Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex permissibbli li persuna li tokkupa kariga ta' kunsillier f'kunsill lokali meta din il-persuna, għalkemm ikollha l-indirizz fuq karta' ta' l-identita fl-lokalita', fil-fatt tkumn toqogħod f'lokalita oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Skond l-Artikolu 11 ta` l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap 363) "Persuna hija kwalifikata biex tkun eletta bħala Membru tal-Kunsill tal-lokalita` tagħha jew biex tibqa` membru tiegħu jekk dik il-persuna tkun reġistrata bħala votant fir-Registru Elettorali jew fir-Reġistru Speċjali għal-lokalita` li dik il-persuna tikkontesta".
Għaldaqstant il-fattur li jiddetermina l-eliġibilita` ta` Kunsillier huwa r-Reġistru Elettorali u mhux l-indirizz jew il-karta ta` l-Identita.
Jista l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti skond l-avviż tal-Kunsilli Lokali ta' Sta. Venera fil-gazzetta tal-Gvern 25/10/01, nru 17154, għal xogħol ta' titjib ambjentali fi Triq il-Kbira, San Ġużepp. L-ewwel fażi: il-parti bejn l-Istitut Apap u Triq il-Qalb Imqaddsa? Kemm kienu l-offerti? Lil min ingħatat? Il-kuntrattur żamm mal-perjodu stipulat biex jitlesta x-xogħol fi żmien 3 xhur? Jekk le, x'hemm provdut fil-kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita' billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta jissejjħu n-nies biex jagħmluha ta' ġurati fil-Qorti Superjuri qabel ma jintgħażlu jintbagħtu fir-raba sular fejn m'hemmx biżżejjed bankijiet u siġġijiet għal dawk imsejħa? Jista' jara li jkun hemm wkoll faċilitajiet sanitarji adekwati għal dawn in-nies?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat illi r-raġuni prinċipali hi li b'dan il-mod issir is-segregazzjoni ta' ġurati potenzjali li jiżgura illi ħadd ma javviċinahom. Dwar l-użu ta' faċilitajiet sanitarji, kull ma jrid isir hu li jintalab is-servizz u l-persuna tiġi akkumpanjata.
X’kienu il-konklużjonijiet li wassal għalihom f‘ Marzu 89 il-maġistrat inkwerenti fl-inkjesta dwar is-sejbien ta’ katavru fil-Buskett, liema konkluzjonijiet intbgħatu lill-Avukat Ġenerali? Meta fl-Lulju ta’ 89 l-Avukat Ġenerali bagħat lura l-inkartament lil Dr David Scicluna, x’kienu preċiżament it-terms of reference li fuqhom kellu jaġixxi il-Maġistrat?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Fil-22 ta’ Frar 2002, f’In-Nazzjon deher hekk:
Fl-Lulju 1986, rapport ta’ pataloġista Iain Eric West , il-kap tad-dipartiment tal- mediċina forensika ta’ l-Isptar Guy, jikkonkludi li l-fdalijiet fil-bir huma ta’ Lino Cauchi.
Jista’ l-Ministru jikkonferma din l-asserzjoni. Jekk inġibdet din it-talli konklużjoni u jekk kien hemm indizju tant qawwi li kien sar delitt, x’kienet ir-raġuni uffiċjali li ebda maġistrat ma tqabbad fl-1986 biex jagħmel inkjesta fuq dan l-omiċidju? Minn kienu l-uffiċjal jew uffiċjali li naqsu li jieħdu d-deċiżjoni biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali fuq il-qtil ta’ Lino Cauchi u mhux kellhom jgħaddu tliet snin oħra qabel ma l-Maġistrat David Scicluna għalaq l-inkjesta tiegħu fuq is-sejba tal-kadavru f’bir ġol-Buskett?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
L-Avukat Ġenerali fl-24 ta’ Frar 2002 kiteb hekk fil-Malta Today:
‘
The record has been referred back by my office to the magistrate conducting the inquiry several times’
Kemm il-darba sar dan il-referral back?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 31400?
Response (GATT, AUSTIN)
B`referenza għall-interpellanza parlamentari li għamel l-Onorevoli Leo Brincat dwar il-kawza li il-Gvern għamel kontra s-sidien tal-Mare D`Oro, nixtieq ninfurmah illi minkejja id-diversi tentattivi li saru mid-dipartiment tal-Qrati Civili biex tinstab tali sentenza din irrizultat fin-negattiv. Għandu jiġi apprezzat illi biex tinstab sentenza l-Qorti titlob li jkollha waħda minn dawn it-tlett prirekwiziti cioe:
l-ismijiet ezatti tal-partijiet fil-kawza jew;
id-data tas-sentenza jew;
l-isem tal-ġudikant quddiem min tkun istemgħet.
Id-dipartiment fittex dawk il-kawżi li l-Awtorita ta` l-Ippjanar għan-nom tal-Gvern għamel kontra Mare D`Oro jew kontra dawk li apparentament huma is-sidien tal-Mare D`Oro u ma nstab xejn. Saret tfitxija ukoll għal xi kawżi li kwalunkwe entita governattiva (indikata bhala * fil-computer) kellha kontra l-istess persuni indikati aktar il-fuq u xorta ma nstab xejn. Fiċ-ċirkustanzi l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jindika ezatt xi waħda mit-tlett kriterji li għaliha saret referenza aktar il-fuq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja?
Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Sakem ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attawli tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Tezor jippubblika aktar tard fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl ta' dak li kiteb l-Avukat Toni Abela fil-kolonna tiegħu fl-Orizzjont 12.2.2002 fejn xandar ittra tal-Ministru lir-Reġistratur tal-Qorti dwar tariffi? X'se jsir dwar dawk li ħallsu bil-għoli? Se jingħataw il-flus żejda li ħallsu?
Response (GATT, AUSTIN)
Id-deċizjonijiet dwar tariffi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma, bil-liġi, kompetenza tar-Reġistratur tal-Qorti u mhux tal-Ministru. Kien għalhekk li jien ktibt l-ittra tiegħi b'mod li esprimejt parir.
Dwar ħlasijiet żejda li setgħu saru u li jiġu ppruvati li saru jrid jiddeċidi r-Reġistratur tal-Qorti.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jsir sabiex drogati Maltin li jkollhom sentenzi pendenti taħt maġistrati differenti, jinġabrulhom l-offiżi taħt maġistrat wieħed biex tingħata sentenza korrettiva aktar addatata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li tintuza prezentament mill-Qrati hi:
a) F`każi ta` droga fejn il-proċedura tkun sommarja (piena massima sa sitt xhur ħabs), il-każi
kollha jinstemgħu quddiem Maġistrat wieħed u cioe il-Maġistrat Dr Noel Cuschieri LL.D.,
Mag. Juris (EU Law);
b) F`każi ta` droga aktar serji fejn il-proċedura tkun ta` kumpilazzjoni, il-każi kollha jitqassmu
bil-polza bejn disa` Maġistrati u cioe` bejn dawk il-Maġistrati li jagħmlu l-kumpilazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'taħriġ ingħataw il-persuni li preżentament qegħdin jaħdmu fl-arkivji tal-qorti f'Malta wara li spiċċa minn hemm il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li kellu esperjenza vasta u kien jgħin lil kullħadd u li ma nagħtax il-promozzjoni tiegħu li kien ġustament jixraqlu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26255, peress li l-Ministru wieġeb li l-Ministeru tiegħu ma ħareġ l-ebda offerta għax-xogħol f'din l-area, jista' jgħid kienx il-kunsill Lokali li ħareġ l-offerta u jekk huwa l-każ, għaliex il-Kunsill Lokali ta' Santa Venera li jaqa' taħt ir-responsabilita' ta' l-Onor. Ministru għażel l-ogħla offerta?
Jekk ma kienx il-Kunsill Lokali li ħareġ l-offerta, jista' jgħid min?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom jagixxu skond il-prijoritajiet, esiżiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbilitajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jgħid x'ammont ta' xogħol kien hemm fil-Monti di Pieta bejn l-1995 u l-2001, sena b'sena?
Dan għal dak li jikkonċerna deheb li jiġi ttimbrat.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu kawżi għas-separazzjoni għal-ewwel darba matul l-2001? Jista' jgħid wkoll kemm kien hemm żwiġijiet bejn 1) maltin 2) malti u barranija 3) maltija u barrani 4) żewġ barranin?
X'inhu n-numru totali ta' separazzjoni li hemm pendenti quddiem l-Qrati? Kemm il-każ ġie deċis fl-istess sena (2001)?
Response (GATT, AUSTIN)
Jiena nfurmat illi matul is-sena 2001 ġew introdotti 108 kawżi għas-separazzjoni.
In-numru totali ta` separazzjonijiet li hemm pendenti quddiem il-Qorti huwa ta` 553, filwaqt li kien hemm 141 kawża deċiża fl-istess sena u cioe fl-2001.
Dwar il-mistoqsijiet li jirrigwardjaw żwiġijiet, nitlob l-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li jinxtegħel id-dawl li hemm fl-istazzjoni ta' B'Kara peress li ilu mitfi għal dan l-aħħar 3 ġimgħat?
Response (GATT, AUSTIN)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita'.