Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw probations, suspended sentences, u sentenzi ta' ħabs din is-sena u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi skond ir-records miżmuma fir-Reġistri tal-Qorti Kriminali u Qorti tal-Maġistrati (Malta), il-persuni li weħlu sentenza ta' priġunerija sospiża ta' aktar minn sena, jew sentenza ta' ħabs il-fuq minn sena, huma skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub dwar Ordni ta' Probation li ngħataw, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu pulizija quddiem bord ta' dixxiplina s-sena l-oħra u din is-sena u għaliex u x'kien l-esodu? X'rank kellhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 2 kuntistabbli li għaddew proċeduri dixxiplinarji skond ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, prinċipalment disubbidjenza t'ordnijiet. Il-każ tagħhom ġie deċiż u weħlu jumejn u tlett ijiem sospensjoni tal-paga rispettivament. Kien hemm ukoll 16-il surġent u 176 kuntistabbli li għaddew proċeduri ta' dixxiplina sommarji fuq ksur tat-Tielet Skeda ta' Kap 164. Minn dawn 170 instabu ħatja u ngħataw twaqqif ta' off duty li tvarja minn ġurnata sa sitt ijiem, kif ukoll twissija.
Matul din is-sena kien hemm spettur u kuntistabbli li għaddew proċeduri dixxiplinarji skond ir-regolamenti tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, prinċipalment fuq traskuraġni ta' xogħol u disubbidjenza t'ordnijiet rispettivament. Il-każ tagħhom għad mhux deċiż. Kien hemm ukoll 15-il surġent u 139 kuntistabbli li għaddew proċeduri ta' dixxiplina sommarji fuq ksur tat-Tielet Skeda ta' Kap 164. Minn dawn 145 instabu ħatja u ngħataw twaqqif ta' off duty li tvarja minn ġurnata sa ħames t'ijiem, kif ukoll twissija.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali tal-membri tal-korp tal-pulizija bħalissa? Kemm minnhom huma nisa? Ta’ liema rank huma? Jista’ jgħid kemm telqu pulizija nisa minn Jannar 2005 ’il hawn? X’kienu r-raġunijiet prinċipali għal dan u ta’ liema rank kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 1,726 membru fil-Korp tal-Pulizija. Dawn huma mqassma kif ġej:
IrġielNisa
Kummissarju1-
Deputat Kummissarju1-
Assistant Kummissarju9-
Supretendent201
Spettur7615
Surġent Maġġur1-
Surġent28225
Kuntistabbli1,086209
Infurmat ukoll illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija nisa li rreżinjaw matul din is-sena kienu spettur u sitt kuntistabbli.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il sejħa saret għall-fire engines matul dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena? F'liema lokalitajiet ta' Malta u Għawdex kienu? Kemm minn dawn is-sejħiet kienu għal raġunijiet domestiċi?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-monthly incident reports li jkopri l-istazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'Malta u Għawdex.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inqabdux persuni jgħumu ħdejn il-baħar lebsin b'mod indiċenti jew agħar minn hekk mhux imlebbsin? Fejn sar dan l-abbuż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ma kienx hemm każijiet ta' persuni li nstabu fejn il-baħar/jgħumu mhux lebsin deċenti jew għarwenin.
Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li l-informazzjoni li ta għal domanda parlamentari ma kenitx korretta għax intqal li fir-rave party li kellu jsir fil-5 ta' Ġunju fil-Paradise Bay, parti biss mill-bajja se tintuża, meta fil-fatt intużat il-bajja kollha u ħadd ħlief dawk li kienu sejrin għall-party ma tħalla jidħol? Jista' jgħid jekk il-fatt li t-triq ingħalqet minn fejn hemm il-lukanda paradise bay, sarx bil-permess jew b'abbuż? Jista' jispjega d-diskrepanza bejn ir-risposta mogħtija għal dik il-mistoqsija u dak li ġara fir-realta' u x'passi se jieħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapporti minn xi persuna jew persuni li ilmentaw li ma setgħux jinżlu fil-bajja u sa fejn huwa magħruf u jista' jiġi konstatat, kienet użata dik il-parti tal-bajja fejn kien hemm il-permess. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ħasset il-ħtieġa li tingħalaq it-triq minħabba s-sigurta' għal massa ta' nies li attendiet għal din l-attivita'.
Infurmat ukoll illi l-permess li ngħata mid-Dipartiment tal-Artijiet biex issir attivita' f'Paradise Bay fil-5 ta' Ġunju 2005, ma kienx biex isir 'Rave Party', imma biex isir 'Free Lido Festival'. Il-permess kien suġġett għal kundizzjoni li l-bajja tibqa' aċċessibli u miftuħa għall-pubbliku u li l-applikant jottjeni il-permessi kollha meħtieġa.
Id-Dipartiment tal-Artijiet ma irċieva l-ebda ilment mill-pubbliku li xi ħadd inżamm milli jmur jgħum meta saret din l-attivita'.
Paceville — Persuni li nqabdu jpejpu kontra l-liġi
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jpejpu f'Paceville kontra l-liġi sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 81 persuna li nqabdu jpejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa projbit ġewwa Paceville.
Billi persuni akkużati b'white slave trafficking ġew mogħtija sentenza ta' twiddiba u anke multa żgħira, jaqbel il-Viċi Prim Ministru li dawn huma insult lejn kull min josserva l-liġi u x'se jagħmel biex jieqfu dan it-tip ta' sentenzi?
Response (BORG, TONIO)
Il-Ministeru tal-Ġustizzja ma hux responsabbli għall-għoti ta' pieni mill-ġudikanti. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Interpellant li l-White Paper "Lejn Ġustizzja Eħfef u Aħjar" tipproponi tibdil fil-liġi dwar dan is-suġġett, iżda fl-aħħar mill-aħħar, jkunu l-Qrati li, fl-awtonomija u indipendenza tagħhom, jiddeċiedu x'piena japplikaw.
Bis-saħħa ta' emenda fil-Kodiċi Proċedura Ċivili - opposta mill-Oppożizzjoni - hu possibli li f'ċerti każijiet l-Avukat Ġenerali jappella dwar piena li tkun ħafifa wisq għar-reat konness. Din l-emenda daħlet fis-seħħ fl-2002.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani x'ġara mit-talba tal-MTA tas-17 u t-28 ta' Mejju lill-pulizija li għandha referenza PAPP/S/100/GE/0332? Meta se tiġi approvata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' referenza indikat mhux dak tal-Pulizija. Għaldaqstant jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji, inkun nista' nikseb it-tagħrif mitlub.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid fl-ewwel ħames xhur ta’din is-sena kemm kien in-numru totali ta’serq li ġie rrapportat lill-pulizija? Kemm kien hemm serq minn djar? Kemm kien hemm minn ħwienet?
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm serqiet irrapportati lill-pulizija minn Jannar 2005 sal-lum? Jista’ jgħid kemm minn dawn kienu minn djar, minn vetturi u ta’ vetturi?
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew rapportati serqiet lill-pulizija minn Jannar 2005 minn dipartimenti tal-gvern? Mil-liema dipartimenti? X’insteraq? Kemm ġew solvuti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm pulizija sospiżi minħabba xi tip ta’abbuż ta’ droga, kemm jekk hu traffikar, pussess jew teħid? Kemm irriżenjaw wara li ġew akkużati u/jew investigati minħabba l-istess fatt? Kemm minn dawn diġa` tressqu l-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm membru tal-Korp tal-Pulizija wieħed sospiż wara li kien tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati ma' abbuż ta' droga. Il-każ tiegħu għad mhux deċiż. Infurmat ukoll illi matul din is-sena kien hemm erba' membri tal-Korp li ġew investigati ukoll in konnessjoni ma' droga, li kollha taw ir-riżenja tagħhom. Fil-konfront ta' wieħed, l-investigazzjoni ġiet konkluża u bdew proċeduri quddiem il-Qorti, liema proċeduri għadhom pendenti, filwaqt li l-każijiet tat-tlieta l-oħra għadhom qed ikunu investigati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pulizija — Rapporti dwar attakki fuq persuni minn klieb
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati każi ta' attakki fuq persuni minn klieb din is-sena? Kemm minn dawn kienu minn klieb marbuta u f'idejn sidhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena il-Pulizija kellha seba' (7) rapporti dwar attakki fuq persuni minn klieb, li f'każ wieħed il-kelb kien fuq iċ-ċinga.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' ċittadini Ċiniżi li ġew rapportati li ħarbu u daħlu illegalment l-Italja u/jew Sqallija minn Malta li oriġinarjament ġew Malta bil-visa ta' studenti tal-lingwa Ingliża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Awtoritajiet Taljani irrapurtaw tlett każi ta' ċittadini Ċiniżi li daħlu f'territorju Taljan klandestinament. F'żewġ każijiet minnhom irriżulta li dawn, 41 persuna, kienu f'xi żmien studenti ta' l-Ingliż f'Malta.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti quddiem il-qorti kriminali? Fuq liema akkużi? Kemm hemm barranin involuti? Kemm ilu jistenna l-aktar każ minn meta nħarġitlu l-akkuża biex isir il-ġuri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm 30 ġuri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali u l-akkużi huma s-segwenti:
attentat ta’ omiċidju volontarju6
sekwestru ta’ persuna/ħarba mill-ħabs1
droga – importazzjoni, pussess u traffikar12
omiċidju volontarju7
Serq/pussess ta’ arma u sewqan ta’ vettura bla polza ta’ sigurta’1
korruzzjoni ta’ minorenni1
uffiċjali pubbliċi li rċevew xi rigali jew vantaġġi u kxif ta’ sigriet pubbliċi mill-istess uffiċjali pubbliċi2
Infurmat ukoll illi hemm sitt (6) barranin involuti u l-iktar każ li ilu biex jinstema’ hwua l-att t’akkuża numru 7/2002 mill-21 ta’ Marzu, 2002.
Dan il-ġuri kellu jsir f’Ġunju, 2005 pero’ ma setgħax jinstema’ għax qed jistenna l-eżitu ta’ l-Appell ta’ xhud tal-prosekuzzjoni li jrid jixhed fil-ġuri kif ukoll l-eżitu ta’ kawżi ta’ xhieda oħra tal-prosekuzzjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti resokont fiex wasal l-istħarriġ dwar il-ħajt li nbena f'parti ta' l-iskola primarja ta' Pembroke fejn art pubblika ġiet mogħtija għal użu ta' klabb privat? Jista' jgħid x'passi dixxiplinarji jew ta' natura oħra se jittieħdu u jekk dan il-ħajt hux se jitwaqqa"? X'involviment kien hemm f'dan il-każ tad-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma kienetx qiegħda tagħmel l-ebda stħarriġ fuq il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant.
Peress li minn stħarriġ li sar, irriżulta li l-ħajt inbena fuq l-istruzzjonijiet tal-Kap ta' l-Iskola bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-art fejn hemm il-kamra tal-Characters li tinsab fuq tliet toroq f'Pembroke, Triq Cassino, Camilli Sciberras, L.Mifsud Tommasi, inqasmitx parti minnha lill-għaqda tal-MUSEUM billi hemm talba għal żvilupp u jekk il-parti rimanenti ta' l-art ingħatatx lil xi ħaddieħor għal użu separat? Jekk dan fil-fatt seħħ, ħarġet xi tender mid-dipartiment ta' l-artijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art indikata mill-Onorevoli Interpellant hija proprjeta' tal-Gvern u l-ebda parti minnha m'hi allokata lil terzi. Fuq parti minn din l-art kienu ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern sabiex jiġi żviluppat 'neighbourhood centre' fuq linji gwida maħruġa mill-MEPA. Din l-art pero' baqgħet mhux allokata għaliex ma kien hemm l-ebda offerent u għalhekk ser terġa' toħroġ sejħa għall-offerti fiż-żmien qarib.
Fuq l-art ta' biswit, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irċeviet talba mingħand l-għaqda tal-MUSEUM sabiex jiġi żviluppat ċentru tad-duttrina nisranija, iżda sal-lum it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għada ma allokatx din l-art. Infakkar li t-Taqsima ma tistax tikkunsidra talbiet għal użu speċifiku ta' art tal-Gvern qabel ma jkun hemm permess mill-MEPA għal tali użu, u fi kwalunkwe każ il-permess li jista' jinħareġ mill-MEPA ma jorbotx lit-Taqsima li tagħti din l-art għall-istess skop kemm jekk b'sejħa għall-offerti jew b'mod ieħor.