Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #7847 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Politika kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk għadux isegwi l-politika kulturali kif imnedija fl-2011?Jista’ jinforma lill-Kamra x’inhi l-linja ta’ policy li l-Gvern preżenti qed jieħu fil-qasam kulturali, u b’mod partikolari xi strateġiji qed isegwi għar-rigward tas-setturi kulturali speċifiċi biex tkun implimentata l-politika kulturali nazzjonali?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-linja ta’ policy li l-Gvern preżenti qed jieħu fil-qasam kulturali hija mfassla fuq il-Manifest Elettorali li jirrifletti wkoll il-prinċipji bażiċi tal-politika kulturali nazzjonali. Il-qafas ta’ governanza kulturali, l-edukazzjoni kulturali u kreattiva, il-proċess ta’ professjonalizazzjoni, il-ħidma mal-kommunitajiet u d-diversità kulturali, flimkien mal-proċess ta’ promozzjoni internazzjonali, huma integrati f’dan il-pjan. Dawn huma bbażati fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali għall-espressjoni kreattiva u l-aċċess tal-kultura għall-kulħadd. B’żieda ta’ finanzjament ta’ 12% mill-baġit tal-2013, il-Gvern huwa impenjat b’ħidma strateġika għas-setturi kulturali u kreattivi.
Leg 12 PQ #7848 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Settur kulturali — promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kif il-Gvern beħsiebu jippromwovi l-arti u l-professjonalizazzjoni fis-settur kulturali?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-promozzjoni tal-arti u l-professjonalizazzjoni fis-setturi kulturali u kreattivi huma integrati fi programm ta’ azzjoni usa’ li fuq livell immedjat qed jindirizza: • Governanza kulturali aktar effiċjenti u dinamika bi prijorità favur ir-rwol strateġiku tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura li taħt l-aħħar amministrazzjoni kien qed jaħdem fuq festivals u mhux fuq l-aspetti mitluba bil-liġi. • Business plans mill-entitajiet kulturali kollha biex il-programmi tagħhom jirriflettu l-pjan nazzjonali għall-kultura. • It-twaqqif ta’ Direttorat għall-Kultura fi ħdan il-Ministeru għall-implimentazzjoni, il-moniteraġġ, u t-tiġdid tal-politika kulturali, kif ukoll il-kollaborazzjoni u l-ħidma kulturali tal-Gvern fuq livell interministerjali. • L-investiment f’edukazzjoni kulturali u kreattiva, fosthom bidu ta’ programm ta’ taħriġ f’oqsma tekniċi minn entitjajiet bħall-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita’ u l-Fondazzjoni Valletta 2018. • Il-programmi ta’ fondi għal proġetti kulturali fl-iskejjel u għall-partecipazzjoni kulturali fost l-istudenti li qed jingħaqdu ma’ programm ta’ taħriġ għall-għalliema u l-artisti interessati jaħdmu f’dan il-qasam. • Għajnuna lill-intrapriżi kulturali u kreattivi permezz ta’ konsolidazzjoni ta’ finanzjamenti pubbliċi li jħarsu l-interessi tas-setturi kollha kulturali u kreattivi u servizz ta’ brokerage lill-industrija permezz ta’ one-stop shop li ser iseħħ fil-Kunsill. Dan jinkludi wkoll il-ħidma fuq l-ekonomija kreattiva. • L-iżvilupp ta’ festivals u attivitajiet kulturali ġodda biex jinkoraġġixxu parteċipazzjoni akbar mill-operaturi kulturali. • Il-ħolqien ta’ Hub Kulturali mħabbar fil-Baġit 2014 li ser joffri spazji u opportunitajiet lill-artisti u organizazzjonijiet kulturali fl-iżvilupp tax-xogħol tagħhom. • Ħidma fuq livell internazzjonali permezz ta’ programmi bilaterali, parteċipazzjoni attiva f’networks internazzjonali mill-entitajiet pubbliċi kulturali u impenn akbar lejn l-involviment ta’ msieħba Maltin fil-programm Ewropa Kreattiva. • It-twaqqif ta’ Kumpanija Nazzjonali taż-Żfin u l-proġett ta’ Spazju Internazzjonali għall-Arti Kontemporanja mħabbra fil-Baġit 2014. Dawn il-proġetti importanti huma mnebbħa mill-aspirazzjonijiet internazzjonali ta’ Malta.
Leg 12 PQ #7849 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Qasam kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif min-naħa waħda s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura qed jgħid li se jżomm ’il bogħod (arms length) mill-qasam kulturali u fl-istess ħin iħabbar li beħsiebu jorganizza diversi festivals?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kultura jħaddan il-prinċipju ta’ arms length fit-tiswir u l-implimentazzjoni ta’ proġetti kulturali bħall-festivals, qed jagħti l-għajnuna kollha possibbli fit-tnedija ta’ inizjattivi ġodda bil-għan li eventwalment dawn jitmexxew mill-entitajiet kulturali fi ħdan id-dekasteru tiegħu.
Leg 12 PQ #7850 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

V18 — marketing

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ispejjeż li saru mill-fondi allokati għall-V18 fuq marketing’inkluż reklami, b’elenku ta’ kemm u lil min saru l-ħlasijiet differenti?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7851 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MCCA – pjan strateġiku

Question

B’referenza għall-intervista li ċ-ċermen tal-MCCA ta lil ‘The Times’ fejn qal li qed jipprepara dokument importanti ħafna – il-pjan strateġiku għall-2014 - imma fl-istess intervista jgħid ukoll li l-MCCA qed jibdel l-istruttura tiegħu iżda mhux ċert it-tibdil x’se jkun, jista’ l- Ministru jispjega preċiżament fiex jikkonsisti d-dokument li qiegħed jipprepara dan iċ-ċermen?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pjan ta’ tibdil fl-istruttura tal-entità se jitħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Kultura fil-ġranet li ġejjin. Il-pjan strateġiku msemmi miċ-ċermen huwa marbut ma’ din it-tħabbira u se isegwi fuq din id-direttiva.
Leg 12 PQ #7852 Sitting 120 2014-02-17 Oral · Final From: FRANCIS ZAMMIT DIMECH To: Ministeru għat-Turiżmu

V18 – tneħħija ta’ diretturi artistiċi

Question

Wara li tneħħew id-diretturi artistiċi ta’ V18 fuq il-bażi li l-pożizzjoni tagħhom ma kenitx baqgħet tenibbli, jista’ l-Ministru jispjega x’irid ifisser meta jgħid li dik il-pożizzjoni ma baqgħetx tenibbli? Jista’ jinforma lill-Kamra x’qed isir minflok, min hemm illum assoċjat mal-miri ta’ V18, jekk sarux laqgħat mad-diretturi artistiċi qabel tneħħew biex wieħed jara kif dak li kien proġettat se jitkompla wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, x’kordinazzjoni hemm illum fuq l-istess miri ta’ V18, u x’qed ikun ippjanat bħala legat kulturali mill-istess proċess tal-V18?

Response (VELLA, KARMENU)

Id-deċiżjoni li ma jiġġeddux il-kuntratti tad-diretturi artistiċi (APDs) li servew mal-Fondazzjoni Valletta 2018 matul l-2013 ittieħdet unanimament mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata primarjament fuq l-esperjenza tal-Fondazzjoni ta’ kif ħadmu matul il-perjodi tal-kuntratt tagħhom. Instab li l-mekkaniżmu ta’ direzzjoni artistika li kien qed jiġi addottat mill-Fondazzjoni ma kienx tenibbli mil-lat finanzjarju. Dan għax l-ispiża għad-diretturi artistiċi kienet sinifikanti tant li ftit kien għad baqa’ riżorsi finanzjarji biex jaħdmu. F’dan ir-rigward saru numru ta’ laqgħat mad-diretturi artistiċi fejn ħareg b’mod ċar ukoll li minkejja l-isforzi ta’ wħud minnhom, kien hemm nuqqas ta’ direzzjoni u koordinazzjoni. Fiż-żmien li ġej, il-Fondazzjoni ser tkun qed tħabbar id-direzzjoni li ser tkun qed tieħu dwar l-għażla u x’tip ta’ Direttur Artistiku għandu jkollha b’rabta ma’ dak li hu mistenni mill-Fondazzjoni Valletta 2018. Ir-responsabbilta’ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 hija dik li tara riġenerazzjoni tal-Belt Valletta kollha kemm hi mill-aspett ekonomiku, soċjali u kummerċjali kif ukoll programm kulturali apposta li jwassal għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.
Leg 12 PQ #7316 Sitting 119 2014-02-12 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – Żoni Turistiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema żoni huma kklassifikati bħala żoni turistiċi f’pajjiżna? X’għajnuniet irċevew is-sena l-oħra l-kunsilli lokali ta’ dawn iż-żoni mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba bbażata fuq is-sena 2013, qabel il-formazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi.
Leg 12 PQ #7556 Sitting 119 2014-02-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Diċembru 2013 xi skemi ġodda saru biex jiġu megħjuna l-kunsilli lokali fil-ħidma tagħhom? Kemm ibbenefikaw kunsilli lokali taħt kull skema? Kemm kien l-ammont li ngħata kull kunsill lokali taħt kull skema?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7562 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Interim From: CARMELO ABELA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-kumpanija Air Malta illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant nkun nista’ nippreżentaha f’xi seduta oħra. Sadanittant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kumplament tal-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għall-perjodu in kwistjoni.
Leg 12 PQ #7682 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Qawra – Triq Annetto Caruana — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħa jew se jieħu l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar biex il-ħsarat li hemm fi Triq Annetto Caruana, il-Qawra u f'toroq oħra jiġu msewwija? B'mod partikulari għal dak li jirrigwarda Triq Annetto Caruana, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ttieħdu sabiex wara li sar ix-xogħol fl-istess triq, ma jibqgħux je¿istu l-ħofor li hemm u li huma ta' periklu għas-sewwieqa?

Response (VELLA, KARMENU)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li minn spezzjoni li saret fit-triq imsemmija jirriżultaw xi ħsarat konsegwenza ta’ xogħlijiet f’sit ġdid ta’ kostruzzjoni fl-inħawi. Infurmat ukoll li l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar se jagħmel il-manutenzjoni meħtieġa.
Leg 12 PQ #7693 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — top Management Positions

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7491, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuni li kienu jokkupaw top management positions fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għat- Turiżmu, u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada, fil-perjodu in kwistjoni huma kif elenkati hawn taħt: Grad Segretarju Permanenti Direttur Turiżmu Direttur Servizzi Korporattivi - MTA CEO – Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti CEO – Istitut għall-Istudji Turistiċi Head of Acedmic Staff - Istitut għall-Istudji Turistiċi Il-persuni li huma f’top management position mid-9 ta’ Marzu 2013 s’issa huma appuntati fil-gradi kif ġej: Grad CEO – Heritage Malta Direttur Turiżmu Direttur għall-Implimentazzjoni tal-Programmi Direttur - Kultura Chairman Eżekuttiv – Malta Philarmonic Orchestra Assistent Direttur – Dipartiment tal-Gvern Lokali Designate Kap Eżekuttiv – Air Malta
Leg 12 PQ #7707 Sitting 118 2014-02-11 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsilli lokali — għoti ta' fondi speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment għall-Gvern Lokali hux beħsiebu joħroġ skema għall-għoti ta' fondi speċjali lill-kunsilli lokali matul is-sena 2014? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta hi mistennija li titnieda din l-iskema u x'se jkun il-budget allokat għaliha?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-intenzjoni tas-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi hija li jkomplu jinħarġu l-iskemi matul din is-sena. Iżda għad hemm numru ta’ skemi li jmorru lura sas-sena 2010 li għadhom mhux konklużi, u li l-ispiża tagħhom trid tinġarr minn dan il-vot, peress li l-amministrazzjoni ta’ qabel ma kienetx ipprovdiet għalihom. Hekk kif inkunu kkonkludejna dawn l-iskemi, li se nippruvaw nagħlquhom sa l-aħħar ta’ Ġunju, inkunu f’pożizzjoni li niddeterminaw xi skemi se nkomplu noħorġu.
Leg 12 PQ #7384 Sitting 117 2014-02-05 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7045 u jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #7521 Sitting 117 2014-02-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar – talbiet għal zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet għal zebra crossing li saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li għalkemm ġew approvati minn Transport Malta, baqgħu ma sarux? X’inhi r-raġuni għal dan? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li saret bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali u għal kull waħda minn dawn it-talbiet kemm dawk li ġew approvati/rifjutati jew li għadhom la ġew approvati u lanqas rifjutati?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li jirriżulta li kien hemm zebra crossings li kienu approvati minn Transport Malta u għadhom ma sarux minħabba raġunijiet finanzjarji. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha relatata.
Leg 12 PQ #7166 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jitwettqu minn fondi Ewropej?

Response (VELLA, KARMENU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel il-mistoqsija lil Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #7387 Sitting 116 2014-02-04 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – lukandi u stabbilimenti tal-irqad

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ sodod li hemm f’kull lokalità f’Malta u Għawdex għal dak li jikkonċerna lukandi u stabbilimenti oħra tal-irqad, skont il-kategorija li l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta tirreġistra din l-akkomodazzjoni? Kemm kien in-numru ta’ persuni li raqdu f’dawn l-istabbilimenti, lokalità lokalità matul l-2013?

Response (VELLA, KARMENU)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika mitluba dwar in-numru ta’ sodod li hemm f’kull lokalitá f’Malta u Għawdex għal dak li jikkonċerna Lukandi, Guest Houses, Hostels u Villaġġi Turistiċi. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax ċifri dwar iljieli li jqattgħu persuni f'lokalitajiet differenti u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi pprovduta.
Leg 12 PQ #7091 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Interim From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6890 u jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu mid-9 ta' Marzu 2013 sad-9 ta' Jannar 2014?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #7324 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Allokazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija l-allokazzjoni ta’ kull kunsill lokali għas-sena 2014? Jista’ jagħti kemm se tonqos jew tiżdied l-allokazzjoni ta’ kull kunsill f’din is-sena meta mqabbel mas-sena 2013?

Response (VELLA, KARMENU)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #7325 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għat-Turiżmu

Iċ-Ċittadella – Proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew jew kemm hu stmat li se jiswa l-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea li qed jiġi implimentat fiċ-Ċittadella f’Għawdex taħt ERDF 39 – restawr u riabilitazzjoni tal-fortifikazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex li kien jikkonsisti fil-konsolidazzjoni tal-blat li fuqu hija mibnija ċ-Ċittadella u r-restawr tal-ħitan tal-fortifikazzjoni taċ-Ċittadella? Min qed jagħmel dan ix-xogħol? Kemm kien sottomessi offerti għal dan ix-xogħol u x’kien il-valur ta’ kull offerta? Meta hu mistenni li jintemm dan il-proġett?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ konsolidazzjoni tal-blat li fuqu hija mibnija parti miċ-Ċittadella u r-restawr tal-ħitan sovrastanti sewa €3,086,269.61 (VAT eżkluż). Ix-xogħol twettaq mill-Joint Venture CG2011. Għal dan ix-xogħol kienu ġew sottomessi total ta’ erba’ offerti kif ġej: · CG 2011 Joint Venture - €3,054,668.45 (VAT eżkluż) · BED Joint Venture - €3,181,006.75 (VAT eżkluż) · BMV Joint Venture - €4,797,418.40 (VAT eżkluż) · Ballut Blocks Services Ltd. – l-offerta finanzjarja f’dan il-każ ma kienetx infetħet peress li l-offerta teknika ma kienetx konformi mar-rekwiżiti tat-tender. Ix-xogħol ta’ restawr tas-swar u konsolidazzjoni tal-blat fuq is-sit tlesta f’Diċembru tas-sena l-oħra. L-kuntrattur għad baqgħalu però l-obbligu taħt l-istess kuntratt li jagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni għas-sentejn li ġejjin. Il-progett tar-restawr taċ-Ċittadella ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm ta’ fondi ERDF039 kellu wkoll tlett komponenti oħra: l-eżekuzzjoni ta’ dokumentazzjoni (2D u 3D) tal-fortifikazzjonijiet taċ-Ċittadella; ir-restawr tal-linja tas-swar li tħares lejn in-naħa tal-art (landfront bastions) u l-għoti ta’ servizz ta’ konsulenza ġeoteknika fuq il-konsolidazzjoni tal-blat sottostanti ċ-Ċittadella.
Leg 12 PQ #7343 Sitting 115 2014-02-03 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għat-Turiżmu

Tournament tal-Football ta’ taħt is-17-il sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun l-involviment tas-segretarjat responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali fl-organizzazzjoni tat-tournament tal-football ta’ taħt is-17-il sena li l-UEFA se tkun qed torganizza f’Malta aktar tard din is-sena? Jekk se jkun hemm appoġġ finanzjarju,jista’ jgħid kemm se jkun qed jammonta u mil-liema vot se jkun qed jittieħed?

Response (VELLA, KARMENU)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-involviment tas-Segretarjat responsabbli mill-Kultura u l-Gvern Lokali fil-kampjonat tat-tournament tal-football ta’ taħt is-17-il sena tal-UEFA li ser isir f’Malta f’Mejju li ġej huwa permezz tal-appoġġ li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ser tkun qed tagħti lill-MFA fl-organizzazzjoni. Dan l-appoġġ huwa marbut mal-livell kulturali, ċelebrattiv u ta’ komunikazzjoni tal-programm tal-MFA għal din l-attivita. L-ammont finanzjarju huwa ta’ massimu ta’ ħmistax-il elf (€15,000) Ewro u huwa meħud mill-vot lill-Fondazzjoni Valletta 2018.