Legislature:
Category:
Reset
Active:

MMA — Records department

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-records department fl-MMA jieħu nies minn fejn irid mingħajr call for application?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x'qed ifisser meta qed jgħid li "ir-records department fl-MMA jieħu nies minn fejn irid mingħajr call for application?"

Servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħidli x'passi ttieħdu s'issa mill-gvern dwar l-opinjoni motivata li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet lil Malta għal nuqqas ta' osservanza tar-regoli dwar il-kabotaġġ marittimu fis-servizz tat-trasport bejn Malta u Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Gvern mhux ta’ l-opinjoni li Malta b'xi mod naqset milli tosserva ir-regoli dwar il-kabotaġġ marittimu fis-settur tat-trasport bejn Malta u Għawdex. L-għoti ta’ Public Service Obligation Contract fir-rigward tat-trasport bejn il-gżejjer kien ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni meta ngħalaq il-Kapitlu dwar it-Trasport. F'dan ir-rigward il-Gvern, qed jipprepara t-tweġiba lill-Kummissjoni.

Port il-Kbir

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi tixtieq li jittieħdu l-VISET dwar il-port il-kbir tagħna għax il-faċilitajiet tiegħu qed isiru żgħar wisq għall-vapuri tal-passiġġieri li qed jiġu mibnija akbar u mhux se jkunu nistgħu nilqgħuhom fil-port tagħna u jibqgħu sejrin f'portijiet rivali? X'passi se jieħu l-gvern?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Port il-Kbir jista’ jilqa’ l-akbar bastimenti tal-passiġġieri. S'issa qatt ma kien il-każ li ġiet rifjutata talba sabiex jiġu akkomodati bastimenti kbar. Il-gvern huwa konxju mid-domanda li dejjem qed tikber u mill-ħtiega li jiżdied in-numru ta' irmiġġi fil-port sabiex mhux biss nibqgħu nilqgħu żieda ta' bastimenti kbar iżda wkoll sabiex in-numru ta' bastimenti tal-passiġġieri jiżdied.

MMA — Chairman

Question

Jisat' l-Ministru jgħid għaliex ġie ordnat sufan u mejda għaċ-chairman tal-MMA meta dan diġa' kellu? Kemm ġew jiswew?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-board room table kif ukoll coffee table fl-uffiċċju taċ-Chairman ġew jiswew Lm480 bil-VAT inkluża. Il-mejda li oriġinarjament kienet fl-uffiċċju taċ-Chairman issa tinsab f'uffiċċju ieħor. Inxtraw ukoll żewġ single seaters (microfibre) li ġew jiswew Lm292 bil-VAT inkluża. Ma kien hemm ebda sufan jew armchairs fl-uffiċċju li kellu c-Chairman fl-ufficcini li l-Awtorita' kellha ġewwa x-Xatt ta’ Pinto.

MMA — Użu ta' petrol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jintuża petrol minn kull manager kull xahar fl-MMA? Kemm jieħu petrol kull xahar is-segretarju tal-bord?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qiegħed jirreferi.

MMA — Spiża tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tax-xorb tal-MMA matul l-2006 u matul din is-sena?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-ispiża tax-xorb matul is-sena 2006 (Ottubru 2005 sa’ Settembru 2006) ta’ l-Awtorita’ Marittima kienet ta’ Lm758. Minn Ottubru 2006 sal-lum din kienet ta’ Lm167.

MMA — Senior Manager

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex senior manager mal-MMA li ismu qed jintbagħat separatament, għad għandu kollox ġol-kaxxi? Kif qed jaħdem?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-oġġetti li hemm fil-kamra msemmija mhumiex meħtieġa għall-użu ta' kuljum ta' l-uffiċċju.

MMA — Party għall-managers

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fl-MMA sarx party għall-managers biss tal-corporate office u l-managers u l-ħaddiema li jinsabu fl-istess bini ma ġewx mistiedna?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li fi żmien il-Milied saret laqgħa fl-uffiċju ta’ CEO għall-Corporate Office Managers li fiha irringrazzjahom għall-ħidma tagħhom matul is-sena u elenka l-isfidi li sejra tiffaċja l-Awtorita' fis-sena l-ġdida. Waqt il-laqgħa ġew ipprovduti xi refreshments u snacks.

Kontijiet tat-telephone

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 23257, jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'kontijiet tat-telephone ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi matul l-2005 u l-2006?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-nefqa f'kontijiet tat-telefon ta' residenzi ta' uffiċjali governattivi kienet Lm6,348 fit-2005 u Lm6,283 fit-2006.

Riforma tal-portijiet

Question

Fhiex waslet ir-riforma tal-portijiet? Xi progress sar s'issa? X'ostakli fadal? B'kemm hu stmat li se jraħħas l-ispejjeż għal min juża s-servizzi tal-port? Meta huwa mistenni li tintemm ir-riforma?

Response (GALEA, ĊENSU)

Id-diskussjonijiet dwar ir-riforma fil-portijiet għadhom għaddejjin u nkun nista nagħti t-tagħrif mitlub wara li d-diskussjonijiet jiġu konklużi.

Cruise liners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu cruise liners f'Malta fis-sena 2006 u kemm minnhom ankraw barra Għawdex biex il-passiġġieri setgħu jżuru Għawdex?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-numru ta’ cruise liners li żaru l-gżejjer Maltin matul is-sena 2006 kien ta’ 359. Minnhom, 7 cruise liners ankraw barra Għawdex.

Fondi mill-Unjoni Ewropea — Negozji u intrapriżi

Question

Jista' l-Ministru jelenka dawk in-negozji u intrapriżi individwalment li bbenefikaw mill-Euro 10 miljun fondi mill-EU li rrefera għalihom l-Onor. Edwin Vassallo fl-artiklu tiegħu ta' The Times of Malta ta' nhar id-9 ta' Frar, 2007? Fuq liema regoli tqassmu u abbażi ta' xiex ġew approprjati?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta mogħtija f'mistoqsija parlamentari nru. 22263.

Supermarket

Question

X'inhi r-raġuni li filwaqt li fl-irħula ta' Għarb u San Lawrenz f'Għawdex hemm ħafna barranin joqogħdu hemm u għalkemm ukoll il-Crafts Village hija tourist area, il-ħwienet li hemm qrib il-Crafts Village speċjalment supermarket li hemm, huwa prekluż li jiftaħ il-Ħadd peress li huwa konsidrat li m'huwiex f'tourist area? Ma jaħsibx l-Ministru li dan jistultifika l-kummerċ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Avviż Legali 1/2006, skeda III sezzjoni 10 tar-Regolamenti tal-Kummerċ jistipula li ta' Ta' Dbiegi, il-Villaġġ tas-Snajja fil-Lokalita ta' l-Għarb huwa meqjus bħala żona turistika u għalhekk il-ħwienet li jbiegħu dawn l-oġġetti msemmija aktar l-isfel jistgħu jiftħu f'kull ġurnata tal-ġimgħa nkluż il-Ħadd u fil-btajjel pubbliċi oħra bejn is-6.00a.m. u l-11.00p.m. ta' l-istess ġurnata. Xarbiet, ħelu u prodotti tat-tabakk; jew Ħut, krostaċej u molluski; jew Arloġġi ta' l-idejn, arloġġi tal-mejda u ġojjellerija; jew Souvenirs , oġġetti tax-xogħol tas-snajja; jew Kotba, gazzetti, kartolerija u oġġetti ta' l-uffiċju; jew Oġġetti tal-fwieħa; jew Tagħmir għall-għawm u għadis; jew Oġġetti ta' preċiżjoni fotografiċi, ottiċi u dawk relatati.

Taxxi/Tariffi/Miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-sena 2006? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li twaqqfu fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma l-membri ta' kull bord? Meta twaqqfu u kemm iltaqgħu? X'inhi l-onorarja ta' kull wieħed?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Safar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23182, jista' l-Ministru jwieġeb fil-każ tal-ministeru, dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħtu?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bejn is-sena 2005 u 2006 in-nefqa fuq is-safar fil-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni, dipartimenti u l-enti li jaqgħu taħtu żdiedet b'Lm43,420. Ir-raġuni għal din in-nefqa hija dovuta għal żiedafin-numru ta' commitments ta' safar li kellhom l-uffiċjali ta' dan il-Ministeru, inklużi dawk l-uffiċjali tal-tlett awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu. Is-safar ta' matul l-2006 għal dak li jirrigwarda l-Ministeru, id-Dipartimenti u d-Diviżjonijiet li jaqgħu taħtu kien approvat mis-Segretarju Permanenti, filwaqt li s-safar l-ieħor kollu li jirrigwara l-awtoritajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru kien approvat miċ-Chairpmen rispettivi tagħhom.

Xogħol ta' spray

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-garaxx li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, x'xogħol kummerċjali hu ntitolat li jagħmel?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-post inkwestjoni huwa liċenzjat li jiġġestixxi attivita' kummerċjali taħt kodiċi 50.2 li huwa manteniment u tiswija ta' vetturi bil-mutur.

Kompetittivita' u Komunikazzjoni — Servizzi tat-telephones

Question

Matul is-sena 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u tad-dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li n-nefqa għall-użu tas-servizzi tat-telephones fil-Ministeru għall-Kompetittivita' u Kommunikazzjoni u dipartimenti, dekasteri li jaqgħu taħtu huwa kif ġej: Incurred by Amount (LM) Ministry 28,583 DCS 3,694 Revenue Unit 4,676 Consumer & Competition 17,591 Commerce Division 18,951 Civil Aviation Department 8,209 Malta Maritime Authority 56,979 Malta Communications Authority 6,845 Malta Standards Authority 5,193 Total 150,721