Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żjarat mal-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament akkumpanjahx fi żjarat oħra barra minn Malta u f’kull każ, x’kienet ir-raġuni?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna msemmija marret biss il-Qatar.

Due diligence fuq individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx talab li jsir due diligence fuq l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jekk iva, meta sar u min għamlu? Jekk le, għaliex qatt ma sar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta parlamentari numru 4934.

Individwu li huwa blacklisted mill-World Bank

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta waslet l-aħbar l-ewwel darba għandu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwa blacklisted mill-World Bank?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 4934.

Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi lill-kumpanija li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament, mill-1998 sa Marzu 2013, mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ u għal liema raġuni ngħata x-xogħol?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-Enemalta tat xoghol lil BCGL Advocates u ħallset is-somma ta' €28,396.03 - tmienja u ghoxrin elf, tlett mija sitta u disgħin ewro u tlett centezmi. Dan ix-xoghol ingħata b'direct order. Kopja tal-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — ingaġġ ta’ konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti ingaġġati fil-Ministeru u kemm tħallsu f’konsulenzi s’issa mid-9 ta’ Marzu 2013 ’l hawn?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma għandu ngaġġati tliet konsulenti u s'issa tħallas l-ammont ta' €39,373 (disgħa u tletin elf, tliet mija u tlieta u sebgħin Ewro).

Main tad-dawl – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li qed tistenna li jinqaleb il-main tad-dawl?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 3998.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — konferenzi u laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-konferenzi u laqgħat li attenda barra minn Malta f’dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Konferenzi u Laqgħat li attendejt f'dawn l-aħħar sitt xhur huma: Informal Meeting of Energy Ministers EU - Dublin Energy Council of the EU - Luxembourg Informal Energy Council Meeting - Lithuania

Żjara fil-Qatar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hu li talab lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jakkumpanjah fiż-żjara fil-Qatar inkella kienx l-istess individwu li offra li jingħaqad miegħu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kienet il-Malta Enterprise li għamlet il-kuntatt.

Laqgħat mal-Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta, bħala Ministru, ltaqa' l-ewwel darba mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala Ministru u kemm-il darba ltaqa' miegħu sal-lum?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ltqajt mal-persuna msemmija fl-laqgħa preparatorja għall-Qatar.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġu kkuntattjati l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament peress li għandhom problema mal-ARMS Ltd dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara diversi tentattivi l-konsumatur ġie ikkuntatjat fid-9 t'Ottubru, 2013

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — riklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqu flus f'kampanji ta' riklamar u sponsorships fuq stazzjonijiet televiżivi u tar-radju, kif ukoll mezzi stampati lokali, l-uffiċċju tiegħu, tas-segretarjat parlamentari u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, f'dawn l-aħħar sitt xhur, maqsuma skont l-istazzjon jew mezz stampat, kemm tal-istat u kif ukoll privati/politiċi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ippreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid b’mod separat kemm kienet in-nefqa sħiħa għal kull safra (inkluż flights, subsistence allowance u accommodation) li fiha kien involut il-Ministru ta’ qablu u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari fl-2012? Jista’ jgħid min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh, fejn kienet id-destinazzjoni u x’kienet ir-raġuni ta’ kull safra? Jista’ jgħid jekk għal kull safra l-biljetti inxtrawx mingħand l-Air Malta jew jekk hux mingħand il-privat? F’każ li nxtraw mill-privat jista’ jgħid minn fejn inxtraw u jagħti r-raġuni għaliex?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali ghas-safar fis-sena 2012 kienet ta' €47,455.67 (sebgha u erbghin elf, erba' mija hamsa u hamsin ewro, u sebgha u sittin centezmu) u d-dettall mitlub qed jigi pprezentat fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kont tad-dawl u l-ilma każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ARMS ghamlet kuntatt mal-klijent u nhareg kont attwali fit-13 t'Awwissu 2013.

Sistema tad-drenaġġ – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li hemm drenaġġ ħiereġ minn quddiem ir-residenza tagħha?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn investigazzjoni li saret fuq il-post irrizulta li kien hemm blockage fis-sistema tad-drenagg. Dan gie miftuh u l-pipe imnaddaf. Irrizulta ukoll illi l-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma ma kellhiex rapporti minn konsumaturi fuq dan il-blockage.

Każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nhar it-Tlieta 17 ta' Settembru 2013, l-ARMS għamlet kuntatt mal-konsumatur li kien infurmat li l-każ tiegħu se jiġi riferut lill-Advisory Board. Hu dan il-bord li jikkunsidra l-possibilta' ta' reviżjoni fuq l-ammont dovut tal-ilma.

Servizz tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema minħabba l-main tad-dawl u tal-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tgħin il-persuna ssolvi l-problema ta' leak tal-ilma, filwaqt li l-persuna ġiet mitluba tissottometti applikazzjoni u l-pagament dovut biex l-Enemalta tkun tista' tieħu l-passi meħtieġa.

Uffiċċju — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament qatt kellu uffiċċju temporanju f'xi bini pubbliku? Jekk iva, jista’ jispjega fejn? Meta beda l-kuntatt? Jikkonferma jekk kienx qabel jew wara l-Elezzjoni Ġenerali tat-8 ta' Marzu 2013?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma – kiri ta’ vetturi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 382, jista’ l-Ministru jgħid b’liema rata u mingħand min qed jinkrew dawn il-vetturi?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żewġ vetturi qed jinkrew għall-ammonti ta' €20.72 (għoxrin ewro, tnejn u sebgħin ċenteżmu) u €50 (ħamsin ewro) rispettivament. L-aħħar vettura msemmija ħa tinbidel u l-ispiża tagħha se tinżel għal €25.42 (ħamsa u għoxrin ewro, tnejn u erbgħin ċenteżmu). Il-karozzi ezistenti qed jinkrew mingħand Merlin International Ltd u Meli Car Rentals.

Reinstatement ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qed jagħmel ir-reinstatement ta' wiċċ it-triq meta jsiru l-house services? Hemm xi perijodu stipulat kemm irid idum biex jiġi reinstated wiċċ it-triq min meta jsir ix-xogħol ta' tħaffir tal-house service?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tassigura li l-wiċċ tat-triq imħaffer waqt tiswija ta' water service connection, jiġi reinstated mill-ewwel mill-istess tim ta' ħaddiema li jkunu qed jagħmlu t-tiswija. Huwa biss f'eċċezzjonijiet rari li dan ir-reinstatement ma jsirx mill-ewwel minħabba li l-art tkun imxarrba wisq. F'dawn l-okkażjonijiet rari, ir-reinstatement isir malli l-art tkun nixfet.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament huwiex konsulent tal-Ministeru tiegħu jew tal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk iva meta beda bħala konsulent; kemm hu l-ħlas għas-servizzi tiegħu u kemm irċieva ħlas sal-lum? Jista’ l-Ministru jpoġġi wkoll kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-individwu li qed jagħmel referenza għalih, m'huwiex konsulent tal-Korporazzjoni Enemalta.