Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ilma tat-Tisqija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34706, jista' jgħid x'inhija r-raġuni li l-ilma għat-tisqija mill-impjant ta' Sant' Antnin qed jintrema minħabba li jkollu livell għoli ta' salinita'? X'jikkawża dan il-livell għoli ta' salinita' u kemm intrema volum ta' ilma u fejn intrema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li rigward is-salinita' ta' l-ilma prodott minn Sant'Antnin, dan ġej mill-fatt li d-drenaġġ li jasal Sant'Antnin ikollu livell għoli ta' salinita' minħabba infiltrazzjoni ta' ilma baħar fil-Pumping Stations u mains li hemm madwar il-kosta, u minn sorsi oħra. Għalkemm id-drenaġġ li jasal il-Marsa Pumping Station (minn fejn imbagħad jiġi ppumpjat Sant'Antnin) jinqasam f'żewġ sentini, waħda għad-drenaġġ b'salinita' baxxa (li jinġabar min-nofs ta' Malta) u l-oħra għal dak b'salinita' għolja (li jinġabar min-naħiet tal-kosta), dak ta' l-ewwel mhux biżżejjed biex jaqdi l-ħtiġijiet ta' l-impjant. Għaldaqstant dan ikollu jiġi miżjud bid-drenaġġ mis-sentina ta' l-aħħar u li jgħolli l-livell ta' salinita' fid-drenaġġ li jmur Sant'Antnin. Huwa mportanti li wieħed jifhem l-ammont ta' drenaġġ li jidħol fl-impjant ikun dejjem kostanti għax varjazzjoni fil-kwalita' tikkawża problemi kbar fil-proċessi ta' l-impjant. Għaldaqstant mhux possibli jittieħed drenaġġ minn sentina waħda biss fil-Marsa, speċjalment bil-lejl meta l-volum ta' drenaġġ dieħel fil-Marsa Pumping Station jonqos drastikament, iktar u iktar fis-sentina li tiġbor drenaġġ min-nofs ta' Malta. Rigward il-fatt li jintrema l-ilma, dan isir biss meta d-domanda fil-ġibjuni tonqos jew il-ġibjuni kollha jkunu mimlija u l-ilma ma jintremiex minħabba s-salinita' għolja. Għar-raġuni msemmija hawn fuq, jiġifieri li l-volum dieħel fl-impjant irid ikun kostanti, l-ilma żejjed, meta l-ġibjuni jkunu mimlija, jkollu jintrema. Każi oħra rari meta l-ilma jintrema, huma meta jkun hemm xi problema fl-impjant, ġeneralment kawżati minn varjazzjoni fil-volum fid-dħul meta l-Pumping Station tal-Marsa ma taħdimx sew jew problemi oħra li jistgħu jinqalgħu minħabba xi sustanzi li jintefgħu fid-drenaġġ illegalment (eż. ħmieġ konċentrat ta' l-annimali minn irziezet, eċċ) u allura l-ilma ma jkunx ta' kwalita' tajba għat-tisqija. Dawn iżda huma każi rari. Rigward il-problemi tas-salinita', dawn ma jistgħux jiġu riżolti ġewwa l-impjant u sa fejn hu magħruf ma jeżistu l-ebda metodi ta' trattament biex nirriżolvu din il-problema, ħlief Reserve Osmosis li iżda tfisser li l-ilma jiġi jiswa ħafna flus biex ikun trattat u ma jkunx vijabbli għall-bejgħ b'rati aċċettabbli. Il-problema fl-Impjant ta' Sant'Antnin ġiet aċċentweta bit-tkabbir ta' l-impjant fl-1996/97.

Floriana — Restawr

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu maħsub li jiswew il-proġetti tar-restawr : i) tal-Bombi fil-Furjana ii) tal-Barrakka t'Isfel fil-Belt iii) tal-ġonna ta' Hastings fil-Belt? Meta huma maħsuba li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-proġett ta' restawr tal-Bombi fil-Furjana huwa maħsub li jiswa madwar Lm40,000 u mistenni jitlesta sa Marzu 2003. Il-Ġnien tal-Barrakka t'Isfel huwa stmat li jiswa Lm90,000 u x-xogħol huwa maħsub li jitlesta sa Marzu 2003. Rigward il-ġnien ta' Hastings, ix-xogħol mistenni jitlesta sa Diċembru 2002 u huwa stmat li jiswa madwar Lm25,000.

Drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 295 imwieġba fis-seduta 596 fis-17 ta' Settembru 2001, jista' il-Ministru jgħid meta se ssir din l-estensjoni tad-drenaġġ? Xi progress sar minn mindu kont għamilt il-mistoqsija parlamentari sena ilu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-estensjoni msemmija kellha bżonn ta' 'easements' minn ġo għelieqi u qed isiru l-proċeduri meħtieġa f'dan is-sens. It-tender tad-Dipartiment biex isir dan ix-xogħol tad-drenaġġ fi Triq Anton Buttigieg, Żejtun hija maħsuba li tiġi ppubblikata dalwaqt.

Rijabilitazzjoni tal-Kottonera — Nefqa

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-budget tal-kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Kottonera matul din is-sena u fuq liema proġetti intefqu? Jista' jgħid ukoll jekk sarx xi virement ta' flus minn dan il-budget? Jekk fl-affermattiv, għal liema proġett ittieħdu dawn il-flus?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-budget 2002 tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Kottonera kien ta' Lm175,000, li minn dawn trid tnaqqas madwar Lm25,000 li jintużaw għall-amministrazzjoni, overtime u spejjeż ta' l-uffiċju. Mill-kumplament s'issa ntefqu Lm44,390 u sa l-aħħar tas-sena huwa stmat li jintefqu Lm109,775. Id-differenza żgħira intużat mill-proġetti l-oħra ta' riabilitazzjoni. L-infieq bejn dak li diġa' tħallas u dak li għad irid jitħallas huwa kif ġej: TĦALLSU SER JITĦALLSU Lm Lm Railing Couvre Porte 1,500 St Paul Church, Bormla, facade 2,727 Paving Couvre Porte 25,000 Rapport re: Foss Birgu 400 Notre Dame Gate, restawr 10,131 5,693 Upgrading St Michael Str., Isla 2,060 10,583 Design Misraħ ir-Rebħa, Birgu 400 New public toilets Bormla 3,000 Paving St Michael Str., Bormla 10,000 Bieb Sant'Anna, Isla, restawr 25,000 Scaffolding Knisja Salvatur, Kalkara 1,920 Monument Vitorja, Birgu 2,000 Ħadid għal lampezuri, Birgu 2,325 Scaffolding Monument Vitorja, Birgu 1,000 Design dawl Forti Sant'Anġlu 2,000 Photocopier tal-kulur 6,000 Overtime 1,402 6,172 Ħadid Bajja Rinella, Kalkara 2,451 Materjal għal diversi proġetti 2,486 214 Kiri ta' makkinarju 920 143 Servizzi diversi 1,050 459 Għotja Kunsill Lokali Bormla 4,922 Għotja Kunsill Lokali Birgu 2,105 2,894 Għotja Kunsill Lokali Isla 3,828 1,171 Għotja Kunsill Lokali Kalkara 5,000 Lampi Kalkara front 1,000 Spejjeż oħrajn 3,833 1,070

Dokument ta' Konsultazzjoni

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument ta' konsultazzjoni dwar pjan ta' azzjoni fil-qasam ta' l-ilma li ġie ppreparat mill-awtorita' Maltija għar-riżorsi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument imsemmi.

Drenaġġ

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il kuntratt hemm ta' tindif ta' fossa tad-drenaġġ? Kif inhuma imqassma l-lokalitajiet li jkopru dawn il-kuntratti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kuntratt li joħroġ id-Dipartiment tad-Drenaġġ mhux biex jinaddfu l-fosos iżda biex jibattlu. Dawn il-fosos ikunu fil-lokalitajiet fejn m'hemmx is-servizz tad-drenaġġ għaddej. id-Dipartiment tad-Drenaġġ joħroġ żewġ kuntratti, waħda għal farms (lista A) u oħra għal postijiet residenzjali (lista B). Din ta' l-aħħar qed tiġi emendata biex il-fossa tal-Baħrija tkun kuntratt separat mill-bqija peress illi hija fossa komuni li tieħu għadd ta' djar fiha. Wieħed għandu jkun jaf illi l-Baħrija hija kollha bil-fosos peress li mhix imqabbda mas-sistema tad-drenaġġ, għalhekk trid attenzjoni speċjali u titbattal kuljum. LISTA 'A' Buskett Qormi Siġġiewi Żebbuġ Żurrieq Żejtun Iklin Rabat LISTA 'B' NORTH SOUTH Armier Attard Baħar iċ-Ċagħaq B'Buġia Baħrija B'Kara Baħrija (Main cesspit) Bidnija (Main cesspit) Burmarrad Bir id-Deheb Għajn Rihana Buskett Għajn Tuffieħa Dingli Magħtab Għargħur Manikata Għaxaq Marfa Girgenti Mellieħa Żurrieq Mġarr Gudja Miżieb Kalkara Mtarfa Luqa Pwales Marsascala Qawra Marsaxlokk Salina Madliena St Paul's Bay Mosta Wardija Mqabba Xemxija Mrieħel Żebbiegħ Naxxar Pieta' Qormi Rabat San Ġwann Senglea Siġġiewi St Andrews Swieqi Victoria Gardens Vittoriosa Żabbar Żebbuġ Żejtun

Kanali ta' l-Ilma

Question

Jista’ il-Ministru jgħid min hu responsabbli li jara li jitnaddfu l-kanali ta’ l-ilma mill-ħmieġ u terrapien li jinġabar matul iż-żmien biex ikunu ħielsa ħalli jgħaddi l-ilma tax-xita mingħajr xkiel? Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħek jaraw li dan ix-xogħol isir? Għandu dettalji ta’ kemm sar minn dan ix-xogħol minn Mejju sal-lum?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Mellieħa — Triq l-Isbark

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta sejjer isir ix-xogħol meħtieġ fi Triq l-Isbark tal-Franċiżi, Mellieħa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika dwar liema xogħol qed jirreferi.

Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'benefiċċji, kumpens finanzjarju, kundizzjonijiet, mobile phones, karozzi eċċ għandhom il-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni mitluba hija kif tidher hawn taħt: BORD KUMPENS/BENEFIĊJI Bord tal-Bennejja Chairperson Lm8 kull seduta Membri Lm6 kull seduta (mhux impjegati tal-Gvern) Lm4.50 kull seduta (impjegati tal-Gvern) Segretarju Lm4.50 kull seduta Bord ta' l-Inġinerija Chairperson Lm11 kull seduta Membri Lm 8 kull seduta Segretarju Lm 6 kull seduta (waqt il-ħin tax-xogħol) Lm 8 kull seduta (wara l-ħin tax-xogħol) Bord tal-Warrant tal-Periti Chairperson Lm11 kull seduta Membri Lm 8 kull seduta Segretarju Lm 6 kull seduta (waqt il-ħin tax-xogħol) Lm 8 kull seduta (wara l-ħin tax-xogħol) Bord ta' l-Awtorita' Maltija għar-Riżorsi Chairperson Onorarja ta' Lm7000 fis-sena, karozza, xufier u faċilitajiet telefoniċi Membri Onorarja ta' Lm1500 fis-sena Segretarju Onorarja ta' Lm1500 fis-sena B.I.C.C. Chairperson Lm9621 għas-sena 2002, karozza u faċilitajiet telefoniċi Membri Xejn Segretarju Xejn It-tliet Kumitati għar-Riabilitazzjoni (Valletta/Floriana, Mdina u Kottonera) huma volontarji u l-membri ma jgawdu l-ebda benefiċji. Iċ-Chairperson jingħata kumpens ta' Lm1,000 fis-sena għax-xogħol li jagħmel.

Tax-Xlejli

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-ilma tax-xita ma jibqax jinħela u jsir xi ġibjun fejn ikun jista' jinqabad l-ilma ta' l-area tax-Xlejli?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi għandha l-ħsieb li tikkunsidra l-possibilita' ta' l-użu ta' l-ilma tax-xita bħala riżors fuq skala ġenerali u nazzjonali. Dan naturalment jagħti każ ta' kif għandu jiġi żviluppat il-ġbir ta' dan l-ilma u t-trattament tiegħu skond l-użu finali li għalih huwa ntenzjonat. Se ninvestiga l-każ partikulari li hu msemmi fid-domanda biex nara x'jista' jsir.

Victoria Lines

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi spejjeż u liema tip ta' xogħol sar sabiex jkun hemm restawr aħjar tal-Victoria Lines?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr li sar fuq il-Victoria Lines kien jikkonsisti fir-riabilitazzjoni ta' partijiet mill-ħitan difensivi li hemm fiz-zona magħrufa bħala Bingemma Gap. Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu fir-rikostruzzjoni ta' parti mill-'musketry gallery' li wkoll tagħmel parti mid-Dwejra Lines, ir-restawr ta' l-'Stop Wall (Bridge)' li jaqsam il-wied ta' Bingemma u r-restawr ta' medda ta' madwar 250 metru ta' ħitan imġarrfin. Dawn ix-xogħlijiet s'issa swew Lm19,000.

San Gwann — Drenaġġ

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34313 ta' 20.06.2002 fejn kont ġejt mgħarraf li kellhom jittieħdu passi biex jiġi istallat is-servizz tad-drenaġġ għall-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, billi is-sitwazzjoni baqgħet l-istess minn dak iż-żmien 'il hawn, jista' il-Ministru jgħid tistgħax tingħata priorita' lil din it-talba ġusta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-'easement' għal dan ix-xogħol qiegħed fi stat avvanzat għaliex bħala Dipartiment, diġa' tħallsu l-'professional fees' lil-Land Department. Għaldaqstant għandha tiġi ppubblikata dalwaqt. It-tender ġiet ippreparata u tkun ippubblikata wara li jkun hemm il-permessi msemmija sabiex id-Dipartiment ikun jista' jidħol fi propjeta privata.

Pembroke — Tal-Batterija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flus intefqu u xogħol sar fir-restawr tal-Batterijia ta' Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' restawr tal-Batterija ta' Pembroke kien jikkonsisti fir-riabilitazzjoni tal-batterija fejn il-partijiet oriġinali tagħha ġew restawrati filwaqt li tista' tintuża wkoll bħala post ta' rikreazzjoni u playing field żgħira għat-tfal. Il-kmamar ta' taħt l-art li jiffurmaw parti minn l-istess batterija ser jintużaw mill-Kunsill ta' Pembroke bħala Ċentru ta' Informazzjoni dwar Pembroke. Ix-xogħol inbeda fl-1998 u ntemm fil-bidu ta' 2002 filwaqt li l-ammont ta' flus fuq il-proġett huwa ta' madwar Lm23,000.00.

Pembroke — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol ta' tindif sar u kemm dan ġie jiswa ġewwa r-raħal ta' Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Pembroke — Afforestazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx xi tisbiħ u afforestazzjoni ta' partijiet minn Pembroke u jekk iva jistax jiġi indikat x'tipi ta' siġar ġew imħawla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li qed isir xogħol ta' afforestazzjoni ġewwa Pembroke fil-lokalita bejn Triq in-Normandija, Triq Cassino, Triq Mandalay, Triq Medjez u Triq Tunis. Sa issa tħawlu madwar 1200 pjanta fosthom Quercus ilex, Cercis siliquastrum, Olea europaea, Prunus sp. Pistacia lentiscus, Arbutus unedo, Hypericum aegypticum, Rosmarinus officinalis, Hipparenia, Hedera helix, Senns corymbosa u Santolina. Mis-siġar kollha li tħawlu waħda biss mhix indiġina.

Pembroke — Knisja Parrokkjali

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'ħidma saret sabiex ikun hemm it-tisbiħ tal-parti li hemm madwar iċ-ċentru u l-knisja parrokkjali ġewwa Pembroke?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar min-naħa tad-Distretti madwar il-Knisja parrokkjali ġewwa Pembroke, kien jikkonsisti mill-bankini u l-pavimentar tagħhom.

Swieqi — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar, kemm dam isir u x'intefaq sabiex tinstab soluzzjoni tal-problema tal-għargħar fis-Swieqi u preċiżament minn Triq il-Qasam għall-Triq is-Sidra u Triq Swieqi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol konnessjoni mal-problema ta' l-għargħar fi Triq il-Qasam, Swieqi, beda fi Frar 2002 u spiċċa f'April 2002. L-ispiża ta' dan ix-xogħol kienet ta' Lm23,587.

Madliena — Ħitan tas-Sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu flus fit-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ ġewwa l-Madliena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-Madliena saru 222 metru kubu ta' ħitan tas-sejjieħ u x-xogħol sar direttament mill-ħaddiema tal-Gvern.

Floriana — Pjazza Sant'Anna - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol ta' restawr fuq il-funtana ta' l-iljun f'pjazza Sant'Anna Floriana? Kemm ilu ma jsir xogħol simili? X'xogħlijiet huma maħsuba li jsiru? Min se jagħmilhom? Kemm hu stmat li jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta ser jirrestawra żewġ funtani, dik ta' l-Ajkla fil-Mall u wara dik ta' l-Iljun fi Pjazza Sant'Anna. Ix-xogħol fuq il-funtana ta' l-Ajkla ser jibda f'dawn il-ġranet u se jsir bil-kollaborazzjoni taċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Din il-funtana tinstab fi stat ħażin ħafna u hija biċċa xogħol iebsa ħafna. Ix-xogħol fuq il-funtana ta' l-Iljun għandu jibda wara li jitlesta dik fuq il-funtana ta' l-Ajkla. Bħalissa għadhom qed isiru l-preparamenti u testijiet meħtieġa.

Chalet — Sliema

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi rigward il-mistoqsija 34902 - jista' jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-bini magħruf 'Chalet' f'tas-Sliema jiġi magħluq għall-aċċess pubbliku peress li minkejja li huwa ddikjarat perikoluż u kkundanat, qiegħed issir użu tiegħu min-nies b'periklu għal saħħithom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat illi madwar sena ilu kienu diġa' ttieħdu miżuri sabiex ix-Chalet ma jkunx aċċessibbli għall-pubbliku. Fil-fatt kien ittella' "fence" u saru wkoll tabelli b'sinjali li juru li hemm periklu fis-sit. Għaldaqstant, fuq rapporti li dehru dan l-aħħar fuq il-media, fejn intqal li kien għad hemm xi forma ta' abbuż minkejja li kienu ttieħdu l-miżuri neċessarji, f'nofs Awissu li għadda parti mill-"mesh wire fencing" li kien hemm eżistenti ġie mibdul u ġie estiż matul il-parti li setgħet tiġi aċċessibbli minn fuq il-blat.