Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-preżent hemmx jew kienx hemm calls/vakanzi fi ħdan il-Malta Libraries, u jekk iva x’inhuma dawn il-calls/vakanzi, u jekk l-ewwel ħarġux internament għall-ħaddiema tal-Malta Libraries? X'esperjenza u kwalifiki kienu jirrikjedu dawn il-calls?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fil-preżent għaddej il-proċess marbut ma’ tliet calls u fit-tliet każijiet ġie applikat mill-ewwel il-proċess estern permezz ta’ JobsPlus. It-tliet calls huma relatati ma’ dawn il-pożizzjonijiet: Manager Projects, Library Assistant u Library Attendant.
L-esperjenza u l-kwalifiċi mitluba huma kif se nsemmi:
Manager Projects : Kwalifika ta’ first degree jew iktar u tliet snin esperjenza
Library Assistant : Kwalifiċi f’ħames suġġetti SEC jew iktar u esperjenza relatata ma’ tali xogħol
Library Attendant: Ħiliet bażiċi fil-kitba, qari, matematika u kompjuter
Ħ’Attard – Kulleġġ San Nikola – assenza tal-għalliema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux infurmat bl-assenza tal-għalliema fi klassi Year 2.2 fl-Iskola Primarja ta' Ħ'Attard fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola? Jekk iva, kemm kienu dawn l-assenzi minn Novembru 2016 sa Jannar 2017, u fuq liema bażi qed jiġu ġġustifikati dawn l-assenzi? X'rimedji qed jingħataw lit-tfal f'fażi tant bikrija u sensittiva tal-edukazzjoni tagħhom u meta mistennija li tittranġa din il-problema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li minn Novembru 2016 sa l-aħħar ta' Jannar 2017, l-għalliema fil-klassi indikata rrappurtat li kienet ma tiflaħx diversi drabi f'dan il-perjodu. Infurmat ukoll illi kull darba li kienet ma tiflaħx intbagħat ċertifikat mediku u li saru talbiet biex issir vista mit-tabib diversi drabi. Infurmat li matul dawn il-ġranet li l-għalliema kienet assenti, it-tfal tal-klassi ħadu ħsiebhom membri tal-SMT għal xi ħin u tqassmu fuq klassijiet oħra biex it-tagħlim kemm jista' jkun ikompli għaddej.
Forzi Armati ta’ Malta – persuni li applikaw għar-reklutaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw għall-aħħar sejħa li ħarġet għar-reklutaġġ għal suldati mal-Forzi Armati ta' Malta? Jista' jgħid kemm hu maħsub li jkunu ngaġġati rekluti ġodda minn din is-sejħa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sejħa li ħarġet għar-reklutaġġ għal suldati mal-Forzi Armati ta’ Malta applikaw 498-il kandidat.
Id-Dipartiment tal-Eżamijiet m’għandux informazzjoni dwar kemm hu maħsub li jkunu ingaġġati rekluti ġodda minn din is-sejħa.
Servizz Pubbliku – Post ta’ Uffiċjal Prinċipali – persuni li applikaw
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li applikaw, u kienu eliġibbli, għall-aħħar sejħa għall-post ta' Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku ta' Malta? Jista' jgħid kemm minn dawn għaddew mill-ewwel parti li kienet tikkonsisti f'test fl-abilità ġenerali? Jista' jgħid kemm ressqu għat-tieni parti li kienet tikkonsisti f'intervista strutturata? Jista' jgħid kemm hemm postijiet vakanti f'dan il-grad?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għall-post ta’ Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta applikaw 883 persuna. Minn dawn, 603 ġew meqjusa eliġibbli u ġew mistiedna għat-test tal-Abilità Ġenerali, u 285 kisbu marka li kienet minn 60 ‘il fuq u għaldaqstant ġew meqjusa li għaddew.
Id-Dipartiment tal-Eżamijiet ma kienx responsabbli għat-tieni parti ta' dan l-eżami u lanqas għandu informazzjoni dwar kemm hemm postijiet vakanti f’dan il-grad.
Servizz pubbliku – post ta’ Uffiċjal Prinċipali – marki tal-kandidati
Question
Rigward tal-aħħar sejħa li kien hemm għall-post ta' Uffiċjal Prinċipali fis-Servizz Pubbliku, jista' l-Ministru jgħid kemm kandidati ġabu iktar minn 70% u bejn is-60% u s-70%, separatament, fit-test dwar l-abilità ġenerali? Jista' jgħid kemm kandidati weħlu mill-ewwel parti? Jista' jgħid kemm kandidati għaddew mill-ewwel u t-tieni parti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-aħħar sejħa kien hemm 100 kandidat li ġabu iktar minn 70%, u 185 kandidat li ġabu bejn is-60% u s-70% fit-test dwar l-abilità ġenerali.
Kien hemm 275 kandidat li ġabu inqas minn 60%, u li għaldaqstant m’għaddewx. Huwa nnutat ukoll illi kien hemm 43 kandidat li ġew mistiedna għat-test dwar l-abilità ġenerali u kienu assenti.
B’kollox għaddew 285 kandidat mit-test dwar l-abilità ġenerali. Id-Dipartiment tal-Eżamijiet ma kienx responsabbli għat-tieni parti ta' dan l-eżami.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm ta' xogħol tal-bini tal-iskola ġdida f'San Pawl il-Baħar? Jista' jgħid meta ser jibda x-xogħol tal-bini, min ser ikun qed jibni u meta ser tkun lesta l-binja tal-iskola l-ġdida u meta ser jidħlu l-istudentu fl-iskola l-ġdida?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq dan il-proġett beda u sa issa sar ix-xogħol ta' skavar. Il-permessi ta' żvilupp li hemm bżonn ħarġu u bħalissa qed ikun evalwat it-tender tal-bini tal-iskola. Il-programm ta' xogħol jiddependi minn meta jingħata l-kuntratt tax-xogħlijiet li jista' jkun suġġett għal appelli u proċeduri oħra. Hu ppjanat li din l-iskola tibda topera mis-sena d-dieħla.
Ftehim bejn il-Kumitat Olimpiku Malti, il-Gvern u SportMalta
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar ftehim bejn il-Kumitat Olimpiku Malti u l-Gvern jew SportMalta? Meta se jkun iffirmat il-ftehim il-ġdid?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-ftehim ser ikun iffirmat fiż-żmien li ġej u jkun pubbliku.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta' direct orders fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bejn l-2001 u Marzu 2013? Jista’ jelenka l-valur oriġinali tagħhom u jgħid kemm irċevew fi ħlasijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada li jinħtieġ iktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – varjazzjonijiet bejn it-tender u l-pagamenti finali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm varjazzjoni bejn it-tender jew kwotazzjoni inizjali u l-pagament finali fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bejn l-2001 u Marzu 2013? Jista’ jgħid minn kienu dawn il-kumpaniji jew individwi u l-ammonti tal-kwotazzjoni u l-pagament?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada li jinħtieġ iktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Jista’ l-Ministru jagħti s-somma ta’ kemm iffaċjat f'imgħax il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) direttament jew indirettament, (kemm dawk li tħallsu u kemm dawk li għadhom ma tħallsux) bejn l-ftuħ tagħha u Marzu 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 30687 - FTS - Interessi u Bank Charges (2001-2013).pdf
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-bini ta' skejjel ġodda f'din il-leġislatura u x'hemm ippjanat għas-sena skolastika li jmiss?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba (Dok. A u Dok. B) qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn il-listi (Dok. A: Skejjel
ġodda li nbnew u skejjel oħra li sar xogħol ta' bini fuqhom, u Dok. B: Proġetti ppjanati (2017-2019) jirreferu għal xogħlijiet konsiderevoli peress li saru u ser isiru xogħlijiet minuri f’ħafna aktar skejjel.
Attachments:PQ 30688 - DOK A - Skejjel ġodda li nbnew u skejjel oħra li sar xogħol ta bini fihom (2014-2016).pdfPQ 30688 - DOK B - Progetti ppjanati (2017-2019).pdf
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti ta' infrastruttura fl-iskejjel matul l-2016? Jista’ jgħid kemm-il persuna se tgawdi minnhom u kemm kien l-investiment fihom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-lista tirreferi għal xogħlijiet konsiderevoli peress li saru xogħlijiet minuri f’ħafna aktar skejjel.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni li m’għadhomx fis-Segretarjat
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra m’għadhomx jaħdmu fis-Segretarjat minn April 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 14-il impjegat li ma baqgħux jaħdmu mas-Segretarjat Privat tiegħi minn April 2013 sal-lum.
Kif kien stabbilit fl-aħħar leġiżlatura mill-Prim Ministru fit-tweġiba li kienet ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 5535, dettalji personali ta’ dawn il-persuni tiġi mgħoddija lill-Onor. Interpellant jekk ikun hemm il-permess tagħhom.
Presidenza tal-Unjoni Ewropea – miri tal-Ministeru
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkunu l-miri tal-Ministeru tul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar il-miri tal-Ministeru tiegħi tul il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ngaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dikasteri varji li jaqgħtu taħtu, tul is-sena 2016?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ persuni li ġew impjegati mill-Ministeru u d-Direttorati/Dipartimenti li jaqgħu taħt dan il-Ministeru tul is-sena 2016 kien ta’ 657 li minnhom 566 jaħdmu fil-qasam edukattiv fl-iskejjel u 31 fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti. Fl-istess sena kien hemm 448 persuna li temmew l-impjieg tagħhom minn mad-Direttorati/Dipartimenti.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ħaddiema ingaġġati in vista tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew jew se jiġu impjegati u ngaġġati persuni ġodda mill-Ministeru u mid-dekasteri varji li jaqgħu taħtu, in vista tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jindika wkoll il-kategoriji u l-iskali rispettivi tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fid-Direttorat tal-Affarijiet tal-UE u r-Relazzjonijiet Internazzjonali, Riċerka u Żvilupp tal-Politiki fi ħdan il-Ministeru tiegħi ġew ingaġġati żewġ persuni bħala EU Presidency Support Officers. L-iskala ta’ dawn il-persuni hija skala 9.
San Pawl il-Baħar – Skola Primarja – klassi bla għalliem
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li l-klassi 6.6 fl-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, ilha kważi tliet xhur bla għalliem?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar il-Klassi 6.6 fl-iskola Primarja ta' San Pawl ġejt infurmat li fil-ġranet li l-għalliema kienet nieqsa, l-għalliema kumplimentari daħlet fil-klassi sabiex tagħmel il-lezzjonijiet hi. Meta dan ma setax isir, l-istudenti ġieli tqassmu fuq il-klassijiet l-oħra.
San Pawl il-Baħar – Skola Primarja –eżami ta’ nofs is-sena
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu jew le li l-istudenti tal-klassi 6.6 fl-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar, se jkunu mitluba jagħmlu l-eżami ta' nofs is-sena tal-klassi ta' sena iżgħar?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-istudenti tal-Klassi 6.6 ingħataw il-karta ta' Year 6 u mhux ta' sena iżgħar.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-tabelli li kien hemm fejn is-sit ta' fejn għandha tinbena l-Iskola Primarja fil-Qawra, fil-fatt insterqux? Jekk ma nsterqux, iżda tneħħew mill-Gvern, jew mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS), jista’ jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha dawn tneħħew? Jekk se jkun hemm tibdil, jista’ jagħti tagħrif dwar x'se jkun it-tibdil meħtieġ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tabelli tneħħew mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada biex isir tibdil fl-artwork tal-istess tabelli.