Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12609 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk il-gvern jagħtix servizz ta' tagħlim fid-djar permezz ta' facilitator, jew xi servizz ieħor simili, lill-persuni b'diżabilita' li jkollhom 'il fuq minn 25 sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha servizz ta' tagħlim id-dar minn għalliema, għall studenti li għandhom bżonn dan is-servizz u li huma ta' eta' obligatorja kif stipulata fil-liġi ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kors tal-Bachelor of planning (Honours) organizzat mill-fakulta' ta' l-arkitettura, li kien reklamat mill-ktieb tal-guidance "Look before you leap" fil-junior college huwiex ser ikun miftuħ f'Ottubru li ġej fl-Universita' jew le, peress li hemm min qed jgħid li dan mhux se jkun miftuħ minkejja li diġa' reklamat fil-junior college?
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti, sena b'sena, li attendew il-junior college mis-sena 2001 'l hawn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti li attendew il-Junior College mis-sena 2001 kienu hekk:-
Sena L-ewwel sena It-tieni sena Total
2000-2001 1385 1128 2513
2001-2002 1503 1117 2620
2002-2003 1643 1185 2828
2003-2004 1657 1388 3045
2004-2005 1689 1473 3162
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' studenti, sena b'sena, li attendew l-Universita' mis-sena 2001 'il hawn u għal liema kors daħlu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser ngħaddi kopja lill-Onor. Membru bit-tagħrif dwar in-numru ta' studenti li kienu jattendu l-Universita' kors b'kors, sena b'sena, mis-sena 2001 sa llum.
Jista' il-Ministru jgħid meta tlesta l-lift fl-iskola primarja ta' Bormla? Kemm ġie jiswa u meta tħallas? Min kien il-kuntrattur li għamel dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-lift li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Membru, għadu ma ġiex installat. Tagħrif ieħor hu :
It-‘tender’ għal-dan il-‘lift’ (FTS 81/110-02) intrebaħ minn ‘Panta Marketing Limited’ għall-prezz ta' Lm 8009, u s'issa, wara li sar id-‘delivery’ ta' dan il-‘lift’, tħallset is-somma ta' Lm 5,606.30.
L-FTS kienet qiegħda f'negozjati mall-kumpannija ‘Kalaxlokk Co. Limited’ biex jinbena l-‘lift shaft’ għal dan il-‘lift’, iżda wara diversi skambji mad-Dipartiment tal-Kuntratti li ma setgħux jaċċettaw ir-rati li kienu qegħdin jiġu proposti mill-Kalaxlokk, ġie deċiż li jinħareġ ‘tender’ għall-bini ta' dan il-‘lift shaft’. Fil-fatt, dan it-‘tender’ intrebaħ, u x-xogħol fuq dan il-‘lift shaft’ mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-iskola primarja tal-Birgu hux se tingħalaq jew le? Kemm hija l-popolazzjoni ta' l-istudenti li qed jattendu f'din is-sena skolastika?
Response (GALEA, LOUIS)
Qatt ma kien hemm l-ebda ħsieb li tagħlaq l-iskola Primarja tal-Birgu.
Il-popolazzjoni ta' l-istudenti fl-iskola primarja tal-Birgu f'din is-sena skolastika 2004/5 hija hekk :
31 ta' Jannar 2005
Bniet Subien Total
Kindergarten 14 20 34
Primarja 53 60 113
Total 67 80 147
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11322, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-programm ta' xogħlijiet imsemmi fit-tweġiba mogħtija?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġett imsemmi fil-Mistoqsija Parlamentari 11322 huwa wieħed minn mijiet ta' talbiet oħra żgħar, ta' daqs medju jew kbar għal xogħolijiet differenti li jsiru minn żmien għal żmien minn diversi kapijiet ta' skejjel, u minn uffiċjali oħra fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Dawn ix-xogħolijiet jitwettqu fuq perjodu ta' żmien, meta jkun il-mument opportun u skond prioritajiet determinati minn diversi fatturi ewlenin fosthom sigurta', saħħa u urġenza.
Jista' il-Ministru jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġew riappuntati u min huma?
Jista' jgħid kemm diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ma ġewx riappuntati u min huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara għal liema kategorija ta' diretturi qed tirreferi, jiġifieri jekk hux għal Diretturi fis-Servizz Pubbliku jew għal diretturi ta' bordijiet ta' entitajiet pubbliċi. L-Onorevoli Interpellant għandha tiċċara ukoll liema perjodu qed tirreferi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11651, jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' studenti fl-iskema tal-ESTS u fl-iskema tat-TAS?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sa l-aħħar t'April 2005, in-numru ta' studenti fl-iskema tal-ESTS kien ta' 468, li minnhom 404 huma subien u 64 bniet. In-numru ta' studenti fl-iskema tas-TAS kien ta' 553, li minnhom 517 huma subien u 36 bniet.
Jista’ il-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-każ ta’ l-eżami tas-SEC tal-Lingwa Ingliża din is-sena kien hemm għażla minn tliet komponimenti biss? Ma jaħsibx li dan ma jagħtix għażla wiesgħa biżżejjed biex ikopri dak li jkopru l-istudenti waqt l-istudji tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat mill-Bord tal-MATSEC kif ġej :
Id-deċiżjoni dwar għażla mnaqqsa fil-komponiment fl-eżami tal-Lingwa Ingliża fil-livell tas-SEC hija bbażata fuq rakkomandazzjoni fil-letteratura internazzjonali li l-aħjar ma tingħata ebda għażla fl-assessjar tal-ħila fil-kitba. Din is-sena kien hemm għażla minn tlett tipi ta' kitba waqt li fis-sentejn ta' qabel l-għażla kienet minn erba' tipi.
B'għażla mnaqqsa ikun akatr faċli tikkompara l-kitba ta' eluf ta' kandidati u min jikkoreġi ikun jista' jagħti l-marki b'inqas suġġettivita'. Minbarra hekk b'għażla wiesa' jista' jkun hemm xi titli ta' komponimenti itqal minn oħrajn u min iwieġeb lilhom jista' jkun żvantaġġjat. Għażla kbira tfisser ukoll li xi kandidati jitilfu l-ħin fl-għażla, idumu biex jiddeċiedu u jżidu ma' l-istress li jkollhom.
Għażla wiesa' tista' tagħti l-lok lil xi studenti u għalliema biex iħallu barra xi tipi ta' kitba li hemm fis-sillabu għaliex fl-eżami wieħed dejjem jista' jolqot xi titlu ta' komponiment. Dan mhux fl-interess ta' l-istudenti għax jispiċċaw mill-iskola b'inqas ħiliet fil-kitba.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ordnati li jsiru riċevimenti fil-ministeru tiegħu għas-snin 2004 u 2005? Min kienu d-dolċiera, x'kienet l-okkażjoni u kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha ħafna li applikat għal permanent warrant ta' għalliema?
Huwa aċċettabbli li għadda dan iż-żmien kollu u l-applikazzjoni tagħha għadha ma ġietx ikkunsidrata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-applikazzjoni imsemmija diġa' ġiet konsidrata b'mod sħiħ. Hemm diffikulta' legali dwar il-perjodi ta' servizz u esperjenza ta' tagħlim da parti ta' l-individwu konċernat. Informat ukoll li qed jintalbu il-pariri meħtieġa dwar dan qabel il-materja tiġi deċiża b'mod definittiv.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12451 u jgħid kemm hemm studenti b'diżabilita' fl-universita', fl-MCAST, fil-junior college, fl-iskola Giovanni Curmi u fl-institute of health care?
Jista' jgħid ukoll fl-istituzzjonijiet hawn fuq imsemmija x'inhi l-popolazzjoni ta' l-istudenti kollha? Jista' jgħid x'sapport qed jingħataw dawn l-istudenti b'diżabilita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Universita' hemm 87 student, li jinkludu 4 fl-Institute of Health Care, li jiddikjaraw xi forma ta' diżabilita' minn fost popolazzjoni ta' 9457 student, filwaqt li fil-Junior College 23 student jiddikjaraw diżabilita' minn fost popolazzjoni ta' 3033 student. Id-diżabilita' dikjarata tvarja minn 'dyslexia' sa nuqqas ta' smigħ jew vista jew problemi ta' mobilita'.
L-għajnuna li tiġi mogħtija tiddependi minnn x'jeħtieġ l-istudent. B'mod ġenerali dawn l-istudenti jiġu mogħtija 'counselling' kif ikampaw ma' l-istudji tagħhom, għajnuna personali biex jagħmlu użu mir-riżorsi li għandhom bżonn għall-istudji (eż. għomja jiġu megħjuna fil-librerija; jiġu mogħtija 'tape recordings' ta' 'handouts' u mistoqsijiet ta' testijiet li jkunu assenjati lilhom) kif ukoll apparat sussidjat skond il-ħtiġijiet tagħhom.
Isiru għadd ta' arranġamenti waqt l-eżamijiet biex ikun żgurat li d-diżabilita' ma tkunx ostaklu għall-aċċess normali għall-karta ta' l-eżami f'kull każ ta' diżabilita'.
Kull sforz sar biex il-kampus ta' l-Universita' jkun totalment aċċessibbli għal persuni b'diżabilita' u dan hu hekk fil-maġġoranza kbira tal-każi. Dan sewa investiment sostanzjali u hemm pjanati xogħolijiet oħra.
Informat ukoll li hemm 82 student b'diżabilita' fl-MCAST minn poplazzjoni ta' 3617. Il-Kulleġġ għandu erba' facilitators u s-siegħat tagħhom jiddependi fuq il-kundizzjonijiet speċjali ta' l-istudenti. Il-facilitators jattendu l-klassijiet jew jgħinu l-istudent waqt 'free lessons'. Hemm ukoll programmi ddisinjati għall-individwi.
L-istudenti jingħataw ukoll l-għajnuna meħtieġa, pariri u għajnuna speċjali matul il-ġimgħa ta' l-eżamijiet u għall-eżamijiet ta' 'Overseas Examining Boards'.
L-istudenti li qegħdin fil-'Pathway to Independent Living Course' jattendu l-Kulleġġ tlett darbiet fil-ġimgħat. Għandhom facilitator magħhom il-ħin kollu. L-għan ta' dan il-programm hu biex jgħin l-istudenti b'intellectual impairment jitgħallmu l-ħiliet biex ikomplu bil-ħajja tagħhom ta' kuljum.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' warrants li ngħataw fl-aħħar ċerimonja li ġiet organizzata f'Marzu li għadda? Kemm minn dawn il-warrants ġew mogħtija fuq bażi ta' snin ta' esperjenza? Kemm minn dawn il-warrants ngħataw lill-gradwati tal-PGCE? Kemm minn dawn il-warrants ngħataw lill-gradwati ta' l-MA? Kemm minn dawn il-warrants ngħataw lill-gradwati ta' l-Msc? Kemm minn dawn il-warrants ġew mogħtija lill-gradwati tal-B.Ed.?
Fid-dawl tal-fatt li numru konsiderevoli minn dawn il-warrants ngħataw lil gradwati ta' l-MA u l-Msc., jista' il-Ministru jgħid jekk huwiex kuntent bil-fatt li daqstant warrants qed jingħataw lill-individwi li m'għandhomx it-taħriġ neċessarju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar ċerimonja ta' l-għoti tal-Warrants lill-għalliema, ingħataw total ta' 229 warrant. Minn dawn 32 warrant ingħata fuq bażi ta' snin ta' esperjenza; 39 kienu gradwati tal-PGCE; 34 kellhom l-MA; 13 kienu gradwati bl-MSc u 102 gradwati tal-B.Ed. Kien hemm ukoll 2 bl-M.Ed u 7 kellhom Dottorat.
Dawn il-warrants kollha nħarġu skond l-Att ta' l-Edukazzjoni.
Jista' il-Ministru jinformana jekk il-konsulenti legali waslux għal xi tip ta' konklużjoni dwar jekk f'Malta hawnx diskriminazzjoni ma' players professjonali ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ma jistgħux jeżerċitaw b'mod kompletament liberu l-professjoni tagħhom? Jista' jgħid jekk il-ministeru rċeviex xi tip ta' komunikazzjoni minn Brussels fuq dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li ma jirriżultalix li s'issa l-Ministeru rċieva xi tip ta' kommunikazzjoni minn Brussels fuq is-suġġett tal-Mistoqsija, lanqas ma jirriżulta l-allegata diskriminazzjoni stante li l-Istat Malti la għandu kontroll u lanqas superviżjoni fuq l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Football.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inkitbu qarrejja ġodda fil-librerija taż-Żejtun fix-xhur ta' Frar, Marzu u April 2005 u kif dan jikkompara ma' libreriji lokali oħrajn f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu kotba mil-librerija lokali taż-Żejtun matul ix-xhur ta' Frar, Marzu u April 2005 u kif dan jikkompara ma' libreriji oħrajn f'Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi is-self ta' kotba mill-fergħat ta' Malta u Għawdex bejn Frar, Marzu u April.