Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentri tas-saħħa –pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' pazjenti li marru f`kull ċentru tas-saħħa , xahar b’xahar, bejn Jannar u Mejju 2014? Kemm minn dawn il-pazjenti ġew riferuti għad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ pazjenti li marru f’kull ċentru tas-saħħa bejn Jannar u Mejju 2014 huwa ta’ mitejn u tlettax-il elf, tmien mija, ħamsa u sittin (213,865), li minnhom, elf erba’ mija u tlieta u tletin (1433) ġew irriferuti għad-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei

Operazzjonijiet – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f’xi sptar iehor, u jagħti n-numru tal-pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku? Jista’ jghid ukoll kemm ilhom jistennew skont dawn il-perjodi li ġejjin: Anqas minn tliet xhur; Bejn 3 u sitt xhur; Bejn 7 u 12-il xahar; Bejn 13 u 24 xahar; Bejn 25 u 36 xahar; u Aktar minn 36 xahar?

Response (MIZZI, KONRAD)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Mater Dei – Testijiet tad-demm

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-demm fl-Isptar Mater Dei bejn Jannar u Mejju 2014, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b`xahar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Fl-Isptar Mater Dei, bejn Jannar u Mejju 2014, saru tliet miljuni, seba’ mija u erbgħa u tletin elf, seba’ mija u erbgħa u erbgħin (3734,744) test tad-demm: F’Jannar, sitt mija u dsatax-il elf, erba’ mija u tmienja u tletin (619,438) Fi Frar, ħames mija u sebgħa u sebgħin elf, mija u tmienja u disgħin (577,198) F’Marzu, sitt mija u tmienja u għoxrin elf, sitt mija u sitta u tmenin (628,686) F’April, sitt mija u erbgħin elf, seba’ mija u tletin (640,730) F’Mejju, sitt mija u ħamsa u ħamsin, sitt mija u erbgħa u tmenin (655,684)

Ċentri tas-Saħħa – testijiet tad-demm

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tad-demm f’kull Ċentru tas-Saħħa bejn Jannar u Mejju 2014, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b`xahar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Fiċ-Ċentri tas-Saħħa, bejn Jannar u Mejju 2014, kien hemm wieħed u erbgħin elf, tliet mija u sebgħin (41,370) persuna li sarlhom test tad-demm: F’Jannar, sebat elef, seba’ mija u tnejn u ħamsin (7752) Fi Frar, sebat elef, erba’ mija u sitta u ħamsin (7456) F’Marzu, tmint elef, erba’ mija u sitta u disgħin (8496) F’April, tmint elef, seba’ mija u tlieta u għoxrin (8723) F’Mejju, tmint elef, disa’ mija u tlieta u erbgħin (8943) Fiċ-Ċentri tas-Saħħa, bejn Jannar u Mejju 2014, saru sittax-il elf, tliet mija u dsatax (16,319)-il test tal-INR tad-demm: F’Jannar, tlett elef, mitejn u għaxra (3210) Fi Frar, tlett elef, tliet mija u ħamsa (3395) F’Marzu, tlett elef, u erbgħatax(3014) F’April, tlett elef, sitt mija u wieħed u tmenin (3681) F’Mejju, tlett elef u dsatax (3019)

CT-Scan, MRI

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet CT-Scan, MRI jew testijiet simili, kategorija b`kategorija bejn Jannar u Mejju 2014, u jagħti d-dettalji test b’test u xahar b`xahar?

Response (MIZZI, KONRAD)

Bejn Jannar u Mejju 2014 saru tnax-il elf, erba’ mija u tminja u għoxrin (12,428) test tas-CT-Scan filwaqt li saru ħamest elef, erba’ mija u tnejn u tmenin (5482) test tal-MRI.

CT-Scan, MRI– lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nies jistennew għal CT-Scan, MRI jew testijiet simili, kategorija b`kategorija, u meta hu l-aktar appuntament fil-bogħod?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninsab mgħarraf li appuntament għal CT Scans u MRIs qegħdin jingħataw fi żmien ta’ ftit ġimgħat. F’każijiet urġenti l-appuntament saħansitra jingħata anke fl-istess ġimgħa. L-iżjed appuntament ’il bogħod huwa għal Frar li ġej.
Leg 12 PQ #10849 Sitting 187 2014-10-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

San Pawl il-Baħar — dawl pubbliku ħdejn it-torri u fil-pjazza ta’ Buġibba

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’passi ttieħdu biex id-dawl pubbliku li hemm ħdejn it-torri ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll fil-pjazza ta’ Buġibba jiġi rranġat? Kemm-il darba saru rapporti tal-qtugħ ta’ dan id-dawl fl-aħħar ġimgħat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dawl pubbliku li hemm ħdejn it-Torri ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll fil-pjazza ta’ Buġibba ma’ jaqax taħt ir-responsabbilta’ tal-Enemalta. Kien hemm rapport wieħed biss fuq qtugħ ta’ dawn ħdejn it-Torri, liema rapport ġie mgħoddi lil Kunsill Lokali.

Raħal Ġdid — Problema ta’ Sanità – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li hemm problema ta’ sanità f’Raħal Ġdid?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-kaz qed jigi investigat.

Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ġie mistħarreġ u rriżulta li l-problema kienet waħda teknika. Il-każ issa ġie solvut.

Żbroff tad-drenaġġ – każ f’Ħal Tarxien

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna minn Ħal Tarxien li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li ġarrbet ħsara kbira kawża ta’ żbroff tad-drenaġġ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija aċċettat il-kumpens offrut mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-każ huwa magħluq.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa – Vot Kapitali – spejjeż relatati m’Għawdex

Question

Jista' l-Ministeru jinforma lill-Kamra u jagħti breakdown tal-ispejjeż li saru minn Diċembru 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, dwar kull item tal-Vot Kapitali tal-Ministeru tiegħu, u dan fejn jirrigwarda items dwar servizzi tas-saħħa f'Għawdex?

Response (MIZZI, KONRAD)

It-tagħrif mitlub f’din il-mistoqsija parlamentari ma jistax jingħata minħabba li hu ta’ natura kummerċjali.

Strateġija Nazzjonali kontra l-obeżità

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta’ dak li sar bejn Jannar u Mejju 2014 fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-obeżità?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-programm nazzjonali kontra l-obeżità qiegħed jitmexxa skont lis-Strateġija Nazzjonali għal Malta “Piż tajjeb tul il-ħajja”. Il-Segretarajt Parlamentari għas-Saħħa qiegħed ikompli joffri edukazzjoni dwar id-dieta bilanċjata u l-eżerċizzju fiżiku fuq il-midja kif ukoll permezz ta’ attivitajiet fil-komunità, skejjel u postijiet tax-xogħol u ma’ gruppi u komunitajiet differenti. F’Frar saret it-tnedija għall-konsultazzjoni ta’ Politika Nazzjonali dwar l-Ikel u l-Nutrizzjoni. Id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard qed jorganizza klassijiet tal-aerobika u klassijiet ta’ weight management. Matul Jannar u Mejju attendew disa’ mija u disgħa u għoxrin (929) persuna għall-klassijiet tal-aerobika u tliet mija u tnejn u disgħin (392) persuna għall-klassijiet tal-weight management. Il-membri tad-Direttorat jipparteċipaw fuq bażi regolari fi programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni sabiex jagħtu pariri dwar id-dieta u l-piż żejjed filwaqt li jagħmlu konsultazzjonijiet mal-persuni bi bżonnijiet speċjali. Saru preżentazzjonijiet lill-udjenzi miż-Żurrieq, Naxxar, Mellieħa, Raħal Ġdid, Belt Valletta, u gruppi ta’ ġenituri u tfal fl-iskejjel. Saru għadd ta’ seminars għall-ħaddiema f’childcare centres dwar ikel bnin għal tfal żgħar. Sar proġett mall-Aġenzija Appoġġ dwar tisjir bl-irħis u dieta tajba għal nisa b’qliegħ baxx. Saret kampanja nazzjonali dwar il-melħ żejjed fl-ikel u kif wieħed jista’ jsajjar bl-użu ta’ ħwawar. Fix-xahar ta’ Ġunju l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-obeżità ssoktat permezz tat-tnedija ta’ proċess ta’ konsultazzjoni dwar in-National Breastfeeding Policy.

Pjan nazzjonali dwar il-kanċer

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta’ dak li sar bejn Jannar u Mejju 2014 fl-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali dwar il-kanċer?

Response (MIZZI, KONRAD)

Il-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer qiegħed jiġi mwettaq skont action plan li kien approvat qabel mal-Pjan kien mniedi fl-2011. 1. Irċevejna r-rapport finali tal-mid-term evaluation tal-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer li sar minn esperti Franċiżi fl-aħħar xhur tal-2013. Ir-rapport ikkonkluda li sar progress notevoli fir-rigward tal-miżuri fil-Pjan fuq il-promozzjoni ta’ għarfien sabiex issir il-prevenzjoni, l-iskrinjar, r-reġistru u l-ġbir ta’ informazzjoni fuq il-kanċer. Irriżulta li l-professonisti fil-qasam tal-kura tal-kanċer jafu u huma infurmati tajjeb fuq x’għandu bżonn isir sabiex il-kwalità tkompli togħla. 2. Il-programm nazzjonali tal-iscreening għall-kanċer tal-musrana l-kbira, issa qed jopera b’mod regolari u jindirizza persuni residenti f’Malta li għandhom minn sittin (60) sa erbgħa u sittin (64) sena età. Bejn Jannar u Mejju, tlett elef, mitejn u tnejn u ħamsi (3252) persuni ġew mistiedna biex jipparteċipaw fil-programm u sitta u tletin punt sebgħa fil-mija (36.7%) minnhom aċċetaw din l-istedina. In-numru ta’ persuni li kellhom l-ewwel screening test b’riżultat pożittiv u ġew irreferuti għal colonscopy kienu 108. Minn dawn 72% instabulhom polyps li setgħu kienu potenzjalment pre-malignant. Instabu 7 każijiet ġodda tal-kanċer tal-musrana l-kbira. 3. Il-programm nazzjonali tal-iscreening għall-kanċer tas-sider fin-nisa issa qiegħed fit-tieni ċiklu ta’ tlett (3) snin. Bejn Jannar u Mejju, sitt elef, mitejn u sittax (6216)-il mara ġew mistiedna biex jipparteċipaw fil-programm u wieħed u ħamsin punt tnejn fil-mija (51.2%) minnhom aċċetaw din l-istedina. F’dawn ix-xhur instabu ħamsa u għoxrin (25) każ ġdid ta’ kanċer tas-sider. B’hekk, minn mindu beda il-programm instabu ’l fuq minn mitejn u ħamsin (250) każ ġdid ta’ kanċer tas-sider. 4. Il-programm ta’ prevenzjoni għall-kanċer tal-għonq tal-utru permezz ta’ tilqim ta’ kontra l-infezzjonijiet tal-Human Papilloma virus (HPV) mixi tajjeb. Tfajliet imwielda fl-2000 u fl-2001 bdew jiġu mistiedna sabiex jattendu għal dan it-tilqim li qed jingħata mid-Dipartiment tal-Kura Primarja fl-2013. F’Jannar 2014 bdew ukoll jiġu mistiedna tfajliet li twieldu fl-2002. Mit-tfajliet kollha li ġew mistiedna bejn Jannar u Mejju, kien hemm respons ta’ tnejn u tmenin punt tlieta u sittin fil-mija (82.63%) għall-ewwel tilqima; wieħed u disgħin punt żero erbgħa fil-mija (91.04%) għat-tieni tilqima (wara xahar mill-ewwel tilqima); u sita u disgħin punt sebgħa u għoxrin fil-mija (96.27%) temmew il-kors peress li ħadu wkoll it-tielet tilqima (sitt xhur wara t-tieni tilqima). Il-programm ta’ stedin għat-tfajliet mwielda fl-2001 ingħalaq filwaqt li l-istedin tat-tfajliet mwielda fl-2000 wasal biex jintemm. 5. Inxtara u beda jiġi wżat apparat ġdid għat-taħriġ bbażat fl-isptar Boffa fuq portacath catherisation (Central Venous Access Device u Totally Implanted Venous Access Device). Kompetenza f’dan is-settur huwa importanti ħafna u b’mod speċjali fil-kura tal-kanċer u fil-kura paljattiva. Dan l-apparat jipprovdi simulazzjoni dettaljata sabiex it-tagħlim issir f’ambjent simulattiv qabel ma mbagħad jitkompla fuq il-pazjenti. L-apparat wasal f’April. Taħrig b’dan l-apparat jingħata f’sessjonijiet apposta lill-infermiera, tobba u professonisti oħra.

Sptar Mater Dei — customer care –ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu każijiet ta' ilmenti fil-customer care section tal-Isptar Mater Dei, xahar b’xahar, bejn Jannar u Mejju 2014, kategorija b'kategorija? Kemm minnhom ġew solvuti u kemm baqa' pendenti?

Response (MIZZI, KONRAD)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ċentri tas-saħħa – house visits

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru house visits minn kull ċentru tas-saħħa, xahar b’xahar, bejn Jannar u Mejju 2014?

Response (MIZZI, KONRAD)

F’Jannar kien hemm elf seba’ mija u sitta u tletin (1736); fi Frar elf ħames mija u sittax (1516); f’Marzu elf seba’ mija u tnejn u għoxrin (1722); f’April elf ħames mija u ħamsa u erbgħin (1545) u f’Mejju elf erba’ mija u erbgħa u għoxrin (1424) house visit miċ-ċentri tas-saħħa.
Leg 12 PQ #10549 Sitting 186 2014-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Għajn Stas/San Martin, limiti ta’ San Pawl il-Baħar –Mains tal-ilma

Question

Billi matul iż-żmien li għadda kienet saret applikazzjoni mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) biex jitqiegħdu mains ġodda fl- inħawi ta’ Għajn Stas/San Martin, limiti ta’ San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol ikkonċernat?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress lix-xogħol irid isir barra miż-żona ta’ żvilupp, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma trid l-ewwel tevalwa l-prijoritajiet oħrajn li hemm f’żoni ta’ żvilupp.

Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħata l-ebda xogħol lill-kumpaniji msemmija.
Leg 12 PQ #10740 Sitting 186 2014-10-14 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa

Kennedy Grove – ħarsien ta’ ġiebja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif kienet timtela bl-ilma l-ġiebja li hemm fir-rotta tat-triq li qed titwessa’, ħdejn Kennedy Grove, limiti ta' San Pawl il-Baħar? Kif ser jiġi assigurat li l-ġiebja, għalkemm ser titneħħa, tiġi b'xi mod imħarsa, bħala parti mill-wirt marbut mal-ilma ta' pajjiżna?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil Ministeru kkonċernat.

Sussidju tad-dawl u l-ilma – każ ta’ persuna minn Raħal Ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna minn Raħal Ġdid li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward sussidju tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ ġie mistħarreġ u rriżulta li kien konkluż aktar qabel.

Kont tad-dawl u l-ilma – każ ta’ individwu minn Santa Luċija

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu minn Santa Luċija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandu problema bil-kont tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi nstab li ma kien hemm l-ebda anomalija fil-kontijiet tal-post ikkonċernat. Il-persuna ġiet ikkuntatjata minn ARMS Ltd.