Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-ispetturi ta' l-ETC fis-sit ta' Villa de Fremaux fi Triq Santa Katerina fiż-Żejtun dwar ħaddiema barranin li qed jaħdmu bla permess f'dan l-istess sit? X'instab minn dawn l-ispezzjonijiet, jekk saru u x'passi ttieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ ma kien waslilha ebda rapport dwar is-sit indikat mill-Onor Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li qed isiru l-arranġamenti biex dan is-sit jiġi spezzjonat kemm jista' jkun malajr.

Computers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha quddiemha l-Kummissjoni Persuni b'Diżabilita għal għoti ta' computers lill-persuni b'disabilita'? Fuq liema kriterji jingħataw dawn il-computers? Kemm ingħataw computers fis-snin 1998-1999-2000-2001 lill-persuni b'diżabilita?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita għandha 48 applikazzjoni pendenti biex tgħin persuni b'diżabilita jixtru kompjuter li minnhom 42 qegħdin fuq il-waiting list u 6 għad irid jarahom il-bord tas-servizzi Għajnuniet Speċjali. L-għajnuna finanzjarja hi ta' massimu ta' Lm250 li fil-każ ta' persuni b'diżabilita li jridu jixtru aċċessorji speċjali minħabba d-diżabilita tista' titla' sa massimu ta' Lm500. Barra minn hekk il-Kummissjoni tgħin lil kull persuna b'diżabilita biex jixtri kompjuter billi tagħti lura l-VAT li jitħallas fuqu. Il-kriterji li fuqhom tingħata din l-għajnuna lill-persuni b'diżabilita huma dawk tas-Servizzi Għajnuniet Speċjali fejn il-Kummissjoni tilqa' talbiet għall-assistenza finanzjarja għall-apparat li jgħin persuna b'diżabilita tgħix ħajja ndipendenti. Dan jinkludi, barra kompjuters, sodod speċjali, siġġijiet tar-roti, buggies speċjali, hearing aids, eċċ. Il-kriterji li jimxu fuqhom il-bord tas-Servizzi Għajnuniet Speċjali huma dawn: a) il-bżonn ta' l-għajnuna li qed tintalab; b) ir-raġuni għaliex qed tintalab; c) il-benefiċċju li ser jiggwadanja minn din l-għajnuna; d) il-prattiċita ta' l-għajnuna li qed tintalab; e) il-mezzi finanzjarji tal-benefiċċjarju/applikant; f) l-aspett soċjali tal-benefiċċjarju/applikant li huma relatati mat-talba; g) assistenza finanzjarja oħra li jkun ħa minn dan il-bord u/jew minn sorsi oħra relatati. Matul il-perjodu 1998-2001 (sa Lulju), is-Servizz Għajnuniet Speċjali tal-Kummissjoni għinet lil dawn il-persuni biex ikunu jistgħu jixtru kompjuter: Sena Persuni b'diżabilita li ħadu għajnuna Persuni b'diżabilita li Total finanzjarja u l-VAT lura ħadu l-VAT lura biss 1998 39 6 45 1999 35 12 47 2000 18 23 41 2001 4 15 19

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħaddiema li jaħdmu full-time u part-time f'pajjiżna? Jista' jgħid minn dawk full-time kemm minnhom għandhom paga minima?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ qiegħda fil-proċess li tiffinaliżża l-ewwel ċensiment dwar dawk kollha li għandhom xogħol part-time, kemm bħalha l-uniku mpjieg tagħhom kif ukoll bħalha mpjieg sekondarju. Dan l-eżerċizzju mistenni jintemm fi ftit ġimgħat oħra u wara nkun nista' nagħti l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija. Il-Korporazzjoni ma żżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta ġiet introdotta il-job experience scheme tal-ETC li permezz tagħha sid ta' ażjenda jiġi offrut is-servizzi ta' nies li qed jirreġistraw bl-ETC tħallas il-paga sħiħa tal-individwu magħżul kif wkoll il-bolla? Għaliex meta rappreżentanti ta' l-ETC qed iżuru lil-bosta sidien qed jgħidulhom ċar u tond li dan qed isir biex inaqqsu n-numru ta' nies li qed jirreġistraw? Kemm mistennija tkun twila il-job experience? Jikkonferma li tkopri 14 il-ġimgħa? Kemm ġew avviċinati ażjendi kummerċjali s'issa? Kemm beħsiebha idaħħal nies f'din l-iskema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Job Experience Scheme ġiet introdotta f'Mejju li għadda. Din l-iskema tintroduċi lil dawk li qed jirreġistraw u li għadhom qatt ma ħadmu fid-dinja tax-xogħol. Din l-iskema hija parti mill-Job Start Youth Initiative. L-għan ta' din l-iskema hu li jgħin lill-parteċipanti fit-transizzjoni mill-bank ta' l-iskola għall-bank tax-xogħol. Il-Korporazzjoni tagħti allowance lill-parteċipanti ta' Lm15 fil-ġimgħa. Il-parteċipanti jqattgħu mhux aktar minn għoxrin siegħa fil-ġimgħa għal tlettax-il ġimgħa fuq il-post tax-xogħol u sakemm idumu fuq din l-iskema jibqgħu jirreġistraw għax-xogħol. Il-Koporazzjoni ma żżomx statistika ta' kemm ġew avviċinati ażjendi kummerċjali u s'issa għad m'għandix limitu ta' kemm ser iddaħħal parteċipanti f'din l-iskema. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija jidher li l-Onor. Interpellant huwa nfurmat ħażin.

Housing Authority

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li iċ-chairperson tal-housing authority għandha jew mistennija jkollhom kuntratt għal għadd ta' snin? jekk iva, x'tul ta' żmien ikopri l-kuntratt? Hemm xi penali jekk hi tiġi imnehhija mill-awtoritajiet qabel jiskadi l-kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma hux minnu illi c-Chairperson ta' l-Awtorita' tad-Djar għandha jew ser tiffirma xi kuntratt għal għadd ta' snin.

Kamra tal-Banju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna bl-ID Card number li qed jingħata separatament tibbenefika minn titjib fil-kamra tal-banju tad-dar wara li bbenefikat min din l-iskema parzjalment (Lm 500) 3 snin ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema eżistenti ta' l-Awtorita' tad-Djar dwar is-suġġett indikat mill-Onor Interpellant ma tippermettix li persuna tikkwalifika għall-għajnuna jekk tkun diġa bbenifikat minn għajnuna għall-istess skop. Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor Interpellant diġa bbenefikat minn għajnuna biex tirranġa l-kamra tal-banju.

ETC

Question

Skond l-aħħar rapporti tal-korporazzjoni dwar l-impjiegi u taħriġ kemm hemm persuni fl-eta' taħt it-30 li qed jirreġistraw għax-xogħol? X'livelli ta' kwalifiki u kompetenzi għandhom? Kemm hemm minnhom li ma jafux jiktbu u jaqraw? kemm hemm minnhom li huma bla ċertifikati akkademiċi u/jew vokazzjonali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Ġunju 2001 kien hemm 2,225 persuna taħt it-30 sena jirreġistraw għax-xogħol. Minn dawn kien hemm 314 li huma llitterati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.

Children Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta fil-kontront ta' avukat Għawdxi dwar l-abbużi fic-children allowance? Meta l-każ għadda għand il-pulizija? X'eżitu kien hemm fil-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din il-persuna u persuni oħra bħalha irrifondew l-ammonti kollha li kienu tħallsu lilhom u għalhekk dawn il-każijiet illum huma magħluqin.

ETC — San Anton

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-ħaddiema li bagħtet l-ETC biex jagħmlu taħriġ fl-agrikoltura f'San Anton u f'postijiet oħra ġew informati li mhux sejrin jitħallsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuni li qed jattendu għall-programmi ta' taħriġ fl-agrikoltura f'San Anton u f'postijiet oħra huma nies li qegħdin ifittxu mpjieg. Għaldaqstant mhumiex intitolati għall-ħlas ta' paga. Lil dawn il-persuni il-Korporazzjoni ser tagħtihom allowance li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' trasport.

Price Club

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm impjegati tal-Price Club li wara li ngħataw is-sensja bdew jirreġistraw għax-xogħol mal-ETC? Għal-liema tip ta' impjiegi bdew jirreġistraw l-individwi differenti? Kemm nisa u kemm irġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-impjegati tal-kumpannija ndikata mill-Onor. Interpellant għadhom fuq il-perijodu ta' notice u għalhekk ma jistgħux jirreġistraw għax-xogħol qabel jiskadi dan il-perijodu.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga il-każ ta' housing tas-single parent li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament, li toqgħod flimkien ma' żewġ uliedha f'basement taħt l-art f'post sub-standard bi problemi tal-grieden? Il-fond ġie spezzjonat l-aħħar xi xahar ilu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qed jiġi kkunsidrat flimkien ma' oħrajn simili.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga b'urġenza il-każ ta' housing tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separtament li toqgħod ma' familja oħra fil-fond ta' kamra tas-sodda waħda li għandu problema ta' soqfa fi stat perikoluż u li huwa infestat bil-ġrieden kif jixhdu ritratti meħuda mill-applikant?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat flimkien ma' oħrajn bħalu

FMSS

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li wara l-1994, persuna li isimha qed tidher separatament kellu uffiċċju Gattard House fejn kien hemm l-uffiċċju tal-FMSS? Minn meta beda juża l-uffiċċju u sakemm uża dan l-uffiċċju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħaddiema li min Settembru 1998 sal-lum ġie terminat l-impjieg tagħhom jew irriżenjaw mill-impjieg tagħhom, kemm minn mal-Gvern (inkluż iċ-Ċivil), korpi Parastatali, Ażjendi li l-Gvern b'xi mod għandu sehem fihom, awtoritajiet u kull entita' li taqa' b'xi mod taħt ir-responsabilita' tal-gvern, u dan dejjem skond ir-rekords tal-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

ETC — Taħriġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27263 u t-tweġiba għaliha liema programi bażiċi fil-kitba u qari u matematika applikata ġew organizzati matul din is-sena mill-ETC? F'kull program kemm attendew persuni? X'etajiet kellhom? Xi kwalifiki kellhom? X'riżultati kisbu permezz ta' dan il-kors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.