minnhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pakkett finanzjarju offrut lid-direttur ġenerali tal-MFSC? Huwa minnu li l-pakkett finanzjarju tac-chairman tal-MFSC qed jiġi rinegozjat? Jekk fl-affermattiv f'hiex wasal u f'hiex jikkonsisti? X'inhu l-pakkett attwali tiegħu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-pakkett finanzjarju tad-Direttur Ġenerali tal-MFSC ġie stabbilit fuq l-istess livell bħal ma jirċievi ċ-Chief Executive taċ-Ċentru.
Mhuwiex il-każ illi r-remmunerazzjoni taċ-Chairman tal-MFSC qed jiġi re-negozjat. Il-pakkett attwali huwa dak li jirċievi Chairman ta' Board fuq skala "A" fuq l-iskali li kienu ġew stabbiliti mill-Kabinett.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-area tad-dipartiment tat-taxxi interni, fil-parapett ta' block 3, Beltissebħ hemm Fiat Regata GVN 078 abbandunata b'liċenzja li ilha li skadiet minn Lulju tas-sena l-oħra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-karozza Fiat Regata GVN 078 li kienet tintuża mid-Dipartiment bħala General Purpose Vehicle u li kienet inxtrat f'Marzu tal-1990 kienet qed tkun ta' spiża kbira għad-Dipartiment minħabba konsum qawwi ta' petrol u spejjeż relatati oħra fosthom tiswijiet. Għandu jiġi appuntat bord skond l-Avviż Legali 83 tal-1999 tal-Financial and Administration Audit Act biex jirrakkomanda x'azzjoni trid tittieħed biex niddisponu minn din il-karozza.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumentazzjoni li l-fondazzjoni għall-iskejjel ta' għada bagħtet lill-Ministeru tiegħu biex ikun possibbli li l-kumpanija Kalaxlokk twettaq xogħol fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn, kif ukoll kopja ta' l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-ministeru tal-finanzi li tippermetti li l-istess kumpannija twettaq tali xogħlijiet?
Response (DALLI, JOHN)
Filwaqt li nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tal-Fondazzjoni qed tiġi pproċessata mill-Ministeru tiegħi, ma rridx nissopponi li hu kontra li jsir x-xogħol maħsub fl-iskola primarja ta' Wied il-Għajn, speċjalment fil-perjodu tal-vaganzi tas-sajf, u lanqas li x-xogħol jitwettaq mill-kumpanija Kalaxokk.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapurtati mill-ministeru u/jew dipartimenti, korporazzjonijiet eċċ, li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-minsteru bejn Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena?
X'valur, x'oġġetti eċċ, ġew misruqa?
X'passi ittieħdu?
Jista' jinfurmani ukoll bin-numru ta' serqiet li saru matul is-sena li għaddiet 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma kien irrapurtat l-ebda każ ta' serq mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fil-perjodi msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħwienet, ristoranti u postijiet oħra fejn isir il-bejgħ, fejn inqabdu sidien li ma tawx irċevuti fiskali fl-ewwel ħames xhur tas-sena? F'liema lokalitajiet kienu? Kemm tressqu l-qorti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 441 każ fejn inqabdu sidien ta' ħwienet u ristoranti li ma tawx irċevuta fiskali fl-ewwel ħames xhur tas-sena f'lokalitajiet mxerrda kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex.
Matul l-istess perjodu tressqu l-Qorti 130 taxpayer filwaqt li 264 għażlu li jħallsu multa mnaqqsa minnflok ma jitilgħu l-Qorti skond kif tipprovdi l-liġi tal-VAT 1998.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-direttur fid-dipartiment tat-taxxa, injora r-rapporti kollha li saru mill-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu separatament annessi fil-konfront tal-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jiġu wkoll annessi, meta dawn ir-rapporti jinvolvu ħabi ta' dikijarazzjonijiet u dikjarazzjonijiet skorretti ai fini ta' taxxa u vat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-direttur fid-Dipartiment tat-Taxxa jgħati l-piż dovut għal kull rapport li jirċievi u jieħu dik l-azzjoni li jidhirlu xierqa. Hu ma jirrappurtax la dwar x'għamel u lanqas dwar ir-riżultati lil min jagħmel ir-rapport.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-bank ċentrali waqaf milli jġib id-deheb biex ikun jista' jissupplixxi lill-produtturi tax-xogħol manufatturat tad-deheb? Jikkonferma li jekk dawn jibdew iġibuh permezz tal-banek kummerċjali dan ser jispiċċa jiġihom ferm għoli minħabba c-charges involuti? Jikkonferma li minħabba mod kif evolviet din is-sitwazzjoni bħalissa l-produtturi tax-xogħol manufatturat tad-deheb lanqas għandhom deheb x'jaħdmu? X'inhuma l-aħħar żviluppi dwar ir-rapporti li kien hemm li dawn il-produtturi tax-xogħol manufatturat tad-deheb kienu ser isiru responsabbli huma għall boll? Huwa minnu li l-gvern issa biddel il-pożizzjoni tiegħu u qed jgħid li jekk ma jkunx hemm kunsens bejn il-partijiet kollha involuti ser iħalli s-sistema kif inhi bħalissa? Jikkonferma li hemm partijiet - speċjlament dawk konnessi ma' l-importazzjoni - li jista' jkollhom kull interess li s-sistema tibqa kif inhi? Jaf li ftit jiem qabel l-elezzjoni ġenerali l-prim ministru tal-lum kien wiegħed lil diversi produtturi tax-xogħol manufatturata tad-deheb li l-gold bullion ma kienx ser jkun suġġett għall VAT? Hemm xi ħsieb li wara l-impożizzjoni tal-VAT f'dan il-qasam il-gvern jerġa jikkonsidera l-pożizzjoni tiegħu kif wara kollox hija s-sistema f'uħud mill-pajjiżi ġirien tagħna fl-UE?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li b'effett mill-1 ta' Ottubru 2001, il-provvista tad-deheb mill-Bank Ċentrali saret provvista taxxabbli. Il-provvista tad-deheb lill-Bank Ċentrali baqgħet eżenti bil-kreditu. Is-Sitt Direttiva ta' l-Unjoni Ewropeja ukoll titratta bl-istess mod il-provvista tad-deheb lil u mill-Bank Ċentrali.
Tajjeb wieħed ifakkar li, qabel l-1997, il-produtturi ta’ xogħol manifatturat tad-deheb kienu jimpurtaw id-deheb direttament huma stess jew permezz tal-banek kummerċjali. Taħt dik is-sistema, kienu jħallsu l-VAT u mbagħad jirkuprawha. Wara l-introduzzjoni tas-CET minflok il-VAT fl-1997, peress li s-CET ma setgħetx tiġi rkuprata, l-arranġamenti kienu ġew riveduti, sabiex b’effett mill-1 ta’ Lulju ta’dik is-sena, id-deheb beda jiġi mpurtat mill-Bank Ċentrali sabiex jinbiegħ lill-produtturi tax-xogħol manifatturat tad-deheb mingħajr ma titħallas is-CET.
Fl-1999, reġgħet ġiet introdotta il-VAT minflok is-CET. Għalhekk, peress illi s-sitwazzjoni kienet ġiet lura l-istess bħal ma’ kienet qabel l-1997, kif ukoll fl-isfond ta’ politika ta’ liberalizzazzjoni, ġie deċiż li ma kienx baqa’ skop illi l-Bank Ċentrali ikompli jimporta d-deheb direttament hu. Dan partikolarment wara li, permezz ta’ Avviż Legali Numru 233 ta’ l-2001, id-deheb ma baqax jitqies bħala provvista eżentata bil-kreditu meta jkun importat mill-Bank Ċentrali bl-iskop li jbiegħu lill-produtturi tax-xogħol manifatturat tad-deheb.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna ta lil Malta Racing Club matul is-sena 2001 u matul din is-sena? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi ħsieb jew ftehim dwar għajnuna oħra fil-futur u x'inhi t-tip ta' għajnuna?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Racing Club ġew mogħtija Lm5,000 fl-2001 u Lm5,000 din is-sena mis-Super 5 Fund. Għar-rigward ta' fondi oħra u t-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid billi ma' l-introduzzjoni tal-VAT il-ministru kien saħaq ħafna dwar il-bżonn ta' ħruġ ta' rċevuti fiskali sabiex tiġi ikkontrollata l-evażjoni tat-taxxa, x'wassal lid-dipartiment tal-VAT biex jeżenta lit-tobba mill-ħtieġa li joħorġu rċevuti fiskali, aktar u aktar billi skond il-medical association of Malta - il MAM, dawn ma kienux għamlu talba għal din l-eżenzjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 31657.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tikkonferma rapporti li l-fergħa tal-Maltapost fil-Mellieħa li tbiegħ ukoll l-istationery lanqas għandhom point of sale cash register?
Response (DALLI, JOHN)
Jiena nfurmat li l-Maltapost qegħda fil-proċess li ddaħħal point of sale system kompjuterizzata fil-fergħa tal-Mellieħa li eventwalment irid ikun approvat mid-Dipartiment tal-VAT.
Sadanittant, f'kull bejgħ ta' stationery li jsir qed tingħata irċevuta fiskali manwali lix-xerrejja.
Jista' l-Ministru jinvestiga rapporti li wasluli li għalkemm container ta' 40 pied ta' aluminium profiles normalment huwa suġġett għal madwar Lm4,000 - Lm5,000 VAT, hemm importatur partikolari ta' l-aluminium profiles li allegatament jiddikjara nofs il-valur f'VAT u lil dawk il-klijenti li ma jkunux iridu jħallsu VAT iżommilhom minflok 8% charge?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddli d-dettalji relevanti biex ma jintifix żmien fl-investigazjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jiġu provduti euro coins lill-ħwienet permezz tal-banek kummerċjali jew il-bank ċentrali peress li t-turisti qed ikollhom diffikulta' biex jingħataw bqija preċiża?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-munita euro mhix valuta legali f'Malta u għalhekk mhux suppost tiġi aċċettata mill-ħwienet bl-istess mod li dawn jaċċettaw il-lira Maltija. Għalkemm hu veru li l-ħwienet jaċċettaw flus barranin għax-xiri mit-turisti, il-bejgħ xorta waħda jibqa' fuq bażi ta' flus Maltin u naturalment il-bqija tat-transazzjoni trid tkun fi flus Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-gvern sabiex jindirizza l-iżbilanċ kummerċjali li jeżisti bejn Malta u pajjiżi li huma membri sħaħ fl-UE, meta skond l-istess quarterly review tal-bank ċentrali dan l-iżbilanċ qed jikber, sa ma' laħaq il-figura inaċċettabbli li Malta timporta 60% tal-bżonnijiet tagħha mill-UE u tesporta biss 30% tal-prodotti tagħha lejn l-UE?
Response (DALLI, JOHN)
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant għal dan li ġej:
1. Mhuwiex il-Gvern li jiddeċiedi kif jimxi l-kummerċ, iżda l-privat. Meta fil-passat il-Gvern ipprova jikkontrolla l-kummerċ billi żamm l-importazzjoni minn ċerti pajjiżi, kif ukoll permezz ta' kontrolli oħra, dan xejn ma kellu effett sabiħ fuq l-ekonomija.
2. Ta' min isemmi li parti kbira mill-materjal importat u esportat tirrifletti l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta' kumpannija waħda ta' l-elettronika li tesporta ħafna lejn l-Istati Uniti. Jekk jitneħħa l-valur ta' materjal importat u esportat minn din il-kumpanija mit-total globali allura l-pożizzjoni tkun ferm differenti.
3. Ta' min jgħid ukoll li m'għandniex biss inħarsu lejn il-kummerċ fil-prodotti meta nanalizzaw il-pożizzjoni kummerċjali esterna ta' Malta. Niftakru li Malta tiddependi ħafna mill-esportazzjoni ta' servizzi bħalma huma t-turiżmu, servizzi finanzjarji u trasport. Jekk jingħaddu dawn il-figuri allura l-kummerċ ma' l-Ewropa jiżdied sew.
Jista' l-Ministru jara li fid-dipartiment tal-VAT, first floor, ikun hemm aktar prudenza, u l-imprudenza ta' użu ta' speakers kbar għad-daqq ta' mużika tispiċċa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT dejjem insista ma' l-istaff biex tintuża l-prudenza waqt il-ħin tax-xogħol fl-użu ta' kull mezz ta' kommunikazzjoni, inkluż l-kompjuters.
Fejn tirriżulta l-imprudenza msemmija fil-mistoqsijsa ta' l-Onorevoli Membru, jittieħdu passi konkreti biex din l-imprudenza tinqata' minn egħruqha.