Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qormi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4491, jista' pero' l-Ministru jgħid jekk in-nies qattx tħallew barra fix-xita waqt il-ħin tar-reġistrazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat li uffiċjali tal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ qatt ma ġegħlu lir-reġistranti joqgħodu fix-xita waqt il-ħin tar-reġistrazzjoni. 9.3.99

Ministeru tas-Sigurta' Soċjali — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 sat-28 ta' Frar 1999, intefqet is-somma ta' Lm987 f'"maintenance" fl-uffiċini tal-Ministeru għall-Politika Soċjali. B'referenza għat-tieni parti tal-Mistoqsija, sakemm ma ningħatax raġuni valida 'għala qed jintalab, ma nara l-ebda skop li jingħata r-"rendikont itemised". 9.3.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u t-28 ta' Frar, 1999: (i) x'kienu l-kuntratti li ngħataw mill-ministeru tiegħu; (ii) min għamel l-ispecifications; (iii) min għamel l-award; (iv) intalbu quotations; (v) kemm kienet kull quotation; (vi) min rebaħ kull kuntratt; u (vii) ingħataw extensions?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, minn meta fetaħ dan il-Parlament f'Ottubru li għadda b'risposta għall-diversi domandi fir-rigward ta' din il-Mistoqsija, diġa tajt informazzjoni dettaljata, li f'kull każ inħlew ħafna żmien u enerġija biex tinġabar. Għalhekk, sakemm ma ningħatax raġuni valida 'l għala l-informazzjoni mitluba għandha tingħata, ma nara l-ebda skop li dan isir. 9.3.99

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol fix-xahar ta' Diċembru mill-1990 sa l-1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dawn in-nies kienu qegħdin jirreżistraw għax-xogħol fuq l-ewwel Parti tar-reġistru fl-aħħar ta' Diċembru ta' kull sena: 1990 5,087 1991 4,919 1992 5,548 1993 6,175 1994 5,585 1995 5,247 1996 6,245 1997 7,149 1998 7,437 9.3.99

Drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' persuni li ngħataw kura għad-dipendenza fuq l-eroina, kokaina, ecstasy u drogi oħra separatament? Kemm kien hemm persuni li marru għall-kura li l-eta' tagħhom hi (a) taħt il-15-il sena; (b) taħt it-18-il sena u mhux anqas minn 16-il sena; (c) bejn id-19 u l-40 sena; (d) 'il fuq minn 40 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija Sedqa toffri żewġ tipi ta' kura għad-dipendenza mid-droga: (a) kura medika li ġeneralment tingħata miċ-Ċentru tad-Detox Out-Patient kif ukoll ġewwa Dar l-Impenn, fejn fost l-oħrajn issir ditossifikazzjoni mid-droga; (b) kif ukoll interventi psiko-soċjali aktar intensivi f'Units oħra. F'dik li tirrigwarda kura medika, l-biċċa l-kbira tan-nies li jattendu huma dipendenti fuq id-droga eroina, għalkemm il-biċċa l-kbira minnhom jieħdu aktar minn droga waħda. In-numru ta' individwi li ngħataw kura medika għad-dipendenza mid-drogi matul l-1998, kien 753. L-etajiet tagħhom huwa kif ġej: ETA NUMRU <15 1 16-18 38 19-40 679 40+ 35 TOTAL 753 9.3.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, għandha pensjoni żgħira tant li qed issibha diffiċli biex tlaħħaq mal-ħajja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata qed tirċievi pensjoni taħt il-Ftehim Reċiproku bejn Malta u l-Awstralja. Jiena nfurmat li r-rata ta' pensjoni kontributorja li qed tirċievi l-Armla issa, tirrefletti l-medja ta' kontribuzzjonijiet imħalsa jew akkreditati ta' żewġha hawn Malta. Ninforma lil Onor. Membru li l-persuna kkonċernata ser tiġi nfurmata dwar ik-każ tagħha kif ukoll tingħata l-pariri kollha biex tapplika għal dawk il-beneffiċċji kollha li jista' jkolla dritt għalihom. 9.3.99

Bormla — Crisis Intervention Centre

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tingħata l-attenzjoni li jixirqilha t-talba ta' numru ta' residenti minn Bormla li qed joġġezzjonaw għal bini ta' Crisis Intervention Centre f'Bormla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 212. 9.3.99

Ministeru għall-Politika Soċjali — Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Irrid ngħid li t-tip ta' nformazzjoni li talab l-Onor. Membru f'din il-Mistoqsija ma jidher li hi ta' ebda nteress partikolari għall-pubbliku u għalhekk, kif ukoll għax il-ġbir ta' din l-informazzjoni tinvolvi ħafna xogħol u tbatija għall-impjegati konċernati, fil-futur f'każijiet simili ma jidhirlix li għandi nirrispondi fid-dettal li qed nipprovdi f'dan il-każ. 8.3.99

Ta' Ġiorni — Tiswija f'residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-gallerija tar-residenza fi Block 13, Door 15, Triq Bertha K.Ilg fil-Qasam tad-Djar f'Ta' Giorni (file 981102) peress li tinstab fi stat ħażin u hija perikoluża għal min jgħix fid-dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jidher li hemm xi żball fl-indirizz billi ma jeżistix Blokk 13 iżda aktarx Blokk B. Jekk inhu l-każ jien infurmat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar li x-xogħol ġie approvat u għandu jsir fi żmien qarib. 8.3.99

Pensjonijiet — Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pensjonanti li kienu jaħdmu mar-Royal Navy, Army u Royal Air Force ħadu kull sena żieda għall-għoli tal-ħajja mill-1979 sa l-1998 ħlief fl-1987 u fl-1989?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn is-snin 1982 u l-1989 ma ngħatat l-ebda żieda għall-għoli tal-ħajja. Għaldaqstat, ma kien hemm l-ebda pensjoni tas-sigurta' soċjali miżjuda b'xi żieda għall-għoli tal-ħajja f'dan il-perjodu. 8.3.99

Sigurta' Soċjali — Assistenza soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex omm xebba b'żewġt itfal (uliedha rreġistrati b'unknown father) mhijiex tieħu assistenza soċjali? Kemm suppost tieħu assistenza soċjali f'dan it-tip ta' każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sabiex omm xebba b'żewġt itfal li huma rreġistrati b'unknown father, tieħu l-Assistenza Soċjali, din għandha tapplika fl-Uffiċċju Distrettwali tal-lokal tagħha. L-ogħla rata fil-ġimgħa ta' din l-għajnuna li hi tista' tikkwalifika għaliha, jekk ma jkollhiex riżorsi u tkun qegħda tgħix bħalha familja għal rasha, hija ta' Lm34.13 fil-ġimgħa. Barra minn dan hija tikkwalifika wkoll għall-Bonus Speċjali ta' Lm1.34 fil-ġimgħa u għall-Bonus ta' Lm58 li jitħallas f'Ġunju u f'Diċembru. Hija tista' tikkwalifika wkoll għal 50 ċenteżmu fil-ġimgħa jekk tkun qegħda tħallas il-kera. Il-persuna li tkun qegħda trabbi t-tfal tista' wkoll taħdem xogħol part-time, sakemm id-dħul mill-impieg tagħha ma jeċċedix is-Lm16.75 fil-ġimgħa. Barra minn hekk, jekk ulied din il-persuna għadhom taħt l-eta' ta' sittax-il sena, hija tikkwalifika wkoll għal Lm12.98 fil-ġimgħa f'Allowance tat-Tfal. Persuni f'dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jikkwalifikaw għal benefiċċji oħra bħal Rabate tad-dawl u l-ilma, il-karta roża eċċ. 8.3.99

Bormla — Twaqqiegħ ta' bini antik

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju wasal it-twaqqigħ tal-bini l-antik fi Triq San Ġwann, Bormla billi dan wara li qabad ritmu tajjeb waqaf f'dawn l-aħħar jiem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li x-xogħol tat-twaqqiegħ waqaf sakemm jiġu solvuti xi problemi ma xi "evictees" li għad għandhom xi affarijiet fil-bini li ser jaqa'. Biss, sadanittant ix-xogħol ta' taħmil u anki tal-ġebel fuq l-ewwel parti tal-proġett ser jibdew f'dawn il-ġranet. 8.3.99

Djar — Bormla - Triq San Gwann

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm appartamenti huma previsti li jinbnew fi Triq San Ġwann, Bormla wara li jitwaqqa' l-bini l-antik u kemm huwa mistenni li jiġi jiswa dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ewwel fażi ser jinbnew 20 appartament u dawn ser jiswew madwar Lm270,000. Fit-tieni fażi li ser tibda madwar sentejn oħra, ser jinbnew 49 appartament li ser jiswew madwar Lm650,000. 8.3.99

Kalkara — Appartamenti Indipendenza

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk matul is-sena kurrenti hemmx previst li t-toroq li qegħdin idawru l-Appartamenti Indipendenza, il-Kalkara jsiru billi hemm ħafna ilmenti mir-residenti li huma aktar milli ġustifikati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabilta' għall-irranġar tat-toroq fil-housing estates hija tal-Kunsill Lokali fil-każ li dawn jinħtieġu "patching", jew tad-Dipartiment tat-Toroq fil-każ li dawn iridu jsiru mill-ġdid. Jien infurmat li fl-estate tal-Kalkara magħruf bħala tas-Salvatur, il-Kunsill qed jippjana li jirranġa t-toroq fil-futur immedjat. Biss għal aktar informazzjoni nagħti parir lill-Onor. Interpellant jagħmel dil-Mistoqsija lill-Onor. Prim Ministru li taħtu jaqgħu il-Kunsilli Lokali. 8.3.99

Djar — File 2766/97HD

Question

B'riferenza għaċ-ċirkostanzi diffiċli li qed jiffaċċjaw il-familjari tal-każ fil-File Nru.2766/97HD u l-informazzjoni li konfidenzjalment għarraft biha lill-Ministru, jista' d-Direttur ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali jalloka l-fond in kwestjoni? Peress li l-persuna b'diżabilita' in kwestjoni tenħtieġ għajnuna mmedjata għaliex is-sitwazzjoni li ilha pendenti s-snin m'hijiex kontrollabli, jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni sabiex issir ġustizzja u l-każ jiġi rimedjat immedjatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u li ċ-ċirkostanzi speċjali ġew nnutati, u qed jingħataw l-attenzjoni meħtieġa. 8.3.99

Impjiegi — CSA's

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3370, jista' l-Ministru jgħidilna fuq liema kriterju huwa ġudikat il-kompatibilita' mal-klijent ladarba l-klijent u CSA ma jkunux għadhom iltaqgħu? Jista' l-Ministru jelenka minn liema lokalita' ġejjin is-CSA's ġodda u f'liema lokalita' tal-komunita' qegħdin jaħdmu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mir-risposta mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari 3370, b'kompatibilita' wieħed jifhem illi meta s-supervisors ikollhom bżonn xi Casual Social Assistant, dawn jgħidulhom jiġu fl-uffiċċju biex jaraw id-dispożizzjonijiet tagħhom inkwantu ta' karattru, jekk persuna tkunx verament kapaċi tkampa mall-problema ta' l-anzjani (nervi, burdati, eċċ.) In-nies imsemmija fl-istess mistoqsija ġejjin minn dawn il-lokalitajiet: Mġarr, Swieqi, Kalkara, B'Kara, Ħamrun, San Ġwann, Naxxar, Żejtun, Attard, Qormi, Fgura. Mqabba, Gżira, Marsa, Sliema, Paola, Żebbuġ, Lija, St Paul's Bay, Sta. Venera, Balzan, Cospicua. 8.3.99

SWDP — Servizz ta' Helpline

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn meta ġie ntrodott is-servizz fejn hemm linja pprovduta mill-SWDP għat-tfal li jsofru minn xi abbuż: (i) kemm tfal għamlu użu minn dan is-servizz; (ii) kemm minn dawn it-tfal ġew identifikati; (iii) kemm minn dawn il-phone-ins kienu jirrikjedu follow-up; u (iv) bħala riżultat ta' din l-inizjattiva kemm tressqu nies il-qorti mixlijin b'abbuż ta' tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

(i) Il-Mistoqsija qiegħda tirreferi għas-servizz Supportline 179 li mhuwiex miftuħ biss għat-tfal abbużati, iżda għal nisa msawta wkoll u għal individwi u familji bi problemi oħra. Minn mindu beda jopera s-Supportline 179 f'Jannar ta' l-1996 sa tmiem is-sena 1998, kien hemm dawn it-telefonati minn tfal u adulti dwar tfal abbużati. Sena Tfal li ċemplu Adulti li ċemplu Total ta'telefonati dwar abbuż tat-tfal dwar abbuż tat-tfal mit-tfal stess fuq problemi varji 1996 m'għandniex m'għandniex 169 statistika statistika 1997 48 240 1149 1998 44 256 1605 Nota: dawn iċ-ċifri huma ta' telefonati, u mhux ta' każijiet separati Fl-1996 ma kienx jinżamm tagħrif dwar jekk min ċempel kienx minuri jew adult. It-tfal li jċemplu lis-Supportline 179 iċemplu għal raġunijiet differenti, fosthom: abbuż minn adulti, problemi mal-ġenituri, problemi mal-ħbieb, problemi fl-iskola, eżamijiet u homework, biża (ez biża mid-dlam), etc. L-istatistika t'hawn fuq tindika biss in-numru ta' telefonati u mhux in-numru tal-każijiet għaliex f'ċertu każijiet il-persuna tista' tkun ċemplet aktar minn darba waħda. Għalhekk dawn m'għandhomx jittieħdu bħala każijiet separati. (ii) Mhijiex il-proċedura tas-Supportline 179 li jiġi ndentifikat min iċempel, billi dan is-servizz jassigura kunfidenzjalita' u anonimita' lil min iċempel. Għalhekk, sakemm il-persuna stess ma tindikax li trid tirreferi lilha nnifisha, minn iċempel ma jittiħdulux dettalji personali. (iii) Min iċempel lis-Supportline 179 jkollu l-opportunita' li (a) jikseb tagħrif sabiex ikun jista' jċempel lis-servizz li hu marbut l-aktar mat-tip ta' problema li għandu, jew li (b) jgħaddi tagħrif lis-Supportline 179 sabiex jiġi riferut mill-SWDP lil servizz xieraq. Fil-każ ta' abbuż ta' tfal, meta xi ħadd iċempel dwar abbuż ta' tfal, is-Supportline 179 iżomm it-tagħrif kollu li jingħata. Dan it-tagħrif jingħata lit-Taqsima Ħarsiem tat-Tfal ta' l-SWDP sabiex tinvestiga. Mill-1996 sa' Diċembru ta' l-1998 is-Supportline għadda 207 każijiet differenti lit-Taqsima Ħarsien tat-Tfal (32 fl-1996, 95 fl-1997, u 80 fl-1998). Minn dawn il-207 każ ta' abbuż ta' tfal riferuti mis-Supportline, 22 (11%) ma setgħux jiġu nvestigati għaliex it-tagħrif li ngħata minn min ċempel ma kienx biżżejjed biex it-tfal jiġu ddentifikati. Dan il-persentaġġ (22%) ta' każijiet riferuti mis-Supportline li ma setgħux jiġu ddentifikati huwa għola mill-persentaġġ ta' 3% ta' każijiet ta' abbuż ta' tfal irrappurtati fl-istess żmien minn persuni li ċemplu direttament lit-Taqsima Ħarsien tat-Tfal (Total ta' 1,17). (iv) Ma tinżammx statistika dwar kemm eżattament kien hemm każijiet - fost il-każijiet kollha ta' abbuż ta' tfal - fejn dawk li abbużaw mit-tfal fil-fatt spiċċaw biex ittellgħu il-qorti mixlijin b'abbuż ta' tfal. 8.3.99

Djar — Applikazzjonijiet minn single parents

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw single parents għall-housing units tul dawn l-aħħar ħames snin? X'persentaġġ minn dawk li applikaw kull sena ngħataw dar għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li, fil-każ tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, matul l-aħħar ħames snin kien hemm 91 applikazzjoni minn 'single mothers' u 147 minn persuni isseparati bit-tfal, b'kollox 238, li applikaw mad-Dipartiment. Minn dawn ġew allokati 60 li jagħtu figura ta' ftit aktar minn 25%. Fil-każ ta' l-Awtorita' tad-Djar, in-numru ta' 'single parents' li applikaw ma' l-Awtorita' tad-Djar f'dawn l-aħħar ħames snin kien ta' 499. Il-persentaġġ ta' dawk li bbenefikaw għal kull sena hu kif ġej: SENA NUMRU TA' APPLIKAZZJONIJIET % TA' ALLOKAZZJONI MINN ĠENITUR WIEĦED 1995 26 23% 1996 385 12% 1997 71 8% 1998 17 6% TOTAL 499 Dawn il-persentaġġi ta' allokazzjonijiet jinkludu xi każijiet ta' persuni li jkunu rrifjutaw l-allokazzjoni. 8.3.99