Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru lockers fl-iskola ta' Maria Reġina Ħamrun, meta l-istudenti tal-form 5 f' din l-iskola ilhom sentejn li ħallsu Lm10 u sal-lum għadhom bla lockers, meta fil-fatt dalwaqt se joħorġu mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-lockers fil-Junior Lyceum Maria Reġina ilhom jeżistu u jintużaw għal xi snin. Fil-bidu ta' kull sena skolastika l-istudenti jiġu assenjati locker fil-klassi jew fil-kuridur l-aktar viċin tal-klassi li jkunu qegħdin jużaw fis-sena kurrenti. Sad-9 ta' Ottubru 2001, l-istudenti kollha tal-Form 5 ġew assenjati l-lockers li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom din is-sena skolastika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-siġar li nqalgħu dan l-aħħar mill-Marsa tneħħewx bil-permess fil-awtoritajiet konċernati?
Jista' jgħid ukoll x' sar minnhom dawn is-siġar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dan l-aħħar inżabru xi siġar fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Xi friegħi mejta inqatgħu waqt l-istess eżerċizzju. Ma jirriżultax li nqalgħu xi siġar ħajjin.
Jista' l-Ministru jgħid matul l-istaġun 2000 - 2001, kemm saru laqgħat mill-Malta Racing Club għall-owners u l-membri?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru żewġ laqgħat mill-Malta Racing Club għall-owners u l-membri.
Ta' min jgħid li l-Kumitat tat-Tmexxija tal-Malta Racing Club hemm rappreżentanti ta' l-owners / membri magħżula mill-istess 'owners' wara sejħa għal dan l-iskop. B'hekk l-owners u l-membri għandhom vuċi kontinwa fil-laqgħat tal-Kumitat.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex ġew impjegati aktar ħaddiema fil-Pixxina, meta kien intqal li sakemm titwaqqaf il-kumpanija li ser tmexxi l-Pixxina mhux ser jiġu mpjegati aktar nies?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ġie mpjegat ħaddiem part-time fil-gym. Din il-ħtieġa inħasset minħabba ż-żieda fis-sħubija ta' nies li jiffrekwentaw il-gym. Ġew impjegati wkoll żewġ cleaners wara li ttieħdet deċiżjoni li x-xogħol ta' tindif isir min-nies li jkunu taħt il-kontroll tal-Pixxina. Wieħed japprezza li l-użu tal-Pixxina qiegħed dejjem jiżdied u jekk tinħass il-ħtieġa li jiġu mpjegati aktar nies ma tistax tistenna sakemm jiġu finalizzati l-formalitajiet kollha sakemm tibda topera l-kumpanija.
Jaf l-Ministru li l-plakka kommemorattiva ta' l-ex Prim Ministru Taljan Francesco Crispi twaħħlet erronjament fuq dar li ġġib in-numri 25/26 Triq il-Kbira, Tarxien u mhux fuq id-dar indikata fir-risposta li hu kien tani għal mistoqsija parlamentari nru. 25713 (seduta 37) jew fl-invit li nħareġ għall-okkazjoni tal-kxif ta' din il-plakka? Infurmat l-Ministru li jidher li n-numri tad-dar fejn kien jgħix f'Ħal Tarxien l-imsemmi ex-PM Taljan fil-fatt jidher li ġew erronjament ddupplikati fuq il-fond fejn attwalment twaħħlet din il-plakka?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-problema ta' liema dar attwalment għex fiha Francesco Crispi ġiet solvuta permezz ta' riċerka f'dokumenti depożitati f'Malta, kitba ta' storiċi Maltin u ritratt ipprovdut min-neputi ta' Francesco Crispi li jgħix fl-Italja. Dan minħabba li matul iż-żmien in-numri ta' bibien ta' Triq il-Kbira Tarxien ġew mibdula kemm-il darba u per konsegwenza wieħed ma' jistax jorbot fuq in-numri eżistenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħata xi sussidju fuq il-prezz tal-biljetti tal-karozzi tal-linja għall-żgħażagħ li jattendu l-Universita' u li jkollhom biss Lm 60 stipdenju?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm nuqqas ta' għalliema fl-iskola E. Serracino Inglott Bormla għas-suġġetti tal-Fiżika (Form 3) u H. Economics (Form 5)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema li ntbagħtu ma aċċettawx li jaħdmu fl-iskejjel ta' l-Istat. Qed jittieħdu l-passi biex dawn il-vakanzi jimtlew b'għalliema oħra.
Jista' l-Ministru jgħid b' riferenza għat-tweġiba għal PQ 28588, jista' fil-fond imsemmi, użat mill-Floriana Service Citizens jgħaddi f' idejn l-istess għaqda?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għandha korrispondenza għaddejja mad-Dipartiment ta' l-Estates Management biex l-ewwel tirregolarizza l-pożizzjoni tal-fond numru 46/47, Triq San Publiju, Floriana, skond il-liġi. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed tistenna l-pariri mitluba.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk saritx talba mill-iskola F.X. Attard tal-Marsa biex jintbagħat teacher ieħor tal-Maths għall-Form 3? Jekk saret din it-talba hemm possibilta' li dan it-teachers jintbgħat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iskola sekondarja tal-Marsa "FX Attard" għandha l-għalliema tal-Matematika meħtieġa biex jgħallmu lill-klassijiet kollha, inkluża l-Form 3. Informat li t-talba li jintbagħat għalliem ieħor extra fl-iskola ma ġietx aċċettata.
Jista' l-Ministru jindaga biex jara fiex wasal il-proċess ta' konsultazzjoni bejn il-Kunsill Lokali Paola u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni dwar it-talba ta' diversi ġenituri li t-tfal tagħhom jattendu l-iskola Ġuże D' Amato f' Raħal Ġdid sabiex dawn l-istudenti jkollhom aċċess u dritt jużaw il-ground ta' Pace Grasso (Paola) fil-ħin tal-break stante li l-iskola tagħhom m' għandhiex ground daqshekk kbir u ma tinsabx 'il bogħod mill-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din il-kwistjoni ilha tiġi segwita mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari. L-iskejjel tal-lokal kienu ilhom għal dawn l-aħħar 7 snin ma jitħallewx jagħmlu użu mill-Ground ta' Pace Grasso minħabba li l-Malta Football Association kienet qegħda tinsisti li tiġi kompensata mill-istess skejjel għall-użu tal-ground. Fuq inizjattiva personali tas-Segretarju Parlamentari, saru diversi laqgħat kemm mal-Malta Football Association u kemm ma' l-awtoritajiet ta' l-iskejjel konċernati.
Informat li issa ntlaħaq ftehim sabiex l-iskejjel jitħallew jagħmlu użu mill-ground mingħajr ħlas waqt il-ħinijiet ta' l-iskola. F'dawn il-ġranet ġiet preparata time table ta' kif ser jintuża l-ground mill-awtoritajiet u l-istudenti ta' l-iskejjel. Hu ttamat li dan il-programm jidħol fis-seħħ fil-ġranet li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir il-Maritime Licence Course f'Għawdex, mill-Maritime Institute (MSAST); li ċertifikat tiegħu qed jiġi mitlub mill-Awtorita' Marittima biex wieħed ikun jista' japplika għall-liċenzja biex ikun jista' kopera opra tal-baħar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Istitut Marittimu ta' l-MCAST għandu l-ħsieb li jagħmel kors f'Għawdex li jwassal għal ċertifikat li qed jiġi mitlub mill-Awtorita` Marittima biex wieħed ikun jista' japplika għal-liċenzja biex wieħed ikun jista' jopera opra tal-baħar.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fid-dawl tar-ristrutturar li jrid isir fil-PBS u l-fatt li ċ-Chairman tal-PBS riċentement kien wiegħed li ħadd mill-ħaddiema tal-PBS m' hu se jitlef l-impjieg tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jidhrilix li xi ħadd qatt ta l-assikurazzjoni fit-termini kif poġġiha l-Onor. Membru.
Il-proċess ta' ristrutturar fil-PBS Ltd, li qed isir fuq ir-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force imwaqqfa apposta, m'għandux bħala skop li l-ħaddiema jitilfu l-impjieg tagħhom, imma li l-Kumpannija ssir waħda vijabbli. L-impjieg tal-ħaddiema jista' jiġi assigurat fil-futur fin-numru skond il-vijabilita` u kemm il-darba r-ristrutturazzjoni titwettaq kif meħtieġ.
Li n-numru ta' impjegati fil-PBS kif inhu llum huwa wieħed li mhux sostenibbli u li jrid jonqos huwa fatt aċċettat minn kulħadd.
Parti mill-proċess ta' ristrutturar jikkonsisti fi "Skema ta' Irtirar Kmieni" li permezz tagħha numru ta' impjegati jirtiraw u b'hekk il-kumpannija jkollha n-numru ta' impjegati skond il-ħtieġa tax-xogħol li jkollha fil-qasam tax-xandir pubbliku u skond il-parametri tal-vijabilita` tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema skejjel għadu għaddej xogħol ta' bini, tiswija u manutenzjoni? X'inkonvenjent qed joħloq dan ix-xogħol għall-istudenti u l-għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent qed isir xogħol ta' bini, tiswija u manutenzjoni fl-iskejjel li ġejjin:
Primarja, Attard
Skola Speċjali, Ħamrun
Primarja, Ħal-Luqa
Primarja, Mġarr
Primarja, Gżira
Primarja, Dingli
Primarja, Bormla
Primarja, Żejtun B
Primarja, San Bastjan A, Qormi
Primarja, San Bastjan B, Qormi
Liċeo tal-Bniet Santa Luċija
Liċeo tal-Bniet, Sandhurst
Skola tas-Subien, Mtarfa
Skola Sekondarja tas-Subien, Marsa
Santa Tereza, Junior Lyceum, Mrieħel
Fil-Kumpless tal-Qrendi
Skola Stefano Żerafa, Naxxar
Ġejt assigurat li dan ix-xogħol mhux qed joħoloq inkonvenjent la għall-istudenti u l-anqas għall-għalliema u li l-proċess tat-tagħlim jista' jibqa' għaddej bla tfixkil.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jiggradwaw studenti fil-B.Ed u fil-PGCE f'Novembru li ġej suġġett b'suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li se jiggradwaw f'Novembru, 2001 B.Ed (Hons) u PGCE, suġġett b'suġġet huwa kif se nsemmi:
PGCE B.Ed.
Business Studies 11 Art 2
History 6 Biology 9
Maltese 9 Chemistry 4
Religion 4 Computer Studies 14
Science 6 English 12
Personal & Social Educ. 26 French 8
Drama 1 Geography 4
English 9 German 7
French 5 History 6
Computer Studies 1 Home Economics 11
Italian 5 Italian 8
Social Studies 5 Maltese 15
Gorgraphy 1 Mathematics 21
Music 3
Total 86 P.E. 14
Primary 74
Religion 13
Spanish 3
Technical Subjects 8
Total 242
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnhom l-għalliema li kellna fil-qasam post-sekondarja? X'xogħol qed jagħmlu f'din is-sena skolastika? Kemm marru mal-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li 77 mill-għalliema li kienu jagħtu servizz fl-iskejjel Post Sekondarji li issa saru r-responsabilta` ta' l-MCAST, ingħaqdu ma' l-istaff tal-Kulleġġ.
L-għalliema li jew ma applikawx jew li ma ntgħażlux biex jiffurmaw parti mill-MCAST, ingħataw transfers fil-postijiet vakanti li kien hemm fl-iskejjel Post Sekondarji jew Sekondarji jew f'Istituzzjonijiet oħra edukattivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien persuni mpjegati s'issa mal-MCAST? Kemm istitut b'istitut? Kemm hemm staff amministrattiv? B'liema kundizzjonijiet tax-xogħol u salarji f'kull każ? Istitut b'istitut. Kemm hemm staff akkademiku? B'liema kundizzjonijiet u salarji f'kull każ? Istitut b'istitut? Kemm hemm staff mhux akkademiku? B'liema kundizzjonijiet u salarji f'kull każ? Institut b'istitut?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bin-numru ta' impjegati ma' l-MCAST minn Jannar sa Settembru qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Is-salarju u l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma dawk ippublikati mas-sejħiet għal postijiet vakanti.
Kopji tal-kuntratti huma aċċessibli għal persuni awtorizzati biex jarawhom.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 28372, x'salarji qed jitħallsu l-erba' persuni msemmija? Jinsabu fuq kuntratt definit jew indefinit? Liema f'kull każ? Għal kull post li mtela' minn dawn l-erba' persuni, kemm kien hemm applikazzjonijiet minn persuni oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Isem Impjieg Sena Kuntratt Grad Applikazzjonijiet
Edmond Buhagiar full-time 1999 indefinit Asst. Exec. 1
Michael Refalo full-time 2001 indefinit Asst. Exec. 9
Nadine Cauchi full-time 2001 indefinit Asst. Exec. 9
Wilfred Kenely full-time 2001 definit Chief Exec. 12
Ġejt mogħti l-parir li minħabba li n-negozjati ta' membri ta' l-istaff ta' l-MCST għadhom mhux kollha magħluqin, ma jkunx prudenti li tingħata informazzjoni dwar is-salarji f'dan l-istadju.