Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ġbir ta' skart mill-baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet madwar Malta qed ikun hemm ġbir ta' skart mill-baħar, liema skart ikun ġej minn kurrenti li jwaddbu l-materjal fid-direzzjoni tax-xtut tagħna? Kemm kien l-ammont ta' skart li nġabar mill-baħar, matul l-aħħar tliet xhur?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament il-materjal ta’ skart li jiġi depożitat illegalment fil-baħar, jinġabar mill-art mill-ħaddiema tad-Direttorat għat-Tindif permezz ta’ kopp, ladarba dan ikun daħal mal-kurrenti tal-baħar. Matul din is-sena sar investiment sabiex mis-sajf li ġej dan jibda’ jinġabar permezz ta’ qoxra tal-baħar li sal-lum qatt ma kienet għad-dispożizzjoni tad-Direttorat għat-Tindif. Matul l-aħħar 3 xhur, inġabru 106 tunellata ta’ skart mill-bajjiet tagħna, kif ukoll tneħħiet madwar 3,615 tunellata ta’ alka.

Opri tal-baħar liċenzjati — ġarr ta' passiġġieri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' opri tal-baħar li huma liċenzjati biex iġorru l-passiġġieri f'Malta u Għawdex? Minn liema lokalitajiet huma liċenzjati li joperaw dawn l-istess dgħajjes? Kemm hu n-numru totali ta' passiġġieri li hu kklakulat li jistgħu jinġarru minn dawn l-istess opri tal-baħar? Kemm hu n-numru ta' dgħajjes, hekk liċenzjati għal kull lokalità?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' opri tal-baħar li huma liċenzjati biex iġorru l-passiġġieri f'Malta u Għawdex huwa ta’ 933. In-numru totali ta' passiġġieri li hu kkalkulat li jistgħu jinġarru minn dawn l-istess opri tal-baħar huwa ta’ 10,976. Minħabba li l-liċenzji tal-operaturi ma jispeċifikawx il-lokalita’ minn fejn dawn jistgħu joperaw, din l-informazzjoni ma tistax tingħata.

Public Service Garages — vetturi liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' public service garages li huma liċenzjati li joperaw minn kull waħda mil-lokalitajiet tat-12-il distrett elettorali? Kemm hu n-numru ta' vetturi li huma hekk liċenzjati skont il-kategoriji differenti li huma liċenzjati biex joperaw bħala vetturi tal-kiri? Kemm hu n-numru ta' vetturi li huma liċenzjati bħala minibuses fuq dawn l-istess garaxxijiet? Kemm hu n-numru ta' chaufeur driver vehicles li huma liċenzjati ma' dawn l-istess garaxxijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mosta – Triq il-Fuħħar – xogħlijiet fuq it-triq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li ssir Triq il-Fuħħar il-Mosta? Jista’ jgħid jekk mill-moniteraġġ li jsir, jirriżultax li l-barriera qrib il-housing estate ta’ Santa Margerita, il-Mosta, qed tagħmel użu minn splussivi iktar qawwija milli tippermetti l-liġi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq la hija arterjali ,la distributorja u lanqas ma hi triq residenzjali ġdida. Għaldaqstant ma taqax taħt ir-responsabbilta' ta' Transport Malta. Għat-tieni parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment tal-Cleansing — ġbir ta' skart mill-inħawi taż-Żonqor f'Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabar skart (tunnellati) mormi b'mod illegali mid-Dipartiment tal-Cleansing fl-inħawi taż-Żonqor f'Wied il-Għajn fis-snin 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015 (sal lum) sena b'sena b'mod separat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li miż-żona ta’ Żonqor f’Wied il-Għajn inġabar dan l-iskart : 2009 79.3 tunellata 2010 54 tunellata 2011 61.8 tunellata 2012 40.5 tunellata 2013 43.6 tunellata 2014 38 tunellata 2015 14.7 tunellata L-iskart miġbur tul is-snin kien jikkonsisiti fi kwantita’ kbira ta’ skart goff, kif ukoll skart imħallat ta’ kull tip. F’diversi drabi instabu wkoll annimali mejta fil-post.

Transport Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ma’ Transport Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward tappiera li qed tagħmel il-ħsejjes?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tieħu ħsieb sabiex din il-problema tiġi ndirizzata fl-iqsar żmien possibli.

Marsaxlokk – Tiswija ta’ skallijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15208, peress li Transport Malta taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu u din hi responsabbli mill-mollijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbidel l-injam tal-iskallijiet kollha li hemm fir-raħal ta' Marsaxlokk li għandhom l-injam miksur peress li dan qed joħloq inkonvenjent u danni kbar lis-sajjieda Xlukkajri?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Trasport Pubbliku — rotot fis-sajf

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema rotot ta' trasport pubbliku jkunu qed jiġu estiżi fil-ħin, u fil-frekwenza, matul ix-xhur tas-sajf? Minn meta se jinbidlu dawn il-frekwenzi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-iskedi tas-sajf ser tiżdied l-frekwenza fil-ħinijiet peak tal-ġurnata fuq dawn ir-rotot: Numru tar-rotta Rotta Frekwenza f’minuti Skeda pre ż enti (kull x minuti) Skeda tas-sajf (kull x minuti) 12 Buġibba/Valletta 12 10 13 Pembroke/Valletta 12 10 15 Sliema/Valletta 30 20 42 Ċirkewwa/Valletta 60 30 44 Mġarr/Valletta 30 20 45 Buġibba/Valletta 20/60 20/30 51 Mtarfa/Valletta 30/60 30 52 Dingli/Valletta 30/60 30 53 Rabat/Valletta 30/60 30 221 Ċirkewwa/Buġibba 30 20 222 Ċirkewwa/Sliema 30 20 223 Buġibba/Golden Bay 60 20 225 Sliema/Golden Bay 30 20 322 Mġarr/Marsalforn 90 90/45/90 Dawn ir-rotot sejrin jiġu estiżi hekk kif jidher fit-tabella t’hawn taħt: Numru tar-rotta Rotta Estensjoni 37 Għadira/Valletta Estiża għall-Armier 71 Żurrieq/Valletta Estiża għal Blue Grotto 101 Ċirkewwa/Golden Bay Estiża għall-Imġarr u l-Ġnejna 102 Ċirkewwa/Golden Bay Estiża għall-Imġarr u l-Ġnejna 237 Għadira/Anchor Bay Estiża għal Paradise Bay u ċ-Ċirkewwa Dawn l-iskedi huma mistennija illi jidħlu fis-seħħ lejn l-aħħar ta’ Ġunju.

Trasport bit-trains — studji

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema studji seħħew fuq il-possibilità ta' xi forma ta' trasport bit-trains f'Malta? Minn min saru l-proposti tal-privat u ma' min saru d-diskussjonijiet s'issa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Gvern qiegħed jevalwa kull mezz ta’ trasport li jista’ jkun vijabbli għal pajjiżna.

Malta Public Transport – karozzi tal-linja bojod

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14285, jista’ l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq disa’ karozzi tal-linja biex dawn ġew sprayed bojod? Jekk il-Gvern kien jaf li l-kumpanija Malta Public Transport Services kienet se tiġi f'idejn il-privat, għaliex sar dan ix-xogħol bi spejjeż għall-Gvern Malti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħol fuq id-disa’ karozzi tal-linja sabiex dawn ikunu miżbugħin bojod kien inbeda lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. Fil-perjodu meta dawn il-karozzi tal-linja bdew jinżebgħu, kienu għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet dwar is-servizz tat-trasport pubbliku mal-Autobus de Leon u peress illi dak iż-żmien ma kienx hemm data stabbilita meta dan il-ftehim kien se jiġi milħuq, il-kumpanija tal-Gvern kienet bdiet il-proċess sabiex tibda tiżbogħ dawn il-karozzi tal-linja. Tant hu hekk illi dawn il-karozzi tal-linja ġew miżbugħin bojod, u mhux bil-kulur tal-kumpanija li eventwalment ingħatat il-kuntratt.

trasport pubbliku — sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew jiċħad li l-kumpanija Spanjola li ħadet f'idejha t-tmexxija tat-trasport pubbliku qed titlob żieda sostanzjali fis-sussidju li jingħata mill-Gvern? Jekk dan hu minnu, jista’ jgħid għal kemm tammonta din it-talba?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mhux minnu li l-kumpanija Spanjola li ħadet f'idejha t-tmexxija tat-trasport pubbliku qed titlob xi żieda fis-sussidju li jingħata mill-Gvern. Mistoqsijiet bħal dawn jikkonfermaw x’ inhi l-intenzjoni vera tal-Oppożizzjoni. Ingħatat ukoll informazzjoni fuq il-media tal-Partit fl-Oppożizzjoni, li l-unika għan tagħha kien li tiżgwida lill-poplu, speċjalment fejn jidħlu nollijiet fuq vjaġġi. Għaldaqstant nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal diversi tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti fejn intqal li ġaladarba l-poplu ikun infurmat b’dak kollu li għandu jkun jaf fuq is-servizz tat-trasport pubbliku ġdid, u dan mingħajr tfixkil min-naħa tal-Oppożizzjoni, li jidher biċ-ċar li l-unika għan tagħha hu li tħawwad l-imħuħ, il-kuntratt iffirmat mal-Autobuses de Leon jiġi mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li dan mhux ser idum ma jiġri daqs kemm dam biex tpoġġa l-kuntratt li Gvern preċedenti kien għamel mal-kumpanija Arriva. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt li sar mal-kumpanija Arriva Malta Ltd ħa kważi ħdax-il xahar biex tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minn meta kien ġie iffirmat. Infakkru li l-kuntratt kien ġie iffirmat nhar l-20 ta’ Novembru 2010 u tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-3 t’Ottubru tas-sena ta’ wara. Infakkru ukoll li dan il-kuntratt kien tpoġġa fuq il-Mejda b’ xi informazzjoni imneħħija minnu hekk kif stqarr l-istess Ministru responsabbli mit-trasport ta’ dak iż-żmien. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27764 ta’ l-aħħar leġiżlatura biex tivverifika dan kollu. Madankollu nerġa inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fil-mument opportun. Fil-ġimgħat li għaddew tnehdiet kampanja estensiva ta’ informazzjoni u dan sabiex ninfurmaw lill-poplu fuq is-servizz tat-trasport pubbliku l-ġdid. Qed nagħmlu l-affarijiet kif għandhom isiru, biex ma nirrepetux l-istess żbalji li saru mill-Gvern preċedenti fil-perjodu meta l-Arriva ħadet f’ idejha l-operat tat-trasport pubbliku f’pajjiżna fl-2011. Għaldaqstant nixtieq infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant fil-kampanja negattiva li ilha għaddejja min-naħa tal-Oppożizzjoni li l-uniku għan tagħha, kien u għadu, li tiżra’ d-dubji fost il-poplu. Infakkru fl-istorja maħluqa mill-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni li wasslet lill-Arriva biex twaqqaf l-operat tagħha ġewwa pajjiżna. Infakkru li l-kumpanija Arriva kienet talbet €45 miljun f’sussidju biex topera rotot proposti mill-Gvern preżenti, liema rotot ser jiġu maħduma mill-operatur il-ġdid b’sussidju ta’ €29 miljun. Konna wasalna f’punt fejn l-Arriva Malta Ltd. riedet li tillikwida l-kumpanija. Għaldaqstant aħna għamilna dak kollu possibli sabiex impedejna milli dan iseħħ billi xtrajna il-kumpanija għal Euro u waqqafna kumpanija tranżitorja, il-Malta Public Transport Services Ltd. sakemm jintagħżel l-operatur il-ġdid. B’hekk salvajna l-impjiegi tal-ħaddiema u bqajna noffru servizz ta’ trasport pubbliku aħjar minn dak li sibna. Saret kritika distruttiva għall-aħħar min-naħa tal-Oppożizzjoni, minkejja li kull statistika miġbura kienet turi mod ieħor, fil-perjodu li l-operat tat-trasport pubbliku kien f’idejn il-kumpanija tal-Gvern. Matul dan il-perjodu kien hemm żieda fil-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, żieda fil-bejgħ ta’ biljetti, kif ukoll żieda fil-manutenzjoni tal-karozzi li wasslet għal inqas inċidenti. Rajna ukoll tnaqqis drastiku fl-ilmenti. Akkużaw lill-MPTS li kienet waqqfet ċertu Night Routes, meta fil-fatt dawn kienu twaqqfu żmien qabel, meta t-trasport kien għadu f’ idejn l-Arriva. L-istess ġara meta l-Arriva, f’lejliet l-ewwel tas-sena, fl-aħħar jiem tal-operat tagħha f’ pajjiżna, talbet €5 għal kull vjaġġ . Li ma qalitx l-Oppożizzjoni hu li l-ftehim iffirmat mill-istess Oppożizzjoni, dak iż-żmien fil-Gvern, kien jippermetti li jsir dan. Infakkru ukoll fl-istorja mibnija mill-Oppożizzjoni fir-rigward tal-kumpanija Skoċċiża McGill’s li qalu rtirat l-interess tagħha minħabba l-intoppi li sabet min-naħa tal-Gvern. Infakkru li meta l-kumpanija McGill’s kienet bagħtet rappreżentanti tagħha ġewwa pajjiżna biex jagħmlu laqgħat max-xufiera, il-Partit Nazzjonalista kien ipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern żamm din il-laqgħa mistura. Dan meta il-Ministeru tiegħi lanqas biss kien jaf b’din il-laqgħa aħseb u ara kemm stajna konna involuti f’din l-istess laqgħa. L-istess Partit Nazzjonalista kien qal li b’ McGill’s f’ Malta, kien ser ikollna Arriva oħra, u dan minħabba l-fatt li d-direttur maniġerjali ta’ din il-kumpanija qabel kien jaħdem mal-Arriva. L-istess ġara fil-konfront tal-kumpanija National Express. Il-Partit Nazzjonalista anke f’ dan il-każ, permezz tal-kelliema tiegħu, qal li kien diffiċli li taħdem mal-Gvern u li l-istess Gvern kien qed juża politika ta’ ħabi. Kontradizzjoni fl-għola livell, meta tqis li l-kumpanija li illum qed tmexxi t-trasport pubbliku f’ pajjiżna hija kumpanija sussidjarja ta’ l-istess National Express . Kampanja negattiva saret ukoll fuq żjara ta’ verifikazzjoni li saret ġewwa Spanja fuq l-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon, bi klawsola fl- Expression of Interest kienet tippermetti li jsir dan. U dan sar peress li d-differenza fit-talba għas-sussidju mill-kumpanija Arriva, dik Spanjola u dik Maltija kienet waħda sostanzjali. Filwaqt li l-iSpanjoli talbu sussidju ta’ 29 miljun ewro, it-talba tal-Arriva kienet ta’ 45 miljun ewro u tal-Maltin kienet ta’ 40 miljun ewro. Ridna nivverifikaw li din id-differenza fit-talba ma jkolliex impatt negattiv fis-servizz offrut. L-Oppożizzjoni mill-ewwel ħarġet bl-attakki tagħha fuq din il-kumpanija Spanjola biex ibeżżgħu lill-poplu, fosthom li din hija kumpanija provinċjali u tħaddem ftit nies. Beżżgħu li ser ikun hemm tkeċċija ta’ ħaddiema mill-istess Spanjoli, kif ukoll li l-impjiegi tal-Maltin kien ser jiġi meħuda mill-ħaddiema Spanjoli, meta l-fatti qed juru mod ieħor. Mhux talli ma tkeċċewx ħaddiema, iżda saru sejħiet biex jiġu ingaġġati aktar ħaddiema ma’ dawk li diġa’kien hemm. U l-Oppożizzjoni bl-aġir tagħha kompliet tippersisti bin-negattivita’ tagħha. Tant hu hekk, li waqt programm fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, waqt diskussjoni li kont preżenti għaliha jien, kien hemm rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista li ppruvat tiżvija u titfa’ d-dubji, speċjalment fejn jidħlu t-tariffi l-ġodda li ser jiġu introdotti f’ Lulju li ġej. Biex is-servizz u l-effiċjenza tat-trasport pubbliku tkompli titjieb il-Gvern ser jibqa’ impenjat li jnaqqas l-inkonvenjent ikkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku. Anke hawn, l-Oppożizzjoni m’għamlitx dmirha sewwa kif kien mistenni li tagħmel. Bil-ftuħ ta’ Dock 7, indirizzajna b’mod konkret il-problema tat-traffiku fin-naħa t’ isfel ta’ Malta. Iżda anke hawn, l-Oppożizzjoni beżżet lill-poplu biex ma jużax Dock 7 għax skont huma, il-karozzi li kienu ser jagħmlu użu mid-Dock, ma kienux inxurjati. Baqgħu jinsistu li l-Bendy Buses għandhom jibqgħu jiċċirkolaw fit-toroq tagħna, meta kienu jafu li dawn kienu wieħed mill-fattur li kien qed jikkawża il-konġestjoni fit-traffiku, apparti l-inċidenti ta’ ħruq li kellhom l-istess karozzi, b’sogru għall- passiġġieri u għal sewwieqa oħra. L-istess Kap tal-Oppożizzjoni akkużana li s-sitwazzjoni tat-traffiku kienet marret għal agħar, iżda meta mistoqsi xi ħsieb għandu kif jista’ jsolvi din il-problema, it-tweġiba tiegħu kienet li hu qiegħed fl-Oppożizzjoni u r-risposti għandhom jiġu mingħand il-Ministru responsabbli u mhux mingħandu. Ta’ min ifakkar li minn studju li kien sar mill-Institute for Climate Change and Sustainable Development tal-Universita’ ta’ Malta bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea rappreżentata f’Malta, is-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna fil-perjodu ta’ Gvern preċedenti kienet ħafna aktar imwiegħra milli kienu jippruvaw ipinġuha. Dan l-istudju sar fl-2012, fit-tieni sena tal-operat tal-kumpanija Arriva. Hawnhekk rajna nuqqas fin-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, bil-konsegwenza li rajna żieda fil-karozzi privati fit-toroq tagħna, kif ukoll żieda drastika f’ inċidenti tat-traffiku. Dan kollu kien konsegwenza tal-falliment fir-riforma tat-trasport pubbliku. Ta’ min wieħed jinnota li waħda mill-persuni li għamlu dan l-istudju hija l-istess persuna li tmexxi wieħed mid-disa’ fora maħtura mill-Partit Nazzjonalista. Dan kollu juri li l-għan ewlieni tal-Oppożizzjoni kien li tfixkel il-ħidma tal-Gvern biex jinstab operatur ġdid tat-trasport pubbliku , minflok li tagħti is-sehem tagħha, kif kellha d-dmir li tagħmel. Kumbinazzjoni waqt id-diskors tal-aħħar budget, dak inhar il-UBS għamlu talba għall-mandat li temporanjament kien ġie milqugħ. Fil-bidu tas-seduta, l-Oppożizzjoni dehret sodisfatta li kien sar dan il-mandat, meta jien lanqas biss kont għadni naf li sar. Dan seta’ ipperikola il-ftehim milħuq mal-operatur il-ġdid. Tajjeb li nfakkar ukoll li dan il-mandat inqata’ favur il-Gvern, bl-Oppożizzjoni ma tantx turi li hija sodisfatta b’ din id-deċiżjoni. Intopp ieħor mill-Oppożizzjoni kienet meta l-kuntratt bejn l-Autobuses de Leon u l-UBS ma ġiex imġedded minħabba nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat. Il-kumpanija Spanjola għamlet arranġamenti oħra biex is-servizz setgħa jkompli bl-inqas inkonvenjent għall-passiġieri. Hawnhekk l-Oppożizzjoni permezz tal-media tagħha tat l-impressjoni li ntużaw mini-buses minflok coaches, meta dawn l-istess mini-buses kienu ilhom jintużaw fuq diversi rotot. Sadanittant waslu 32 karozza tal-linja low floor li żdiedu mal-flotta preżenti, kif ukoll għandhom jiżdiedu numru ta’ karozzi oħra tat-tip low-floor ukoll fil-ġimgħat li ġejjin. L-Oppożizzjoni approfittat ruħha ukoll minn persuni b’ diżabilita’ u użathom bħala ballun politiku. Qajjmet l-issue tal-persuni b’ diżabilita’ li jużaw scooters. Li ma qalux hu li l-Arriva kienet ħolqot policy li ċertu scooters ma jitħallewx jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja u din ir-restrizzjoni kienet parti mill-kundizzjoni tal-ġarr ta’ persuni. U Gvern preċedenti la qatt tkellem fuq din l-issue, aħseb u ara kemm oġġezzjona għaliha !! Fuq talba tiegħi, Transport Malta flimkien mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ (KNPD), għamlu sensiela ta’ provi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters ħdejn l-uffiċċji tal-istess KNPD ġewwa Ħal-Far. Il-prova saret kemm fuq karozza li ilha fis-servizz għal dawn l-aħħar erba’ snin, kif ukoll fuq karozza li daħħlet fis-servizz ftit tal-jiem ilu pprovduti mill- Malta Public Transport. Fi stqarrija konġunta minn Transport Malta u l- KNPD, kien ġie spjegat li hemm diversi tipi ta’ motorised wheelchairs u mobility scooters. Il- motorised wheelchairs li huma simili għall- wheelchairs normali setgħu jimmanuvraw tajjeb fuq il-karozzi. Min-naħa l-oħra mobility scooters li huma ġeneralment itwal minn motorised wheelchairs, ma setgħux jimmanuvraw u għaldaqstant ma jistgħux jintużaw fuq il-karozzi. Madankollu jeżistu mobility scooters, inkluż dawk bi tlett roti, li jimmanuvraw tajjeb u b’mod sigur fuq il-karozzi u skont ċertu persuni li jużaw dawn l-istess scooters ġieli ntużaw fuq karozzi tal-linja hawn Malta. Transport Malta u l- KNPD ħabbru li sett ta’ linji gwida ser ikunu preparati biex jiddistingwu bejn mobility scooters li jistgħu jintużaw fuq il-karozzi u bejn dawk li sfortunatament ma jistgħux jintużaw minħabba id-daqs tagħhom. B’hekk dawk il- wheelchairs u scooters li kienu jużaw il-karozzi jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz. Mezz ta’ identifikazzjoni ser jingħataw minn Transport Malta biex jitpoġġew fuq dawn l- iscooters sabiex b’hekk ikunu jistgħu jiġu identifikati mix-xufiera. Il-ħidma tal-Gvern kompliet għaddejja. Fassalna rotot ġodda wara konsultazzjoni miftuħa mal-pubbliku u mal-kunsilli lokali kollha, u dan mingħajr ma tfajna piż żejjed fuq il-poplu. Ħaddieħor nefaq miljun ewro fuq kampanja ta’ konsulenza u informazzjoni li wasslet biss għal kaos fil-pajjiż. Illum pajjiżna għandu operatur tat-trasport pubbliku ġdid u jien bħala Ministru ser nesiġi li l-istess operatur jimxi mal-ftehim biex ikollna servizz li jkun aċċettat mill-poplu Malti u Għawdxi kollu minkejja d-diffikultajiet li sibna.”

Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi – Uffiċjali tekniċi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14291, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali tekniċi (u mhux dawk fi grad professjonali) responsabbli minn kull sezzjoni fid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Xi grad għandu kull uffiċjal tekniku responsabbli minn kull sezzjoni? Min huma dawn l-uffiċjali tekniċi u kemm ilhom f'dan il-grad?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sinjali tat-Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sinjal tat-toroq (road sign) u kemm-il road marking kellhom jiġu rranġati wara illi ndunaw li kellhom żbalji ta’ grammatika u ortografija?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika l-perjodu li għalih qed tirreferi.

Tiftix għaż-żejt minn kumpanija Iżraeljana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji tal-għażla tal-kumpanija Iżraeljana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li fi Frar 2015 tħabbar illi ngħatat liċenzja għat-tiftix għaż-żejt f’Area 5?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni mill-kumpanija Iżraelita saret wara li ġie ppublikat avviż fl- 4 ta’ April 2014 fuq il-ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva tal-Ewropa 94/22/EC. Il-Gvern qiegħed preżentament jadotta ‘open door policy’ kif sar fis-snin ta’ qabel. Il-kriterji kkunsidrati huma dawk li hemm fid-Direttiva tal-Ewropa 94/22/EC.

Tiftix għaż-żejt – Liċenzji ta’ studji esploratorji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ studji esploratorji minn kumpanji taż-żejt bejn l-2009 u l-2015 (l-2015 inkluż), sena b’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif elenkata fit-tabella hekk kif ġej: Sena Applikazzjonijiet għal Exploration Study Agreements (ESA) 2009 0 2010 0 2011 1 2012 0 2013 1 2014 1 Sa 14/5/2015 0 Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ kumpaniji oħra bil-għan li nidħlu f’ kuntratti ġodda.

Cameras — tqegħid/twaddib ta' skart

Question

Billi ġie rrapurtat li l-Ministweu waħħal xi cameras fejn hemm problema ta' tqegħid/twaddib ta' skart b'mod regolari, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jitwaħħlu tali cameras?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-cameras li ser jitwaħħlu huma għodda ta’ infurzar tal-liġi u deterrent kontra ir-rimi ta’ skart b’ mod abbużiv. Għal raġunijiet li għandhom ikunu ovvji għall-Onor. Interpellant, ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni li ddgħajjef l-infurzar tal-liġi.

Is-Siġġiewi – Triq Annabelle Vassallo

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16111, peress li jidher li l-Ministru naqas milli jiċċekkja l-istat tat-triq qabel ma ta t-tweġiba għaliex din diġà hija ffurmata, jista' jwieġeb u jgħid meta se tinfetaħ għall-karozzi peress li bħalissa tinsab b'diżlivell?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 16111.

Pjazza Jean De La Vallette — tisbieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi msebbħa jew imżejna aktar il-pjazza Jean De La Vallette fil-belt Valletta u jekk iva kif ser isir dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riabilitazzjoni u riġenerazzjoni ta' żoni differenti ġewwa l-Belt Valletta huwa dejjem fuq quddiem fil-ħsieb tal-Ministeru. Fil-fatt, bħalissa hemm xogħol ta' tisbiħ għaddej fi Pjazza Kastilja u Strada Stretta, u fix-xhur li ġejjin hemm il-ħsieb li jinbeda xogħol ta' tisbiħ taħt il-loġoġ ta' Pjazza San Ġwann, it-tqegħid ta' street furniture ġo Triq ir-Repubblika u t-tisbiħ taż-żona ta' madwar il-funtana tat-Tritoni. Hemm ukoll pjanijiet għal żoni oħra tal-Belt inkluż dik ta' Pjazza Jean De La Vallette. Iktar dettalji jistgħu jingħataw hekk kif il-pjanijiet ikunu mfassla f'iktar dettall.

Birżebbuġa – Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jara li Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri, Birżebbuġa, tingħata t-tarmak għax tinsab f'sitwazjoni perikoluża għar-residenti li joqogħdu f'din l-area? X'inhi r-raġuni li għal dawn l-aħħar snin qatt ma saret manutenzjoni ta' din t-triq, tant li ġiet f'sitwazzjoni li llum mhux posssibli li tiġi rranġata? Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa x-xogħol ta' resurfacing ta' din it-triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien ninsab infurmat li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Transport Malta. Madanakollu l-Aworità tagħti l-kontribut tagħha f’każijiet bħal dawn skont il-prioritajiet li jirriżultaw.