Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #14475 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

Ir-rapport ta’ Swissleaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk b'rabta mar-rapport ta' Swissleaks, il-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) għandhiex informazzjoni fis-sens li l-Maltin li għandhom dawn il-kontijiet setgħu kienu qed jużaw dawn il-kontijiet għal skopijiet ta' ħasil ta' flus barra minn pajjiżna?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14474.
Leg 12 PQ #14476 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

Ir-rapport ta’ Swissleaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk b'rabta mar-rapport ta' Swissleaks saritx investigazzjoni sabiex jiġi żvelat jekk il-kontijiet tal-Maltin imsemmija humiex involuti f'evażjoni ta' taxxa?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14474.
Leg 12 PQ #14477 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

Il-każ ta’ Swissleaks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx investigazzjoni li wasslet għall-konklużjoni li l-flus fil-kontijiet imsemmija fir-rapport ta' Swissleaks setgħu ġew minn sorsi illeċiti? Jekk fl-affermattiv, kien hemm xi forma ta' konklużjonijiet li qanqlu suspett u allura ġew mgħoddija lill-Pulizija biex tieħu azzjoni?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14474.
Leg 12 PQ #14519 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għall-Finanzi

Bank Ċentrali — konsulenti

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14037, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-remunerazzjoni tal-persuni elenkati bħala konsulenti, wieħed wieħed, sena b’sena? Kemm ilhom konsulenti, x’bonuses u allowances gawdew minnhom sena b’sena, u x’benefiċċji oħra kellhom sena b’sena? Jista’ jagħti d-data meta beda jagħti s-servizz tiegħu lill-Bank Ċentrali kull wieħed minn dawn il-konsulenti? Jista’ jgħid f’kull każ kif intgħażel kull konsulent u xi kriterji ntużaw?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #14528 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Dipartiment tad-Dwana – Director Compliance & Systems

Question

Jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni kif sar il-proċess biex tiġi appuntata Director Compliance & Systems fid-Dipartiment tad-Dwana, meta jidher li din il-persuna lanqas biss applikat u lanqas ġiet intervistata?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #14529 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Diretturi tad-Dwana – vetturi fil-bonded stores

Question

Jista’ l-Ministru jagħti raġuni valida għaliex iż-żewġ vetturi li kienu tad-Diretturi tad-Dwana u li l-kuntratt tagħhom ma ġiex imġedded, ma ngħatawx lid-Diretturi l-ġodda li laħqu (bħalma normalment isir fis-Servizz Pubbliku) iżda ntefgħu f’bonded store tad-Dwana u mhux qed jiġu utilizzati?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-ċirkolari MF 5/98 tistipula li l-karozzi uffiċjali jinżammu għal perjodu ta’ bejn ħamsa u seba’ snin fejn imbagħad jistgħu jinbiegħu. Għalhekk minhħabba li dawn iż-żewġ vetturi għandhom iktar minn sitt snin, id-dipartiment iddeċieda li dawn iż-żewġ vetturi jintużaw ghħall-eżiġenzi tad-dipartiment flok oħrajn li huma iżjed qodma minnhom. Nixtiequ nikkonfermaw ukoll li dawn iż-żewġ vetturi issa qegħdin jintużaw u għalhekk m’humiex fil-bonded stores u waħda mill-karozzi antiki se tiġi wżata minn dipartiment ieħor. Id Diretturi l-ġodda ingħatawlhom karozzi ġodda.
Leg 12 PQ #14530 Sitting 241 2015-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Diretturi l-ġodda — vetturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk intant ġewx approvati li jinxtraw karozzi ġodda għad-Diretturi l-ġodda?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena preċedenti l-Ministeru tal-Finanzi approva li jinxtraw karozzi għal xi diretturi ġodda fl-istess Ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tieghu. Dan dejjem skont il-providimenti tal-policies eżistenti fis-settur pubbliku.
Leg 12 PQ #14121 Sitting 240 2015-02-18 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi – persuni ingaġġati f’position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi bejn id-9 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Jannar 2015?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi min naħa tal-Ministeru għall-Finanzi ma hemm l-ebda persuna f’din il-kategorija fid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet.
Leg 12 PQ #14282 Sitting 240 2015-02-18 Oral · Final From: TONI BEZZINA To: Ministeru għall-Finanzi

Id-Dwana – Enforcement Unit – enforcement officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fl-Enforcement Unit tad-Dwana, meta l-aħħar li daħħlu enforcement officers ġodda u jekk hemmx il-ħsieb li jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-enforcement officers ġodda għas-sena 2015?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa, in-numru ta’ ħaddiema tal-Customs Class attribwibbli għall-Enforcement Unit huwa ta’ 39. L-aħħar dħul kien ta’ 3 impjegati ġodda, b’effett minn Ottubru 2014, wara sejħa miftuħa għal impjegati ezistenti fis-servizz pubbliku. Pre¿entament għaddej proċess għall-ingaġġ ta’ Fizzjali tad-Dwana permezz ta’ sejħa pubblika b’ezami estern. Huwa maħsub li xi postijiet battala jimtlew bl-ingaġġ ta’ fizzjali ġodda skont ir-rizultat ta’ l-ezami.
Leg 12 PQ #14037 Sitting 237 2015-02-09 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi

Bank Ċentrali – impjegati li jservu fuq Bordijiet Governattivi

Question

Jista’ l-Ministru jinnega jew jikkonferma li numru ta’ impjegati tal-Bank Ċentrali ġew magħżula mill-Gvern biex iservu fuq Bordijiet Governattivi? Jekk dan hu minnu, jista’ jispeċfika min huma dawn l-impjegati, x’funżjoni u rwol għandhom f’dawn il-bordijiet u f’liema bordijiet qed iservu? Jista’ jikkwantifika r-remunerazzjoni ta’ dawn il-persuni fuq dawn il-bordijiet u jispeċifika jekk ix-xogħol li qed jagħmlu fuq dawn il-bordijiet humiex qed jagħmluh waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom tal-Bank jew le? Jista’ jelenka l-konsulenti li għandu ngaġġati miegħu l-Bank Ċentrali kif ukoll jgħid xi rwol għandhom fil-Bank u t-terminu tal-perjodu li għalih huma ngaġġati?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni miltuba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #13867 Sitting 236 2015-02-04 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għall-Finanzi

SME Initiative

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tibda titħaddem l-iskema SME Initiative, ċjoè meta se jkunu jistgħu jibdew japplikaw għaliha l-SMEs? Jista' jgħid fiex se tkun tikkonsisti din l-iskema?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 12289.
Leg 12 PQ #13903 Sitting 235 2015-02-03 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għall-Finanzi

Taxxi fuq l-inbejjed

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li minn Jannar ġà bdew jitħallsu t-taxxi ġodda fuq l-inbid? Huwa s-soltu li dawn jibdew qabel mal-Kamra tapprova d-dettalji tal-Baġit?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dazju tas-Sisa daħal fis-seħħ fuq dawk l-inbejjed li jiġu rilaxxati għall-konsum mill-1 ta’ Jannar 2015. Inbejjed li kienu diġa rilaxxati għall-konsum qabel l-1 ta’ Jannar 2015, anke jekk għadhom ma ġewx offruti għall-bejgħ lill-konsumatur, wara li saret dikjarazzjoni tagħhom lid-Dwana, m’humiex suġġetti għall-ħlas tad-Dazju tas-Sisa. Bħalma jiġri dejjem, kull taxxa imħabbra fil-Baġit tidħol fis-seħħ mid-data indikata fl-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu ikun ippreżentat il-Baġit mill-Ministru għall-Finanzi. Pero bis-saħħa tal-Proklama tal-President ta’ Malta maħruġa taħt l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Erarju Kap 62 tal-Liġijiet ta Malta, din it-taxxa tkun tista’ tinġabar minn dakinhar li tinħareġ din il-Proklama. Din il-Proklama normalment ikollha l-istess data tal-Baġit.
Leg 12 PQ #13828 Sitting 234 2015-02-02 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi

Bank Ċentrali – Bord tal-Grievances

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex inħasset il-ħtieġa li fil-Bank Ċentrali għandu jitwaqqaf Bord tal-Grievances għal ċerti snin biss? Jista’ jispeċifika min huma l-persuni li jiffurmaw il-bord u jispjega kif intgħażlu dawn il-persuni u kemm hi r-remunerazzjoni tagħhom? Jista’ jikkonferma li dan il-bord diġà wasal għal ċerti deċiżjonijiet u jekk iva kemm kienu l-każijiet li ġew indirizzati u li dan il-bord ħass li kienu ġustifikati? Jista’ jikkonferma li diġà kien hemm ħlasijiet ta’ kumpens u jekk iva, jista’ jispeċifika l-ammonti li ġew imqassma?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi tajjeb li wieħed jinnota li l-Bank Ċentrali ta’ Malta hija istituzzjoni awtonoma. Din ir-risposta ġiet provduta mill-Bank Ċentrali. Il-Bord tal-Grievances ġie mwaqqaf mill-Bord tal-Bank Ċentrali ta’ Malta wara talba tal-house union. Twaqqaf fuq l-istess bażi li Bordijiet simili ġew imwaqqfin fis-settur pubbliku skont iċ-Ċirkulari OPM Nru 4/2014. Din iċ-Ċirkulari stabbiliet li l-allegati inġustizzji li allegatament ikunu seħħew fil-konfront ta’ min ressaq it-talba kienu seħħew tul is-seba’ snin ta’ qabel tkun tressqet it-talba. Il-persuni fuq il-Bord tal-Grievances huma: Is-Sur Charles Cassar – Chairman Is-Sur Eric Saliba Is-Sinjorina Gemma Debono Is-Sinjura Daniela Grech hija is-segretarja tal-Bord. Il-membri tal-Bord ġew magħzula mill-Bank Ċentrali. Ic-Chairman ġie magħżul minħabba l-esperjenza tiegħu fit-Tribunal Industrijali kif ukoll fil-qasam trejdunjonistiku u maniġerjali. Is-segretarja tal-Bord ġiet magħżula mill-Bord stess. Ir-remunerazzjoni hija Eur500 fix-xahar għaċ-Ċhairman; Eur300 fix-xahar għal kull membru; u Eur300 fix-xahar għas-segretarja. Il-Bord diġà għalaq 36 każ. F’disa’ każijiet il-Bord ħass li l-ilment kien ġustifikat u irrikomanda kumpens finanzjarju ta’ Eur49,510. F’każ ieħor il-Bord irrikomanda kumpens ta’ Eur500 minħabba l-inkonvenjent li sofra l-impjegat. Il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali laqa’ kull rikomandazzjoni għall-kumpens imressqa mill-Bord tal-Grievances.
Leg 12 PQ #13829 Sitting 234 2015-02-02 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi

Bank Ċentrali – ingaġġ ta’ messaġġiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għall-ingaġġ ta’ messaġġiera fil-Bank Ċentrali? Jista’ jagħti spjegazzjoni għaliex dan il-proċess ħa daqshekk fit-tul u kemm-il messaġġier ġdid se jkun qed jiġi ingaġġat fil-bank?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi tajjeb li wieħed jinnota li l-Bank Ċentrali ta’ Malta huwa istituzzjoni awtonoma. Din ir-risposta ġiet provduta mill-Bank Ċentrali. Il-proċess għall-ingaġġ ta’ messaġġiera fil-Bank Ċentrali wasal fil-fażi finali tal-intervisti mal-kandidati wieħed wieħed. Dawn l-intervisti saru fis-26, 27 u 28 ta’ Jannar, 2015. Il-proċess ħa fit-tul minħabba n-numru kbir ta’ kandidati riferuti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ kif jidher fit-tabella hawn taħt. Barra minhekk, il-Bank Ċentrali ta aktar prijorità lill-ingaġġ ta’ gradwati li kien qiegħed isir fl-istess ħin. Il-Bank għandu bżonn jingaġġa żewġ messaġġiera. DeskrizzjoniNru ta’ applikanti Kandidati riferuti mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ367 Applikazzjonijiet sottometti lill-Bank221 Applikazzjonijiet milqugħa u mistiedna jattendu għall-eżami bil-miktub208 Kandidati li qagħdu ghall-eżami bil-miktub122 Kandidati mistiedna għall-intervista b’ordni tal-mertu50
Leg 12 PQ #13708 Sitting 233 2015-01-28 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għall-Finanzi

Taxxa fuq id-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja, sena b’sena, ta’ nies jaħdmu u li d-dħul tagħhom ma kienx jaqbeż il-minimu stabbilit mil-liġi sabiex titħallas it-taxxa fuq id-dħul bejn l-2010 u l-2014?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ persuni li jaħdmu inkluż dawk li jaħdmu għall-rashom u li d-dħul tagħhom ma kienx jaqbeż il-minimu stabbilit mill-liġi sabiex titħallas it-taxxa bejn l-2010 u l-2013 kien kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Sena Bażi Numru ta' persuni 2010 39,642 2011 38,219 2012 35,109 2013 32,627 Persuni li kienu studenti u fejn l-uniku dħul tagħhom kien l-istipendju u pensjonanti li ma kienux jaħdmu mhux inklużi. L-informazzjoni għas-sena 2014 mhix disponibbli peress li l-informazzjoni neċessarja għad trid tinġabar.
Leg 12 PQ #12970 Sitting 232 2015-01-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Finanzi

Skema ta' xiri tal-ewwel proprjetà

Question

B'referenza għall-iskema ta' xiri tal-ewwel proprjetà, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-iskema tippermetti li tkun applikata ukoll għal dawk li għalkemm għandhom proprjetà din il-proprejtà mhi xejn ħlief qabar jew one car garage?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m’hemmx ħsieb għal tibdil ta din l-iskema.
Leg 12 PQ #13658 Sitting 232 2015-01-27 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Finanzi

Ministeru għall-Finanzi — żieda fil-fees of office

Question

In vista ta’ dak li ntqal mill-Ministru għall-Finanzi fid-diskors tal-Baġit f’paġna 14 li ‘Se jkun hemm żieda relattiva fil-fees of office mid-dipartimenti tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid liema fees of office ta’ dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu diġà għolew u liema huma dawk li huma mistennija li jogħlew matul is-sena 2015? F’kull każ, kemm kienet il-fee fis-sena 2014 u kemm hija issa jew se tkun wara li togħla?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #13711 Sitting 232 2015-01-27 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għall-Finanzi

Finanzi Awtorizzati – flus lejn pajjiżi Afrikani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm joħorġu flus minn Malta kull sena li jintbagħtu lejn pajjiżi Afrikani via aġenziji finanzjarji awtorizzati?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Bank Ċentrali ta’ Malta ma jkollux din l-informazzjoni.
Leg 12 PQ #13717 Sitting 232 2015-01-27 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — persuni liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni liċenzjati mill-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji sal-aħħar tas-sena 2014 u kemm kien hemm żjarat għall-verifika ta' compliance għand dawn il-persuni f'din is-sena? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2008 sal-2014?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 12 PQ #13718 Sitting 232 2015-01-27 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għall-Finanzi

MFSA — rapport dwar money laundering

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji għandha rapport fuq is-superviżjoni kontra money laundering f'Malta li ġie kkummissjonat mill-istess Awtorità u li sar fis-sena 2014 mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan ir-rapport?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapport fuq is-superviżjoni kontra money laundering gie kkummisjonat mill-MFSA wara diskussjonijiet mal-FIAU u LGA, fuq kif tiġi applikata metodoloġija ta monitoraġġ ġdid għal kontra money laundering mill-IMF. Dan ir-rapport sar għal użu intern u mhux għal skop pubbliku.