Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12330 u jgħid liema huma l-erba' programmi ta' l-Unjoni Ewropea li l-ministeru hu impenjat fihom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12328 u jagħti rendikont sena b'sena tan-nefqa kapitali fit-toroq mill-1988 sal-lum? Kemm minn din in-nefqa saret fuq proġetti ta' toroq partikolari u liema huma dawn il-proġetti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li f'risposti parlamentari l-Ministru jgħid li ċerti toroq jinbnew skond il-prioritajiet li joħoġu mill-programm imħejji mill-awtorita' tat-trasport għas-sena 2005/6, jista' jagħti lista ta' prioritajiet għat-toroq fil-Birgu, f'Bormla, fil-Kalkara, f'Ħaż-Żabbar, fil-Fgura, fix-Xgħajra u fl-Isla?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12281 u jgħid jekk Cross Road, fil-Marsa - it-telgħa - hijiex tal-privat jew tal-gvern? Jekk hi tal-privat, jista' il-kunsill jagħmel xogħol ta' patching? Jekk xi ħadd iweġġa' lil min irid ifittex għad-danni, lill-gvern jew lill-privat?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ma’ jaqgħux taħt ir-responsabbilta tal-Gvern Ċentrali. Il-manutenzjoni ta’ din it-triq hija responsabbilta’ tal-Kunsill Lokali u b’hekk ix-xogħol ta’ patching għandu jsir mill-Kunsill ikkonċernat.
Fl-eventwalita ta’ xi inċident f’din it-triq il-persuni involuti fl-inċident għandhom ifittxu l-awtoritajiet ikkonċernati skond in-natura ta’ l-inċident.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' irranġar tal-moll ta' l-Isla? Kemm se jiġi jiswa l-proġett?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ħareġ l-‘Order to Start Works’ li hija effettiva minn nhar il-Erbgħa 25 ta’ Mejju. Ix-xogħol huwa stmat li jiswa' Lm 40,317.25
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 11635, jista' il-Ministru jgħid x'pendenzi għad hemm u ma' min?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pendenzi dwar din il-parti tat-triq huma rigward ownership ta’ l-istess art inkonnesjoni mas-sidien li għandhom il-faċċata tagħti fuq din it-triq.
Direttorat tal-liċenzji — Ħlas lill-kunsilli lokali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hi s-somma totali attwali li d-direttorat tal-liċenzji għandu jagħti lill-kunsilli lokali? Minn kemm ilha dovuta din is-somma? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-pagamenti jitħallsu lill-kunsilli lokali u kemm lokalita' b'lokalita, għandhom jieħdu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Mid-domanda magħmula mill-Onorevoli Interpellant, naħseb li qed jirreferi għal flus li jiġbor d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet f’isem il-Kunsilli Lokali bħala ħlas ta’ ċitazzjonijiet magħmula fil-lokalitajiet ta’ dawn il-Kunsilli.
Nixtieq ninfurma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ dwar it-Trasport, li minnha jifforma parti d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet, diġa’għaddiet il-flus miġbura lit-Teżor sabiex jitħallsu s-sommom dovuti sa’ l-aħħar ta’ Marzu 2005. Jien infurmat li l-Kunsilli diġa’ rċevew il-pagamenti kollha dovuti sa’ l-aħħar ta’ Jannar 2005 u dalwaqt isir il-ħlas tal-pagamenti li jkopru Frar u Marzu 2005. Fil-ġranet li ġejjin l-Awtorita’ se tkun f’pożizzjoni biex tgħaddi flus lit-Teżor ta’ l-ammont miġbur matul April 2005. Dan għandu jsir mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Mejju 2005.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 10965, issa li l-pjanta mitluba qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jagħtina t-tweġiba?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li għandu id-Direttorat ma jirriżultax li fil-preżent hemm pjan biex issir triq fis-sit muri
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 10466, 10837 u 11849 u jgħid xi proġetti għandu l-ministeru fir-rigward ta' toroq u żvilupp urban għal bliet u rħula tal-11 u t-12-il distrett elettorali? Kemm huma stmati li se jiswew dawn ix-xogħlijiet? Meta mistennija jibdew u jitlestew?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ toroq u żvilupp urban għall-ibliet u rħula tal-11 u 12 il-distrett elettorali għas-sena 2005 huma kif jidher fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-prior information document relatat ma' l-iżvilupp, l-operazzjoni u t-tmexxija tal-Baċir Nru. 1?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Id-dokument mitlub mill-Onorevoli Interpellant qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12163 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' peress li issa għalaq il-perijodu tat-tendering għax-xogħol fuq il-moll ta' l-Isla, jista' il-Ministru jgħid meta se jibda dan ix-xogħol?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, la darba fil-11 ta’ Mejju, 2005 ħarġet il-‘Letter of Acceptance’, il-kuntrattur għandu (7) sebat ijiem biex jippreżenta garanzija bankarja lid-Dipartiment tal-Kuntratti. Hekk kif din tiġi ppreżentata, tinħareġ l-‘Order to Start Works’ minn dan il-Ministeru. Il-kuntrattur għandu, imbagħad (8) tmien ġimgħat biex jagħmel ix-xogħlijiet neċessarji.
Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq il-Mulett, Xgħajra?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq il-Mulett, Xgħajra tagħmel parti mill-lista ta’ toroq li se jsiru mill-ADT u se ssir skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-programm.
Jista' il-Ministru jgħid meta Triq il-Konvoj ta' Santa Marija, Triq il-Ħbit mill-Ajru u Triq Antonio Falzon, fil-Kalkara se jiġu rranġati u asfaltati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija u Triq Antonio Falzon jagħmlu parti mil-lista ta’ toroq li se jsiru mill-ADT. Ix-xogħol f’dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-program.
Rigward Triq il-Ħbit mill-Ajru ser issir spezzjoni mill-periti tad-Direttorat.
Jista' il-Ministru jippreżenta fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta ta' kif se tinbena Triq Ħal Qormi fl-inħawi ta' Ħal Farruġ?
Jista' jindika f'liema parti se jsiru pelican lights għar-residenti u l-lay by bħala dħul għal dan il-housing estate?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Kopja tal-pjanta ta' kif se tinbena Triq Ħal Qormi fl-inħawi ta' Ħal Farruġ qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li fi Triq Ħal Qormi f'Ħal Farruġ ikun hemm daħliet lejn il-housing estate ta' Ħal Farruġ li jipprovdu aċċess adegwat għar-residenti ta' din iz-zona, minħabba li bħalissa qed ikollhom jitilgħu fejn il-Mambra showroom sabiex jidħlu lejn darhom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li bħalissa l-aċċess għall-housing estate ta’ Ħal-Farruġ huwa miftuħ u mhux mistenni li ser jingħalaq sad-data meta ser jiġu kompluti ix-xogħlijiet fuq il-junction ta’ Ħal Farruġ. Din id-data mistennija li tkun għall-madwar nofs Ġunju 2005. Fix-xhur li għaddew l-aċċess għall-housing estate ta’ Ħal Farruġ kellu jingħalaq mill-junction ta’ Ħal Farruġ għall-perjodi temporanji. Dan sar minħabba n-natura u l-iskala tax-xogħlijiet li kellhom jiġu eżegwiti fl-istess junction. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinvolvu it-tibdil ta’ ħafna mis-servizzi eżistenti u saru ukoll il-konnessjonijiet meħtieġa tas-servizzi eżistenti ma’ dawk installati mill-ġdid.
L-egħluq tal-aċċess inkwistjoni kien limitat għal meta l-passaġġ tal-vetturi lejn il-housing estate ta’ Ħal Farruġ kien jippreżenta periklu għas-sewwieqa. Filwaqt li wieħed jifhem l-inkonvenjent tar-residenti minħabba tul addizzjonali ta’ sewqan, l-Awtorita’ dwar it-Trasport tassigura illi tali nterventi fuq is-sistema tat-traffiku isiru fl-interess tas-sigurta tas-sewwieqa, liema sigurta tista’ tiġi mdgħajfa bil-passaġġi ta’ vetturi qrib trinek fondi u qrib infrastruttura u makkinarju ta’ skala konsiderevoli hekk kif jiġu utilizzati fix-xogħol li qed isir f’dawn l-inħawi.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm daħlu affarijiet ġodda fit-trasport pubbliku mindu sar il-ftehim is-sena li għaddiet? Ix-xufiera qed jilbsu uniformijiet ġodda? Kemm daħlu rotot ġodda bil-lejl, eċċ?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ġew introdotti 6 rotot ġodda li joperaw fuq bażi ċirkulari lejn l-Universita, li huma: -
Rotta 110 – mill-inħawi ta’ Birżebbuġa lejn l-Universita, Sliema u lura
Rotta 300 – mill-inħawi ta’ Senglea lejn lejn l-Universita, Sliema u lura
Rotta 350 – mill-inħawi tal-Mqabba lejn l-Universita, Sliema u lura
Rotta 800 – mill-inħawi ta’ l-Ajruport lejn l-Universita, Sliema u lura
Rotta 810 – mill-inħawi ta’ Ħad-Dingli lejn l-Universita, Sliema u lura
Rotta 890 – mill-inħawi tas-Siġġiewi lejn l-Universita, Sliema u lura
Saru ukoll amalgamazzjoni ta’ rotot diġa eżistenti li ġew devjati ukoll lejn l-Universita fosthom:-
Rotta 56 – mill-Għargħur/Naxxar lejn il-Belt via l-Universita
Rotta 145 – miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt via l-Universita
Rotta 13 – minn Ħal Far lejn il-Belt u viċi versa
Rotta 73 – mit-Torri ta’ Ħal Lija lejn il-Belt
Rotta 75 – filgħodu minn San Ġwann lejn l-isptar St Lukes
Rotta 75 – filgħodu minn Marsaskala lejn l-isptar St Lukes
Rotta 55/56 - estenzjoni lejn il-Għargħur, Triq il-Karavaġġio u Triq il-31 ta’ Marzu
Rotta 65- Sliema lejn Rabat via Ta’ Qali u devjata lejn l-inħawi tal-mużew tal-avjazzjoni
Jien infurmat ukoll li skond il-ftehim li sar ma’ l-Assoċjazzjoni:-
a) daħal fis-seħħ il-Kodiċi ta’ Kondotta u ir-rapporti qed jiġu ipproċessati mill-Awtorità
b) ix-xarabanks tat-tip low floor qed jirraportaw għax-xogħol regolarment u fin-nuqqas li dan isir, dawn qed jiġu imħarrka mill-Awtorità skond il-ftehim iffirmat.
c) ġie introdott l-Operator’s Log Book li għandu l-għan li jissupplixxi aktar informazzjoni rigward l-ispejjeż biex topera xarabank fuq ir-rotta
d) rigward ir-riforma, kumpanija bl-isem ta’ Halcrow ġiet kommisjonata sabiex tagħmel studju rigward il-riforma fit-Trasport Pubbliku
e) l-Assoċjazzjoni qegħda preżentament iżżomm rekords ta’ Accounting aħjar, liema rekords qegħdin jiġu ċertifikati minn awditur indipendenti. Ir-rekords ta’ Accounting sa Settembru 2004 diġa ġew iċċekjati u l-aħħar 3 xhur għas-sena 2004 qed jiġu analizzati ukoll.
Rigward l-uniformijiet, ix-xufiera qegħdin jilbsu l-uniformi li kellhom qabel.
Saru diversi stħarriġ rigward il-patronaġġ tas-servizzi ta’ bil-lejl u ir-riżultati meħuda ħa jiġu diskussi fin-negożjati futuri għall-ftehim li ser isir li jkun validu sas-sena 2009. Fejn jirrigwardja is-servizz ta’ bil-lejl, ġie introdott ukoll servizz ġdid minn Paceville għall-Mellieħa.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, id-dokumenti relattivi li għandhom x’jaqsmu mar-rotot.