Legislature:
Category:
Reset
Active:

Telecommunications Link

Question

Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern biex ikollna Telecommunications Link addizjonali billi gżejjer oħrajn fil-baħar ta' madwarna kollha għandhom multiple links li tikkonnettjahom ma' l-Ewropa u l-Afrika ta' fuq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Il-Gvern jemmen li m'għandux jintervjeni f'oqsma tas-setturi tat-telekomunikazzjoni fejn ma jidhirx li hemm falliment tas-suq. Mill-bidu ta' din is-sena l-Awtorita' ta' Malta dwar il-Kommunikazzjoni awtoriżżat lil Vodafone (Malta) Ltd, Mobisle Communications Ltd, Technivest Ltd, SITA, Globe Wireless u Global Communications Ltd. biex joperaw sistemi ta' komunikazzjoni u jipprovdu servizzi ta' telekomunikazzjoni għall-pajjiżi oħra. Il-Vodafone (Malta) Ltd jippjanaw li sa nofs is-sena d-dieħla is-sistema ta' fibra ottika li se jpoġġu bejn Malta u Sqallija tkun funzjonanti. Madankollu l-Awtorita' għamlet analiżi biex tidetermina x'jista jsir min-naħa tal-Gvern f'kas li ma jkunx hemm biżżejjed kapaċita' ta' konnettivita' pprovduta mis-suq.

Wied il-Għajn — Wied iz-Ziju - Asfaltar

Question

Possibbli li d-direttorat tat-toroq jagħmel spezzjoni f'Wied iz-Ziju l/o M'Scala għaliex jien informat li t-triq inqalgħet minn kuntrattur biex jagħmel trinka għas-servizzi tal-korporazzjoni Enemalta u ma ġietx irranġata kif suppost b'detriment għal dawk li jużaw din it-triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi wara li d-Direttorat tat-Toroq indaga l-każ imqajjem mill-Onorevoli Interpellant, irriżulta li l-Kunsill Lokali daħal fi ftehim mal-Korporazzjoni Enemalta sabiex din ta' l-aħħar tgħaddi l-flus tar-reinstatement lill-Kunsill biex ikopri parti mill-ispejjeż tar-resurfacing ta' dawn it-toroq. L-Awtorita tinsab infurmata wkoll illi l-Kunsill Lokali diġa għamel arranġamenti biex isir patching temporanju mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tax-Xogħlijiet. Għal aktar informazzjoni l-Onorevoli Interpellant jista' jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernati.

MMA — Inċident ta' vapur li jtajjar bandiera Maltija

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-Awtorita' Marittima ta' Malta waslitilhiex notifikazzjoni legali mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Franza dwar l-inċident ta' vapur li jtajjar bandiera Maltija? X'kienet tgħid din in-notifikazzjoni u x'kuntatti saru ma' l-awtoritajiet Franċiżi dwar dan il-każ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Maritime Authority irċeviet notifika mingħand l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' Franza. F'dan l-istadju l-avukati tal-Malta Maritime Authority, l-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u avukati Franċiżi qed jaraw x'inhuma l-implikazzjonijiet tan-notifika msemmija.

Żejtun — Zebra Crossing

Question

Possibli ż-zebra crossing li hemm fit-Triq id-Daħla ta' San Tumas Żejtun, faċċata tad-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun tiġi miżbugħa għax ma' għadhiex tidher u sar perikoluż ħafna għall-anzjani biex jaqsmu minn fuqha? Billi din iż-zebra crossing tintuża ta' kuljum mill-anzjani ta' din id-dar possibli dan isir fl-aqsar żmien possibli qabel ikun hemm xi inċident fatali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi Triq id-Daħla ta' San Tumas hija responsabbilta tal-Kunsill Lokali għalhekk l-Awtorita` dwar it-trasport għaddiet is-suġġerimenti u l-kumment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Kunsill Lokali biex jara x'għandu jsir.

Ħ'Attard — Traffic Hump

Question

B'referenza għall-Mistoqsija parlamentari tiegħi numru 33260 li ġiet imwieġba f'seduta 733 tal-Leġislatura l-oħra possibli jittieħdu passi biex it-traffic hump imsemmija titneħħa għax jien infurmat li għalkemm id-Direttorat għall Maniġġ tat-Traffiku kien talab lil Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard biex inneħħu dan il-hump, din baqgħet hemm minkejja li għaddiet aktar minn sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta ser tieħu passi meħtieġa biex tassigura li r-road hump imsemmija mill-Onor. Interpellant titneħħa.

Mellieħa — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'talbiet pendenti għandu l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa biex isiru pelican lights u sinjali oħra ta' traffiku fil-Mellieħa? Meta se jintlaqgħu dawn it-talbiet?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Kunsill Lokali għamel talba biex jitwaħħlu tlett pelican lights fi Triq il-Kbira, Mellieħa. L-evalwazzjoni li saret tal-lokalita` uriet li lok wieħed biss għandu bżonn dawn it-Traffic Lights u żewġ lokalitajiet l-oħra ser ikunu zebra crossings.

Toroq — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi programm hemm għat-tiswija ta' toroq wara l-ħsarat li saru mill-għargħar ta' dan l-aħħar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi xogħol ta' tiswija fit-toroq wara l-ħsarat li saru dan l-aħħar għadu għaddej u fih saru xogħlijiet tat-tiswija ta' l-emerġenza bħal: Patching u tiswija tal-wiċċ tat-toroq bini ta' ħitan tat-toroq u f'widien tindif tad- debris li ġarr l-ilma tindif tal- culverts li instadd b'dan id- debris Sar ukoll xogħol ta' tiswija fuq mains tad-drenaġġ u kanen tal-provista ta' l-ilma. Peress li dan ix-xogħol ieħor għadu għaddej, informazzjoni aktar dettaljata tiġi mgħotija aktar il-quddiem.

Toroq — Twaqqigħ ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jistgħu jibdew jitnaddfu dawk it-toroq li waqa' fihom il-ġebel tal-ħitan tas-sejjieħ u qed jikkaġuna periklu, l-iżjed bil-lejl għal min jgħaddi fihom, bħat-telgħa bejn il-Mistra u Selmun?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi xogħol ta' tindif bħal dak imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed isir mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.

Toroq — Tabelli

Question

B'referenza għar-risposta ta'mistoqsija numru 1799, jista' il-Ministru jgħid kemm huma stmati li jqumu l-111 it-tabella li jridu jitwaħħlu? Jista' il-Ministru jgħid sa meta hu ppjanat li jitwaħħlu dawn it-tabelli? Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-ispiża għall-irranġar tal-37 tabella li ġarbu ħsara?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi t-tabelli li baqa x'jitwaħħlu hu stmat li ser jiswew Lm137,000. Din is-somma tinkludi l-pedamenti, strutturi, tabelli u xogħol ieħor neċessarju biex dawn jiġu mwaħħla. Fil-preżemt madwar 70 signboards waslu biex jitwaħħlu u jibqa' 41 li jkunu jistgħu jitqiegħdu wara li l-gantries tagħhom jinħadmu fi Franza. Peress li dan jimplika element ta' 'shipment' mhux possibli għalissa li tingħata d-data ta' meta dawn it-tabelli kollha jitwaħħlu. It-tibdil ta' tabelli li ġarrbu l-ħsara se jinxtraw bir-rati tal-kuntratt skond il-ftehim li kien hemm fil-kuntratt oriġinali. It-tabelli li tkissru jiswew madwar Lm12,000 biex jerġgħu jiġu ordnati.

Bormla — Triq San Gwann - tappiera

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex tappiera li kien hemm fi Triq San Gwann (quddiem nru. 135) f'Bormla tgħattiet bit-tarmak b'konsegwenza li meta jkun hemm xi sadd tad-drenaġġ ma jista' isir xejn? Jista' jara li jerġa' ikun hemm dik it-tappiera fil-post oriġinali tagħha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat tat-toroq ħa l-passi neċessarji biex din il-manhole terġa tittella' fil-post oriġinali tagħha.

Mellieħa — Managment tal-parking

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif jista' wieħed jirranġa aħjar l-managment tal-parking spaces fi Cross Street, Mellieħa?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li minn riċerka li saret fid-Direttorat għall-Maniġġ tat-Traffiku, ma nstabet l-ebda rikjesta jew proposta mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa għall-parking layout fi Cross Street, Mellieħa.

Birkirkara — Naxxar Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta jsiru t-tiswijiet neċessarji f'Naxxar road bejn l-HSBC f'Birkirkara u ċ-ċimiterju ta' Ħal Lija, jista' il-Ministru jgħid jekk flok ir-roundabout li hemm f'tarf Vjal it-Trasfigurazzjoni jiġu nstallati traffic lights kif kien ippjanat xi snin ilu u b'hekk ikun hemm ċirkolazzjoni aħjar u aktar kontrollat? Jista' jgħid ukoll jekk hux se ssir xi ħaġa biex b'xi mod jinġabar ħafna mill-ilma li jinżel f'din it-triq minn bnadi oħra biex b'hekk tittaffa il-problema ta' l-għargħar f'din it-triq kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita` dwar it-Trasport qeda kontinwament tissorvelja l-lokalitajiet bħal dik indikata mill-Onorevoli Interpellant. Biex ikun jista' jsir it-titjib meħtieġ, ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet tax-xogħol li jkunu qed jirrużultaw.

Ħal Balzan — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq li fihom se jsir: a) kisi ta' tarmak għall-ewwel darba; u b) manutenzjoni mill-gvern ċentrali f'Ħal Balzan sa l-aħħar ta' din is-sena u fis-sena finanzjarja li jmiss?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq qiegħed il-ħin kollu f'kuntatt mal-Kunsill Lokali biex jiġi mplimentat programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita' msemmija isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Ħal Lija — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f'Ħal Lija li fihom: a) se jsir kisi ta' tarmak għall-ewwel darba; u b) manutenzjoni mill-gvern ċentrali sa l-aħħar ta' din is-sena u li huwa ppjanat fis-sena finanzjarja li jmiss?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi d-Direttorat tat-Toroq qiegħed f'kuntatt mal-Kunsilli Lokali biex jiġi mplimentat programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha u x-xogħol fil-lokalita` msemmija jsir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn żmien għal żmien.

Birkirkara — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk it-toroq f'Birkirkara li sa l-aħħar ta' din is-sena u fis-sena finanzjarja li ġejja se jingħataw tarmak għall-ewwel darba u dawk li se ssir manutenzjoni tagħhom mill-gvern ċentrali?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi l-Awtorita`dwar it-Trasport għada kif ippublikati sejħiet għall-offerti għal bini u asfaltar ta' parti minn Triq Wejter, parti minn Triq G.A. Vassallo u parti minn Triq Notabile u li xogħol u li xogħol fihom hu maħsub li jitlesta din is-sena. Fir-rigward ta' xogħlijiet oħra fil-lokalita` imsemmija mill-Onorevoli Interpellant id-Direttorat qiegħed iħejji programm għall-asfaltar ta' diversi toroq madwar Malta kollha għat-2004 u x-xogħol isir skond il-prijoritajiet li jkunu qed jirriżultaw minn dan il-programm.

Siġġiewi — Triq Ramija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titwessa' Triq Ramija, fis-Siġġiewi billi jitwaqqa' post nru. 67 fl-istess triq?

Response (GALEA, ĊENSU)

Tlabt l-Awtorita' dwar it-Trasport tara x'inhu meħtieġ fit-triq imsemmija.

Tiġdid ta' liċenzji tal-vetturi — Ħlas ta' multi pendenti

Question

Billi jirriżulta li persuna tintalab sabiex tħallas il-multi pendenti meta tiġi biex iġġedded il-liċenzja ta' vettura u dan ir-rekwiżit ma jeżistix fil-każ ta' trasferiment ta' vettura, cioe' illi sid il-vettura jħallas il-multi pendenti qabel ma jittrasferixxi l-vettura, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li din l-anomalija tiġi ndirizzata u għalhekk l-istess provvedimenti jibdew japplikaw fil-każ ta' tiġdid ta' liċenzji?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond ir-regolamenti tat-Traffiku, kapitlu 65, paragrafu 56, il-liċenzja tal-vettura ma tistax tiġi mġedda jekk hemm xi multa jew ammenda li ma tjunx għadha ġiet imħallsa. Għaldaqstant , id-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet ma jġedditx il-liċenzji ta' dawk nil-vetturi li fuqhom hemm multa pendenti.

Vapuri — Reġistrazzjoni taħt il-bandiera Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, matul dawn l-aħħar tnax-il xahar: Kemm ġew ikkanċellati minn reġistrazzjoni taħt il-bandiera Maltija vapuri single bottom; u kemm ġew riġettati applikazzjonijiet biex jiġu reġistrati vapuri single bottom?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s'issa ma ġie ikkanċellat l-ebda vapur u ma ġietx rifjutata l-ebda applikazzjoni ta' reġistrazzjoni taħt il-bandiera Maltija minħabba li vapur kien single hull.

Vetturi — Tiġdid ta' liċenzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk tinżammx informazzjoni dwar kemm karozzi ma tiġġeddilhomx il-liċenzja u jekk fl-affermattiv, jista' jagħti din l-informazzjoni għall-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 4723 vetturi li l-liċenzja tagħhom skadiet f'dan il-perjodu u ma ġietx imġedda mis-sid tal-vettura.

Sidien tal-mini buses — Karti tal-VRT

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1665, jista' il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-Awtorita' dwar it-Trasport biex jiġi eliminat l-inkonvenjent għas-sidien tal-mini buses Għawdxin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita` dwar it-Trasport ta' Malta qed tagħmel arranġamenti biex b'effett mit-3 ta' Novembru, 2003, il-karti tal-VRT li għandhom x'jaqsmu mal-vetturi tat-trasport pubbliku jiġu proċessati mill-uffiċċju tad-Direttorat tat-Trasoport Pubbliku li hemm f'Main Gate Street, Rabat, Għawdex.