Legislature:
Category:
Reset
Active:

Manifest Elettorali – Proposti

Question

B'rabta mal-istqarrija tal-Gvern li kienet irrappurtata anke fil-paġna tal-Kunsill Malti għall-Isport fil-magazin "Sportiv" (pġ numru 38 tal-ħarġa ta' Frar 2014), jista' l-Ministru jelenka b'mod konkret liema kienu dawk l-40% tal-proposti tal-Manifest Elettorali li ġew imwettqa sa issa fil-qasam sportiv skont kif irrappurtat anke fl-istess artiklu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li twettqu diversi proposti li ħafna minnhom jibqgħu għaddejjin matul il-leġiżlatura, fosthom: Proġetti mal-Kunsilli Lokali Assistenza lill-Atleti Maltin Skema 20/20 għal kowċis Kuntratt ta’ erba’ snin mal-Kumitat Olimpiku Malti Kontribuzzjoni u support lill-iskola nazzjonali tal-isport Konsultazzjoni tal-KMS ma’ Għaqdiet Sportivi Promozzjoni ta’ Turiżmu Sportiv

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Dicembru 2010, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li ngħataw lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif ġej:- Tabella 'A' - Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Tabella 'B' - Università ta' Malta Tabella 'C' - Kunsill Malti għall-Isport

Kunsill Malti għall-Isport — Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport? Jista’ jagħti d-dettalji tar-remunerazzjoni taċ-chairman inkluż perkaċċi jekk hu l-każ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Iċ-chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport hu l-Onor. Dr Luciano Busuttil. Infurmat li bħala Chairman tal-Kunsill Malti għall-iSport ma jitħallas ebda remunerazzjoni u l-anqas perkaċċi iżda onorarja li tammonta għal €13,976.24 fis-sena.

Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — bini ta' kumpless sportiv ġdid

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8401, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-oġġettiv tal-istudju dwar il-bini tal-kumpless sportiv ġdid fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal Ħandaq? Jista’ jgħid jekk dan ir-rapport hux jistudja jekk dan il-proġett sportiv għandux jitwaqqaf, meta qabel kien maħsub li dan il-proġett ikun fuq skala simili għal dak tal-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop, biex jaqdi l-bżonnijiet tal-istudenti filgħodu u għall-komunità tal-madwar wara l-ħin tal-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li skont il-pjan lokali għaż-żona ċentrali, l-art imsemmija hija green area. Għalhekk dan is-sit mhux ikkunsidrat tajjeb għal dan l-użu. L-iskejjel eżistenti se jagħmlu użu mill-faċilitajiet sportivi esterni, kif ukoll meta jitlesta x-xogħol ta' refurbishment tan-Nissen Hut, din se tiġi utilizzata biex b'hekk isiru attivitajiet interni fir-rigward ta' sports.

Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq — Walking and jogging club

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8402, li minnha joħroġ li l-parteċipanti li jmorru jimxu u jiġru bla ħlas fit-trakki tal-atletika tal-iskejjel tal-istat żdiedu sostanzjalment mit-twaqqif ta’ din l-inizjattiva fl-2010, jista’ l-Ministru jikkonsidra li minflok inaqqas il-ħinijiet tal-aċċessibiltà għall-pubbliku f’dawn l-iskejjel, iżid il-promozzjoni biex jużawh aktar u aktar nies, meta nafu bir-rata ta’ obeżità li għandna fil-pajjiż?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Naqbel li naraw kif nippromwovu dawn l-inizjattivi sabiex iktar nies jipparteċipaw f'attivitajiet ta' eżerċizzju fiżiku.

After School Sports Programmes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-After School Sports Programmes għadhomx qed isiru għall-istudenti fl-iskejjel tal-Istat? Kemm hemm studenti li qed jipparteċipaw f’kull skola, skola bi skola? Jista’ jgħid jekk kienx hemm tnaqqis ta’ ħinijiet f’dan il-programm? F’liema lokalitajiet sar dan it-tnaqqis? Għaliex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li iva, l-After School Sports Programmes għadhom isiru għall-istudenti fl-iskejjel tal-Istat. Fl-iskejjel primarji, n-numru ta’ parteċipanti f’kull skola huwa: Kunsill Lokali Attività Parteċipanti Birgu After School 55 Ħal Qormi - San Ġorġ After School 30 Ħal Qormi - San Bastjan After School 35 Birzebbuġia After School 25 Gudja After School 28 Għargħur After School 29 Għaxaq After School 35 Luqa After School 42 Mosta After School 38 Mtarfa After School 32 Għarb After School 18 Xewkija After School 22 Dan il-programm isir skont ftehim milħuq (permezz ta’ kuntratt) bejn il-kunsill lokali, il-Kunsill Malti għall-Isport u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali, taħt l-iskema Inizjattivi Sportivi Kunsilli Lokali . Il-programmi fil-lokalitajiet kollha qed isiru skont il-ftehim milħuq u ma kienx hemm tnaqqis fil-ħinijiet ta’ dan il-programm. L-After School Sports Programme fl-iskejjel tas-sekondarja qed isiru f’kull skola fejn kien hemm rikjesta kif indikat hawn taħt: Kulleġġ Marija Reġina, Skola Sekondarja Bniet, Mosta – 49 parteċipant Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja Subien, Kirkop – 60 parteċipant Kulleġġ Santa Margerita, Skola Sekondarja Bniet, Żejtun – 24 parteċipant.

Kunsill Malti għall-Isport – impjegati ġodda

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari W69, jista’ l-Ministru jgħid f’liema karigi daħlu l-erba’ persuni ġodda full-time mal-Kunsill Malti għall-Isport? X’inhuma s-salarju tagħhom u l-kundizzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-karigi u l-kundizzjonijiet tal-erba’ persuni ġodda full-time huma: Facility Manager II - € 23,380.46 – Kuntratt definit ta’ tlett snin Assistent Personali tal-eks Chairman - €23,422 - Detailed (telaq lura f'Ottubru 2013) Senior Operative - € 13,355 - Detailed Tal-Qroqq Sports Complex Coordinator & HR - €16,184 - Detailed.

Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijiet Speċjali u Edukazzjoni Inklussiva

Question

B’referenza għall-istqarrija li għamel il-Ministru dwar l-istudju profond li l-Gvern ikkummissjona lill-Aġenzija Ewropea għall-Bżonnijet Speċjali u Edukazzjoni Inklussiva, rigward il-politika kurrenti tal-inklużjoni tal-istudenti fl-iskejjel, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference li ngħatat lil din l-Aġenzija? Jista’ jgħid jekk għandux il-ħsieb li jagħmel xi tibdil fil-politika kurrenti dwar studenti bi bżonnijiet speċjali u/jew dwar l-inklużjoni edukattiva, qabel ma jitlesta l-istudju u jsiru r-rakkomandazzjonijiet mill-Aġenzija msemmija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference mitluba mill-Onor. Interpellant. M’hemm l-ebda ħsieb li jsir xi tibdil.

Assembly fl-Iskejjel Primarji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk ingħatatx direttiva sabiex ma jsirx is-sinjal tas-salib matul l-assembly fil-bidu tal-ġurnata fl-iskejjel primarji tal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li kemm il-Ministeru, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi kif ukoll ebda Prinċipal ta' Kulleġġ ma ta direttiva li qed jistaqsi fuqha l-Onor. Interpellant.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – korsijiet universitarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-residenti ta’ Kordin jistgħux jagħmlu korsijiet universitarji online? Liema korsijiet? Hemm xi ħadd li għamel jew li bħalissa qed jieħu xi kors?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Peress li l-Faċilita` msemmija fil-mistoqsija taqa’ taħt il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta` Nazzjonali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

European Personnel Selection Office

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn Maltin li applikaw għal xogħol ġewwa l-Ewropa u li ġew screened mill-European Personnel Selection Office bejn l-2008 u l-2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li l-EPSO hu uffiċċju tal-Unjoni Ewropea, responsabbli minn proċessi ta' għażla għal reklutaġġ eventwali mal-istituzzjonijiet tal-UE. L-entita` fi ħdan il-Ministeru tiegħi li hi kkonċernata minn impjiegi, jiġifieri l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, ma jkollha ebda informazzjoni dwar dan is-suġġett.

Akkademja tal-Arti – skejjel tal-Mużika, Arti u Drama

Question

Jista’ l-Ministru jispjega jekk hemmx pjan biex titwaqqaf l-Akkademja tal-Arti skont l-Avviż Legali li kien għadda biex propju tiġbor fiha l-iskejjel kollha tal-Mużika, Arti u Drama? Jekk dan il-proċess beda, jista’ jispjega x’sar s’issa u jekk ġewx stipulati timeframes?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-Ministeru qiegħed jevalwa dan l-Avviż Legali u għaldaqstant għad m’hemmx pjan ta’ implimentazzjoni, għalissa.

Educational Village — akkademja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-pjan tal-Amministrazzjoni preċedenti biex tinbena l-Akkademja fuq art tal-Gvern li kienet għaddiet lill-Ministeru għall-Edukazzjoni għal dan il-proġett, issa hux se jsir? X’se jsir minn din l-art? Huwa minnu li issa l-Akkademja se tinbena fil-Ħamrun flok l-iskola Maria Assunta? Jeżisti master plan ta’ dan il-proġett il-ġdid? Huwa minnu li dan se jkun jifforma parti minn educational village? X’se jkun jinkludi dan il-villaġġ? Kemm se tkun kbira l-Akkademja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Fuq din l-art imsemmija mhux se tinbena Akkademja. Għadu qiegħed jiġi studjat x’jista jkun l-użu ta’ din l-art. Il-proposta biex tinbena l-Akkademja ġiet imressqa lill-FTS biex tiġi studjata l-possibilta` u tkun ikkunsidrata fil-Master Plan tal-Educational Village. Il-Master Plan għadu mhux finalizzat.

Skola tal-Mużika – użu ta’ binja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-bini fejn qabel kienet l-iskola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq l-Ifran se jgħaddi f’idejn xi ħadd ieħor jew Ministeru ieħor? X’se jkun l-użu ta’ din il-binja? Sakemm jinbena l-educational village u l-akkademja, l-iskola tal-Mużika se tibqa’ topera minn fejn qed topera bħalissa jew se timxi fil-bini fejn qabel kienet l-Iskola Sekondarja tas-subien fil-Marsa? Jekk hemm xi pjan, meta se jsir dan iċ-ċaqliq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-bini fejn qabel kienet l-iskola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq l-Ifran se jgħaddi f’idejn il-Ministeru tat-Turiżmu, għall-użu tal-Ministeru. Qed jiġu evalwati siti alternattivi biex jiġi identifikat post li jkun jista’ jakkomoda l-iskola tal-Mużika, peress li fil-futur mhux se tibqa’ topera fil-bini li qabel kienet l-iskola Sekondarja tas-subien fil-Marsa. It-trasferiment isir meta jiġi identifikat il-post.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – rwol ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingħatax xi rwol mill-Ministeru? X’inhu r-rwol tiegħu u jekk hux qed jingħata xi ħlas/kumpens għal dan ix-xogħol? Jista’ jgħid x’inhuma l-ħlasijiet li qed jingħata nkluż il-ħlas tal-perkaċċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, fil-preżent ma għandu l-ebda rwol ma’ dan il-Ministeru.

Kulleġġ San Injazju — faċilitajiet sportivi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8399, jista’ l-Ministru jgħid liema u x’jinkludu l-faċilitajiet sportivi li se jkunu qed jintużaw mill-iskola sekondarja tal-bniet fil-Kulleġġ San Injazju f’Tal Ħandaq? Meta se jkunu lesti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-faċilitajiet sportivi fi ħdan il-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq qed jintużaw kemm mill-istudenti subien kif ukoll mill-istudenti bniet. Dawn il-faċilitajiet sportivi huma dawk fuq barra, jiġifieri l-pitch tal-futbol u l-basketball court. Hemm erba' nissen huts li se jiġu żviluppati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u dawn huma pjanati li jkunu lesti s-sena d-dieħla. Dawn ukoll se jintużaw kemm mill-istudenti bniet kif ukoll mill-istudenti subien tal-iskejjel sekondarji fil-Kulleġġ San Injazju f'Tal-Ħandaq.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li, mill-Ministeru u d-Direttorati u l-entitajiet kollha li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru tiegħi, ingħataw xogħlijiet lill-kumpanija indikata mill-Onor. Interpellant kif jidher fit-tabelli 'A' u 'B' li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Attività Ġieħ l-Isport Malti — mistednin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-Għaqdiet Sportivi li ġew mistiedna mill-Kunsill Malti għall-Isport għall-attività Ġieħ l-Isport Malti li saret is-Sibt 15 ta’ Marzu 2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-għaqdiet Sportivi li ġew mistiedna għal Ġieħ l-Isport Malti kienu dawk l-Għaqdiet li kellhom l-atleti tagħhom innominati għas-serata finali. Dawn huma: Malta Ten Pin Bowling Association Malta Shooting Sports Federation Ying Yang Kick Boxing Malta Pool Association ASA MFA Malta Weightlifting Association MAAA Malta Gymnastics Federation Malta Triathlon Federation Għaqda Regatta Nazzjonali MBA Special Olympics Malta MOC

Ftehim bejn klabb tal-futbol u l-KMS dwar sit għall-grawnd

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim li kien ġie ffirmat bejn il-Kunsill Malti għall-Isport u l-klabb tal-futbol Naxxar Lions FC fis-sena 2012 dwar is-sit ta’ fejn kellu jinbena l-grawnd tal-futbol fil-lokalità tan-Naxxar li kemm il-Gvern u l-klabb Naxxari kienu qablu fuqu, għadux wieħed validu jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt iffirmat mill-Kunsill Malti għall-Isport ma’ Naxxar Lions FC għadu validu u dan peress illi l-għaqda sportiva in kwistjoni ma kkomunikatx fl-ebda punt xi deżiderju da parti tagħha biex tinħall mill-istess kuntratt. Il-Kunsill Malti għall-Isport għadu kommess li jittrasferixxi din l-art, soġġett għall-approvazzjoni (no objection) tal-MEPA li ġiet mitluba lill-Klabb u li s’issa għadha ma ġietx preżentata minnu lill-KMS u għall-obbligi kollha li jiffurmaw parti mill-kuntratt relatat mar-rilokazzjoni ta’ Naxxar Lions.

San Pawl il-Baħar — skola

Question

Billi qed jirriżulta li ripetutament għaddejja spekulazzjoni qawwija dwar x'se jiġri mill-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar u dan minħabba fl-informazzjoni konfliġġenti li qiegħda toħroġ minn ministeri differenti, jista' l-Ministru jassigura lill-ġenituri tat-tfal li jattendu din l-iskola, li fil-fatt l-iskola mhux se titneħħa minn fejn qiegħda, ukoll jekk ikun hemm skola ġdida li tinbena f'xi parti oħra tal-lokalità?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Il-popolazzjoni studenteska f'San Pawl il-Baħar titlob li jkun hemm żewġ skejjel primarji biex it-tfal jintlaħqu aħjar. Il-bini ta' skola ġdida f'San Pawl il-Baħar ma jfissirx l-għeluq tal-iskola eżistenti.