Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport imħejji għall-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku dwar l-impatt ta' l-acquis ta' l-Unjoni Ewropea fuq it-trasport pubbliku lokali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rapport indikat mill-Onor. Interpellant għadu mhux finaliżżat.
Jista' l-Ministru jara hux possibbli li Triq Dun Karm Frendo f'Birżebbuga tiġi nkluża fil-lista ta' toroq li se jingħataw wiċċ ġdid stante li tinsab fi stat disastruż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għad-domanda parlamentari Nru. 19122 li ser tinkludi xogħol f'din it-triq ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-kumpannija Tug Malta toħroġ sejħa għal applikazzjonijiet għal reklutaġġ ta' ħaddiema ġodda fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol ta' twessieħ u kisi tal-wiċċ ta' Triq Immakulata Kunċizzjoni f'Bengħajsa, Birżebbuga, waqaf ħesrem u ilu hekk wieqaf mis-sena 1989? Jista' jgħid meta l-aħħar naqra li fadal se tiġi konkluża?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel survey biex jistabilixxi x'xogħol għad baqa xi jsir biex ix-xogħol ikun jista' jitwettaq skond il-prijoritajiet tax-xogħol li għandu quddiemu d-Dipartiment.
Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata Triq id-Dwienes, Żejtun li minkejja li fiha ħafna residenti għadha fi stat ħażin?
Jista' jgħid jekk għallinqas temporanjament tistax tiġi imwittija ftit qabel ma tagħmel ix-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għal asfaltar ta` toroq simili ma` Malta kollha u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
Jista' l-Ministru jgħid fejn huwa indikat li se jiġu l-pedestrian lights fi Triq l-Imdina, Qormi? Jista' l-Ministru jindika b'mod preċiż fejn se jitqiegħdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li huwa ppjanat li jsiru Peliċan Lights fi Triq l-Imdina, Qormi kif ġej:
a) Viċin ir-roundabout li tagħti għal Ħal Luqa u Triq Manwel Dimech.
b) Quddiem it-Triq tal-Ħandaq li tagħti għal l-iskola.
c) Viċin it-triq li tagħti għal Housing Estate ta` Farsina.
Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni biex il-Maltacom topera kumpannija tal-mobile telephone?
Jekk saret applikazzjoni jista' l-Ministru jgħid x'rakkomandazzjonijiet jew x'oġġezzjonijiet qiegħed ikun hemm dwarha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Maltacom plc ngħatat il-liċenzja biex topera l-mobile telephone nhar it-Tlieta 19 ta` Settembru 2000. Kopja ta` din il-liċenzja ser titqiegħed fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li s-sid ta' l-għalqa magħrufa bħala "Ta' Bonello" li qiegħda fi Triq Sant Antnin, Zabbar (Marsascala Bypass) faċċata tal-housing estate magħruf bħala "Tal-Plier", jiġifieri faċċata ta' Triq G.M. Caruana, Zabbar, jitħallsu l-flus dovuti lilhom wara li fl-1986 sar kanal ta' l-ilma tax-xita (culvert) twil 400 pied tul l-għalqa tagħhom? Possibbli li dan il-ħlas ma jdumx ma jsir għax is-sid baqa' ma ħa xejn minkejja li għaddew ħafna snin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li l-kanal indikat mill-Onor. Interpellant ma sarx mid-Dipartiment tat-Toroq, għax fil-fatt sar fl-1986, ikun il-każ li sid il-għalqa jivverifika l-pożizzjoni legali tiegħu mad-Dipartiment ta` l-Artijiet, li hu d-Dipartiment responsabbli mill-ħruġ ta` kumpens għal din it-tip ta` sitwazzjoni.
Jista' l-Ministru jinfurmani min kien jew kienu l-PROs tal-ministru mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? X'rimunerazzjoni kellu jew kellhom? X'benefiċċji u kundizzjonijiet addizzjonali ingħatawlhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Fis-Segretarjat Privat tal-Ministru d-dmirijiet marbuta mal-Public Relations jitwettqu mill-Communications Coordinator. Ir-rinumerazzjoni u kundizzjonijiet marbuta mal-post huma regolati mad-Dokument Engagement of Staff for Private Secretariat li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta Nru. 124 tas-16 ta' Ġunju 1999.
Il-Communications Coordinator fil-Ministeru tiegħi minn Ottubru 1999 'il hawn huwa is-Sur Saviour Farrugia. Qabel din id-data, din il-kariga kienet vakanti.
Possibbli l-Ministru, permezz tar-Roads Department, ġentilment jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi rranġata N/S off Mill Street, Qormi li qatt ma kienet irranġata u tinsab fi stat diżastruż?
Billi ilha għaddejja korrispondenza, fosthom mar-Roads Department (Ref. WD 2780/82) għal dawn l-aħħar snin, possibbli l-Ministru jgħid eżatt jekk hemmx xi ħsieb li din it-triq tiġi rranġata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u d-Dipartiment tad-Dranaġġ ħarġu tenders biex ikunu jistgħu isiru xogħolijiet rispettivi f'din it-triq bi preparamenti biex din tingħata l-asfalt fl-24 ta' Marzu 1999.
Irriżulta li l-main ta' l-ilma li kien hemm kien instab li hu fil-wiċċ u l-Korporazzjoni ta' l-Ilma trid tieħu passi sabiex dan il-main jitneħħa u jitqiegħed f'postu fil-ġenb tat-triq. Meta dan ix-xogħol isir, id-Dipartiment tat-Toroq ikun jista' jkompli bix-xogħolijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li reġgħet inħasset il-ħtieġa li fil-PTA terġa' toħroġ internal call for application għall-post ta' technical manager? Jista' jgħid x'inhuma l-kundizzjonijiet u s-salarju li qed jiġu offruti għal dan il-post?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-persuna li llum tokkupa l-post ta' Technical Manager waslet biex tirtira aktar tard din is-sena. Il-ħtieġa ta' dan il-post hija li l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku tagħmel it-testijiet tagħha fuq il-vetturi li jservu għat-Trasport Pubbliku, u dawn isiru kemm permess ta' spot checks kif ukoll testijiet perjodiċi. Il-kundizzjonijiet huma dawk eżistenti għal ta' llum waqt li s-salarju għandu jkun bejn Lm6,000 u Lm7,000.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir mid-Dipartiment tat-Trasport, anke b'kollaborazzjoni mal-pulizija u l-kunsilli lokali, biex ikun hemm aktar sigurta' fit-toroq? X'azzjoni qed jipproponi biex kemm jista' jkun jitnaqqsu l-imwiet u l-inċidenti tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku flimkien mad-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jieħu l-miżuri li hemm bżonn biex jitnaqqsu l-imwiet u l-inċidenti tat-traffiku.
Dawn il-miżuri jinkludu:
1. reviżjoni tat-traffic flows u introduzzjoni ta' one way systems ;
2. upgrading ta' junctions;
3. introduzzjoni ta' speed limits skond l-esiġenzi tat-toroq partikolari;
4. installazzjoni ta' road humps u meżżi oħra biex jitnaqqas l-ispeed eċċessiv;
5. installazzjoni ta' traffic lights
6. installazzjoni ta' pelican lights;
7. installazzjoni ta' traffic signs u road markings;
8. installazzjoni ta' pedestrian crossings;
9. introduzzjoni ta' żoni għall-użu tal-pedestrians.
Il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku għandu kuntatt kontinwu u jikkollabora mall-Kunsilli Lokali biex it-traffic management fl-areas li jaqgħu taħt il-Kunsilli Lokali jitjieb kemm jista' jkun.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbu jintervjeni sabiex il-biċċa tat-triq li hemm quddiem iż-żuntier tal-Knisja ta' Għajn Dwieli (bejn iż-żuntier u l-bankina) tiġi slivellata għaliex tant qed jinġabar ilma tax-xita f'din ir-roqgħa li huwa impossibbli għan-nies li wara xi ħalba xita, jitilgħu t-taraġ ta' quddiem l-imsemmi żuntier u b'riskju ta' xi inċident tat-traffiku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jesegwixxi x-xogħolijiet meħtieġa ħalli jiġi eliminat dan l-inkonvenjent.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tat-toroq ser ibiddel il-post minn fejn jiffunzjona llum għal post ieħor f'Sa Maison?
Jista' jgħid jekk huwiex se titħallas kera għal dan il-post u jekk fl-affermattiv kemm u lil min?
Jista' jgħid kemm ser jiswa x-xogħol ta' kostruzzjonzi u manutenzjoni fuq il-bini ta' Sa Maison?
Jista' jgħid min se jagħmel dan ix-xogħol u jekk ħarġux offerti jew inġabrux kwotazzjonijiet għal dan ix-xogħol?
Jista' jgħid ukoll jekk kull kirja ta' dan il-post, kif ukoll ix-xogħol ta' kostruzzjoni u manutenzjoni ta' dan il-post għandhomx l-approvazzjoni tal-kumitat tal-kuntratti? Jekk fin-negattiv, x'inhi r-raġuni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq ilu jiffunzjona minn Sa Maison għal kważi sena u mhux ser jinbidel il-post minn fejn qed jopera.
Il-post huwa tal-Gvern u l-kera li qed titħallas tiegħu ġiet ipprovduta fl-estimi finanzjarji għas-sena 2000 u tammonta għall-Lm10,000.
L-ispiża għal dan ix-xogħol diġa ngħatat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari Nru. 17760 li jammonta għall-Lm144,180. Ix-xogħol tal-bini li qed isir bħalissa qed isir mill-kumpanija Ballut Blocks Ltd. li kienet issottomettiet it-tenders għal xogħol f'dan il-bini fis-17 ta' Lulju 1998. Ingħata wkoll kuntratt għal proviżjoni ta' lift lid-ditta Pantalesco Ltd li jiswa Lm10,555.
Kull xogħol li qed isir fil-post huwa kopert mill-approvazzjonijiet neċessarji tad-Direttur tal-Kuntratti, fil-waqt li t-tender għall-aircondition għadha qed tiġi aġġudikata. Dan il-post mhux ser iservi biss għad-Dipartiment tat-Toroq iżda ser ikun jakkomoda entitajiet differenti ta' l-Awtorita' il-ġdida tat-Trasport, u fil-fatt il-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku diġa qiegħed jopera minn dan il-post.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati taċ-Ċivil li jaħdmu f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qed jaħdmu sigħat imnaqqsa? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-etajiet u skond l-impjegati humiex irġiel jew nisa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' mpjegati li qed jaħdmu sigħat imnaqqsa huma żewġ nisa li l-eta' tagħhom hija bejn il-25 u 30 sena.
Dawn qegħdin ippostjati, waħda fid-Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili waqt li l-oħra qegħda fid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi tal-Ministeru.