Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-biċċa apparat li hi nieqsa fis-sala ta' l-operazzjonijiet tad-Day Surgery biex ikunu jistgħu jsiru testijiet bl-istrument fuq l-irkoppa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Fil-preżent hemm Arthroscope wieħed li qiegħed jintuża, it-tnejn l-oħra qegħdin għat-tiswija. Hemm ukoll talba biex jinxtraw 'forceps' għal dan l-apparat u qiegħdin fil-proċess ta` 'adjudication'.
Mir-rapport ta' l-esperti Belgjani li kien ġab il-Gvern Nazzjonalista bejn l-1992 u l-1996, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti fl-Isptar Monte Carmeli li jistgħu joħorġu mill-isptar u jgħixu fil-komunita'? X'inhu jagħmel il-gvern u xi pjanijiet għandu biex jipprovdi support fil-komunita' bit-tama li dawn il-pazjenti xi darba joħorġu mill-Isptar Monte Carmeli u jerġgħu jintegraw ruħhom fil-komunita'?
Jikkonsidra l-Ministru li jaħtar task force fi ħdan id-diviżjoni tas-saħħa, magħmula minn team multi-dixxiplinarju bil-għan li jaħdem speċifikament fuq dan il-għan, jiġifieri li fl-aħħar in-nies li m'għandhomx għalfejn joqgħodu f'Monte Carmeli jsibu l-għajnuna u s-support biex jgħixu fil-komunita'?
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm hemm pazjenti f'Monte Carmeli u jekk teżisti statistika riċenti ta'kemm minnhom jiġu jarawhom nieshom u kemm le?
X'inhi l-eta' medja ta' dawn il-pazjenti? Kemm għandu l-iżgħar pazjent u kemm għandu eta' l-akbar wieħed?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u r-risposta tingħata aktar tard.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji liema kienu l-karozzi uffiċjali u mikrija mill-ministeru li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet mill-5 ta'Settembru, 1998 'il hawn?
Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm ġew jiswew l-ispejjeż tal-ħsarat ta' dawn il-kolliżjonijiet; (b) min kienu l-uffiċjali jew impjegati li fi żmien li saret il-kolliżjoni kienu responsabbli mill-vettura nvoluta; u (ċ) f'kull każ min kien qiegħed isuq il-vettura fil-ħin li saret il-kolliżjoni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-ebda karozza uffiċjali jew mikrija mill-Ministeru ma kienet involuta f'kolliżjoni mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn.
Billi l-gvern bejn l-1992 u l-1996 kien fi trattativi biex jilliberalizza l-ispiżeriji, fejn waslu dawn it-tentattivi?
Billi n-naħa ta' Bir id-Deheb, Żejtun m'hemmx spiżeriji u hemm mixja ta' madwar għoxrin minuta biex tmur fl-eqreb spiżerija, x'irid jagħmel individwu li diġa' għandu sit u jixtieq li jiftaħ spiżerija?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant illi t-trattativi biex l-ispiżeriji jiġu liberalizzati spiċċaw u r-rapport li kien ippreżentat lill-Gvern qed jiġi evalwat.
Dak l-individwu li diġa għandu s-sit u jixtieq jiftah spiżerija għandu japplika mad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta fi żmien amministrazzjoni Laburista ġie deċiż li jiġi rdoppjat l-isptar tal-Qroqq ma sar ebda pjan konkret biex jespandi wkoll is-servizzi ta' l-utilities, fosthom ta'l-ilma, toroq, elettriku u drenaġġ?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Sa dak l-istadju ma kien sar l-ebda pjan konkret biex jespandi wkoll is-servizzi ta` utilities fosthom ta` l-ilma, toroq, eletriku u drenaġġ.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kemm u min ġie mistieden għall-konferenza li saret fis-7 ta' Diċembru 1999 għan-nurses Maltin lejliet il-Millennium bit-titolu "Nursing - our future - the way ahead" u li kienet organizzata mid-direttorat tan-nursing? Min ħa ħsieb l-istedin għal din il-konferenza? Possibbli li l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-papers li nqraw tul din il-konferenza?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant li n-nies mistiedna sabiex jattendu għal konferenza li ġiet organizzata mid-Direttorat tan-Nurses, kienu l-Ministru tas-Saħħa u d-Direttur Ġenerali tas-Saħħa.
Id-dettalji dwar din il-konferenza tqassmu fis-swali kollha ta' l-isptarijiet u l-kliniċi kemm governattivi u kemm privati, f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Għal din il-konferenza kienu mistiedna biex jattendu l-infermiera u l-qwiebel kollha.
Il-'papers' li nqraw waqt din il-konferenza sejrin jiġu ppublikati f'forma ta' ktejjeb. Kopja ta' dan il-ktejjeb titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta dan ikun lest.
Jista' l-Ministru jgħid x'investigazzjonijiet saru mid-dipartiment tas-saħħa dwar artikolu li deher nhar il-Ħadd 5 ta' Diċembru 1999, f'paġna 2 dwar kadavru li ma ġiex aċċettat fl-isptar San Luqa u dak deskritt bħala abbuż fl-għoti ta' injezzjonijiet fuq kadavri?
Jista' l-Ministru jara kemm iddaħħlu pazjenti mir-Renju Unit fl-isptarijiet tagħna fis-snin 1998 u 1999? Kemm minnhom kellhom medical insurance?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' pazjenti li ddaħħlu fl-isptar San Luqa kien 1,592 fis-sena 1998 u 1,091 fis-sena 1999 (sal-5.12.99).
Peress li dawn il-pazjenti huma ntitolati għall-kura b'xejn skond il-ftehim reċiproku bejn Malta u l-Ingilterra ma jkollniex informazzjoni dwar assikurazzjoni medika.
Jista' l-Ministru jara kemm ġew trattati pazjenti Maltin fl-isptarijiet Ingliżi skond il-ftehim bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fis-snin 1998 u 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-ftehim huwa għal 180 pazjent fis-sena u fis-sentejn imsemmija ntbagħtu 180 pazjenti kull sena. Dan ma jinkludix pazjenti li jiġu rikoverati b'urġenza meta jkunu l-Ingilterra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex appuntament għal lipid clinic fl-isptar qed idum madwar sitt xhur?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-raġunijiet huma diversi:
1. Il-clinic issir darba fil-ġimgħa. Ikun hemm 17-il
appuntament (sitta ġodda u l-oħrajn follow-ups).
2. Jattendi biss tabib wieħed u żewġ part time nurses.
3. Qiegħed ikun hemm ħafna `referrals' (15 `new referrals'
fil-ġimgħa).
Bil-ħatra ta' konsulent ieħor fid-Diabete u l-Endokrinoloġija, din il-klinika tibda ssir aktar spiss.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10909, jista'l-Ministru jgħid: (i) jekk inħarġitx tender għal xiri ta'equipment ta' tindif; (ii) kemm sewa l-istudju li sar; (iii) min għamel l-istudju imsemmi; (iv) jistax il-Ministru jpoġġi dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra; (v) min u fejn se jipprovdi t-training meħtieġ; (vi) din is-sistema hija orħos minn tender lil kuntrattur; u (vii) jekk le, kemm iffranka l-Ministeru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Jekk inħarġitx tender għal xiri ta' equipment ta' tindif:
Dwar l-ewwel domanda nirreferi għat-Tweġiba Nru. 11372.
Dwar it-tlett domandi li jmiss nixtieq ngħid li dan l-istudju ġie mniedi mid-Dipartiment tal-Policy u Ppjanar tas-Saħħa, li huwa d-Dipartiment fid-Diviżjoni tas-Saħħa responsabbli u nkarigat mir-riforma fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll mill-introduzzjoni ta' dawn ir-riformi.
L-istudju sar abbażi ta' proġett pilota li kien ġie mniedi mill-istess Dipartiment f'wieħed mill-isptarijiet tal-Gvern. Fost il-prijoritajiet ta' dan l-istudju kienet l-analiżi tal-kwalita' u l-effiċjenza tat-tindif fl-isptarijiet flimkien ma' l-opinjoni ta' l-istess ħaddiema fuq l-operat tax-xogħol tagħhom u l-aspettativi tagħhom għal futur fuq il-post tax-xogħol. Ġew ukoll analizzati r-riżultati miksuba mill-introduzzjoni tas-sistema bbażata fuq protokolli ta' tindif mibnija fuq flessibilta' fuq il-post tax-xogħol. Barra li ttieħdet ukoll konsiderazzjoni ta' l-eżitu tal-kwestjonarji li kienu ġew imfassla fost il-ħaddiema ta' dan is-settur u l-infermiera responsabbli mis-swali fl-isptar.
Mill-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan l-istudju, jidher b'mod l-aktar ċar li s-sistemi ta' tindif tal-passat għandhom jiġu mwarrba u mibdula b'sistemi moderni u professjonali li jiffaċilitaw il-ħidma u l-operat tal-ħaddiema, filwaqt li jkunu ta' benefiċċju għall-klijenti tagħna. Il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet ta' dan l-istudju qegħdin annessi.
Rigward il-ħames domanda, ninfurmah li sabiex jiġi aċċertat li l-klijenti tagħna, flimkien mal-ħaddiema ta' dan is-settur, jibbenifikaw mir-riforma f'dan il-qasam, u s-servizz ta' l-indafa fl-isptarijiet jilħaq il-livell professjonali, ġiet ingaġġata persuna kkwalifikata f' dan il-qasam. Din il-persuna li ser tissejjah Manager, Hospital Cleaning Service ser tkun responsabbli mit-tmexxija u mill- `in service training' tal-ħaddiema ta' dan is-settur. Għaldaqstant, it-taħriġ kollu ser isir abbażi ta' protokolli u sistemi internazzjonali ta' l-ogħla livell mfassla apposta għal dan il-qasam. It-taħriġ ser isir fuq il-post tax-xogħol (hands on training).
Dwar l-aħħar żewġ domandi, nirreferih għat-tweġibiet preċedenti fejn diġa għidt li l-kuntratt ta' tindif kien qed jiswa lid-Dipartiment tas-Saħħa Lm600,000 fis-sena għal tindif fl-Isptar San Luqa. Pero' is-servizz li sa issa ngħata taħt dan it-tender qatt ma laħaq l-aspettativa ta' ndafa li oriġinalment kienet wara l-iskop li tindif ta' l-isptar jingħata lill-privat.
Permezz ta' ntroduzzjoni ta' din ir-riforma huwa maħsub li dan is-settur jingħata rwol u miri ġodda li minnhom jibbenifikaw kemm il-klijenti tagħna kif ukoll il-ħaddiema.
Għalhekk, barra l-fatt li l-apparat ta' tindif li nxtara ser jitqassam fl-isptarijiet tal-Gvern kollha (jiġifieri Sptar San Luqa, Sptar Boffa u Sptar Monte Carmeli) huwa kkalkulat li l-ammont li ntefaq - Lm105,000 - għandu jiġi mifdi f'xi 5 xhur.
Billi pazjenti li għandhom l-AIDS qed jingħataw il-Karta r-Roża u huma ntitolati għal mediċini b'xejn, jista' l-Ministru jgħid kemm tiswa din il-kura fuq medda ta' sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispiża medja ta` mediċini b'xejn li jingħataw lill-pazjenti morda bl-AIDS hija ta` LM4,500.00 għal kull pazjent fuq medda ta` sena.
Sptar Monte Carmeli — Settur forensiku - Speċjalisti
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar 14-il xahar ġewx speċjalisti minn barra minn Malta ħalli jagħtu pariri dwar is-settur forensiku u swali oħra fl-Isptar Monte Carmeli? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn l-ispeċjalisti? Xi kwalifiki għandhom? Xi ħlasijiet saru s'issa lil dawn l-ispeċjalisti? Jekk hemm xi kuntratt ma' dawn l-ispeċjalisti, jista' l-Ministru jpoġġi l-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Saru kuntatti ma' l-Edenfield Centre Adult Forensic Mental Health Service f'Manchester matul din is-sena rigward training ta' staff kemm fil-forensika kif ukoll fis-Secure Unit. Il-psikjatra illi magħha sar kuntatt hija Dr Josianne Holloway, Managing Consultant f'dan iċ-ċentru. Dr Holloway hija konsulenta psikjatra mħarrġa u appuntata fil-branka tal-psikjatrija forensika. Din, f'Awissu 1999, waqt li kienet Malta għas-spejjeż tagħha, żaret l-ipstar u ltaqgħet ma' diversi professjonisti.
Permezz ta' Dr Holloway, għamilna kuntatt ukoll mas-Sur Paul Tarbuck li huwa Director of Forensic and High Dependency Services fil-John Denmark Unit f'Manchester. Dan l-individwu huwa mill-professjoni tan-nursing u kien iċ-chairman tar-Royal College of Nursing Forensic Mental Health Nurses Group l-Ingilterra. Għandu interess fil-kura tal-Mentally Disordered Offender. Dan ukoll, waqt li kien Malta f'Ottubru 1999, għas-spejjeż tiegħu żar l-isptar.
Sa issa, Dr Holloway, bl-għajnuna ta' diversi membri oħra tal-Edenfield Centre, issottomettiet diversi proposti ta' training illi qegħdin jiġu kkunsidrati. Ma saru l-ebda ħlasijiet u ma jeżisti l-ebda kuntratt. Kwalunkwe' deċiżjonijiet fir-rigward ta' dan il-proġett jittieħdu mid-Diviżjoni tas-Saħħa skond il-proċeduri illi normalment jintużaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm pazjenti fl-aħħar xahar, ġurnata b'ġurnata, ġew trasferiti bil-lejl mill-Male Ward 2 għal sala oħra fl-Isptar Monte Carmeli għax ma kellhomx sodod fejn jorqdu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma ġiex ittrasferit l-ebda pazjent minn MW2 minħabba nuqqas ta' sodod fejn jorqdu ġewwa din is-sala.
Kien hemm pazjent wieħed biss li matul Novembru 1999 kellu jintbagħat jorqod f'ward oħra barra Ward 2. Dan sabiex jiġi assigurat illi f'Ward 2, li hija l-ward akuta ta' l-irġiel, ikun hemm sodod vojta disponibbli f'każ ta' ammissjoni urġenti.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-funtana li hemm fil-bitħa tal-Male Ward 2 ta' l-Isptar Monte Carmeli ilha abbandunata minn meta ġie inawgurat is-secure unit ta' l-istess sptar? Għaliex din il-funtana tinsab bla ilma u qed tiġi kkaġunata ħsara, minkejja l-ispiża li kienet saret biex issewwiet? Kemm kienet in-nefqa biex il-funtana reġgħet bdiet taħdem iktar kmieni din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-funtana li hemm fil-bitħa tal-MW2 ġiet imbattla mill-ilma fl-ewwel Ġimgħa ta` Ottubru ta` din is-sena. Dan sar biex tkun tista` titnaddaf mit-trab u l-weraq li waqa` fiha matul is-sajf. Reġgħet imtliet bl-ilma ftit ġranet wara u għadha mimlija sal-lum. Għall-ħabta ta` Mejju ta` din is-sena kienu mbiddlu xi pajpijiet minn din il-funtana u l-ispiża totali laħqet is-somma ta` LM10.46c.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pazjenti ta' l-Isptar Monte Carmeli jixorbux mill-ilma tat-tankijiet ta' fuq il-bjut?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pazjenti ta` dan l-isptar jixorbu mit-tankijiet ta` l-ilma li hemm fuq il-bejt kif ilu jsir għal ħafna snin. Dawn it-tankijiet jiġu mnaddfa perjodikament u kollha għandhom għatu. Barra minn hekk, jiġi meħud kampjun ta` l-ilma regolarment mill-Health Inspector biex ikun aċċertat li l-ilma jkun tajjeb għax-xorb. Naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-ilma hu tajjeb għax-xorb.
Jista' l-Ministru jgħid fl-Isptar Monte Carmeli kemm hemm swali li għandhom l-arja kondizzjonata? Fl-istess sptar kemm hemm uffiċini li għandhom l-arja kondizzjonata? Meta hemm il-ħsieb li swali fl-isptar Monte Carmeli jkollhom l-arja kondizzjonata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Hemm żewġ swali li fl-Isptar Monte Carmeli għandhom arja kondizzjonata. Dawn huma l-FW2 fejn l-arja kondizzjonata kienet ġiet installata fl-1994 u s-secure unit ġewwa l-MW2 fejn l-arja kondizzjonata saret fil-bidu tas-sena 1999. Hemm ukoll 3 uffiċini li għandhom l-arja kondizzjonata. Fil-mument qiegħed isir xogħol ta` upgrading f'ħafna swali għalhekk għadu mhux magħruf meta se nkunu f'qagħda li nkunu nistgħu nagħmlu Air Conditions fis-swali kollha.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex id-Dipartiment tas-Sanita' jaġixxi kontra l-problema tal-ġrieden li teżisti madwar Blk A, Triq Bertha K. Ilg Ta' Ġiorni?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru spezzjonijiet mill-Ispetturi tas-Saħħa fl-area indikata u l-passi kollha meħtieġa, ttieħdu. Fit-tmienja u għoxrin ta' Ottubru 1999, sar ukoll trattament kontra l-ġrieden, madwar Blk.A, Triq Bertha K.IIg Ta' Ġiorni, minn uffiċjali tar-`Rodent Control Section' tad-Dipartiment tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jikkonsidra jekk jistax jinkludi l-marda Manic-Depressive Psychosis bħala waħda mill-mardiet li tiġi nkluża fi skeda V tal-mediċini b'xejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-proposta ta' l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata