Legislature:
Category:
Reset
Active:

SVPR — Impjegata

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26675 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': Jista'jgħid fiex waslet it-talba ta' nurse li fl-SVPR (dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament) biex tiġi trasferita għall-isptar San Luqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani ma rċieva l-ebda talba mingħand il-persuna msemmija sabiex tiġi trasferita minn St. Vinċenz de Paule għal x'imkien ieħor.

Imtarfa Home

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li skrivana li taħdem fl-Imtarfa Home li qed tieħu t-tarbija ta' ftit ġimgħat tagħha, magħha għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellanti li l-Amministrazzjoni ta' l-Imtarfa Home deherilha li bħal ma sar f'każi oħra għandha tagħti permess temporarju lill-persuna li hija mpjegata każwali fuq xogħol klerikali biex tieħu t-tarbija tagħha magħha x-xogħol.

ETC — Taħriġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27263 u t-tweġiba għaliha liema programi bażiċi fil-kitba u qari u matematika applikata ġew organizzati matul din is-sena mill-ETC? F'kull program kemm attendew persuni? X'etajiet kellhom? Xi kwalifiki kellhom? X'riżultati kisbu permezz ta' dan il-kors?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul din is-sena il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ organiżżat ħdax il-programm bażiku fil-kitba u qari u matematika applikata. Għal dawn il-programmi attendew 71 persuna (68 raġel u 3 nisa). L-etajiet tal-parteċipanti qed jiġu elenkati hawn taħt: Etajiet Irġiel Nisa 16 - 24 8 0 25 - 39 32 1 40 - 49 22 0 50 - 59 6 2 60+ 0 0 L-ebda persuna mill-parteċipanti ma kellha kwalifiki filwaqt li dawk li lestew il-programm ingħataw ċertifikat ta' attendenza. L-ETC qed taddatta strateġija bil-programmi tagħha għal dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol u ma jafux jaqraw u jiktbu. Iktar milli programmi ta' massa, l-ETC qed tfittex li t-tagħlim ikun iktar personaliżżat. Infatti qed jingħataw dawn is-servizzi: - Fiċ-Ċentru Paolo Freri fiż-Żejtun fejn fit-tagħlim hemm tutor ma' kull klijent; - F'Ħal Far fejn fit-tagħlim hemm tutor ma' kull ħames klijenti; - Fil-kunsilli lokali fejn hemm tutor ma' kull ħames klijenti. Sa issa l-kunsilli lokali ta' Birkirkara, San Pawl il-Baħar u Ħaż-Żabbar urew interess. Dan il-programm se jiġi intensifikat fix-xhur li ġejjin.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħaddiema li min Settembru 1998 sal-lum ġie terminat l-impjieg tagħhom jew irriżenjaw mill-impjieg tagħhom, kemm minn mal-Gvern (inkluż iċ-Ċivil), korpi Parastatali, Ażjendi li l-Gvern b'xi mod għandu sehem fihom, awtoritajiet u kull entita' li taqa' b'xi mod taħt ir-responsabilita' tal-gvern, u dan dejjem skond ir-rekords tal-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, bejn Settembru 1998 u Marzu 2001, kien hemm tnaqqis ta' 107 persuna minn awtoritajiet u entitajiet li b'xi mod jaqgħu taħt ir-responsabilita' tal-gvern (Independent Statutory Bodies) Fl-istess perjodu, mill-korpi parastatali (Companies with public majority shareholding) kien hemm tnaqqis ta' 1,619 liema figura tinkludi l-impjegati tal-Mid-Med li ġew assorbiti fis-settur privat mal-bejgħ tal-bank. Dwar l-informazzjoni mitluba dwar impjegati tal-Gvern, nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.

SKA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul dawn l-aħħar xhur reġgħu ingħatawlhom lura l-benefiċċji tal-SKA wara l-każ tagħhom kien qed jiġi investigat mill-Dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jipprovdi li l-Għajnuna Medika titħallas lill-Kap ta' Familja li jissodisfa, minbarra kriterji mediċi, t-test tal-meżżi. Iċ-ċirkostanzi ta' familja jistgħu jinbidlu minn żmien għal żmien, għal diversi raġunijiet. Hekk, ngħidu aħna, ċirkostanzi dwar dħul, jew il-kompożizzjoni tal-familja. Kull każ jiġi rivedut u fejn l-għajnuna kienet twaqqfet din tista' terġa tibda titħallas mid-data applikabbli skond il-każ. Dan ifisser li persuna tista' tirċievi għajnuna f'perjodi differenti, filwaqt li ma tkunx intitolata għall-għajnuna f'xi perjodi oħra. Għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika dwar informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

Proximus

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Kumpanija Proximus hijiex tagħmel xi xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xogħol ieħor relatat mal-Ministeru tiegħu, jew xi kumpanija, agenzija jew entita oħra li taqa' taħt ir-responsabilita' tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: X'inhu t-tip ta' xogħol? Kif saret l-għażla tal-kumpanija? Jekk saritx sejħa għall-offerti jew inkella ingħatax b'direct order? Meta l-entita' bdiet tagħmel użu mis-servizzi ta' din il-kumpanija? Xi ħlas sar lil din il-kumpanija min mindu din ingħatat ix-xogħol? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija fit-12 il-xahar li ġejjien? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija sat-terminu tal-kuntratt, fejn huwa l-każ? Xi inhuwa it-terminu tal-kuntratt fejn huwa l-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-kumpannija indikata mill-Onor. Interpellant mhiex qed tagħmel ebda xogħol għal dan il-Ministeru jew dipartimenti, aġenziji jew entitajiet oħra li jaqgħu taħtu.

Children's Allowance — Ceiling

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkunsidra li għall-budget li ġej jgħolli c-ceiling tac-Children's Allowance? Kemm kien n-numru ta' familji li matul l-2000 u 2001 tnaqqsulhom il-benefiċċju tac-children's allowance f'Malta u Għawdex separatament? Kemm huma f'ċifra ta' flus l-ammonti globali li tnaqqsu fis-snin imsemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 26359 f'Seduta Numru 549. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi raġunijiet għaliex ir-rata ta' l-Allowance tat-Tfal tgħola, titnaqqas jew tieqaf minn żmien għal żmien. Fosthom hemm fejn tfal jgħalqu sittax-il sena jew jaqbdu jaħdmu, separazzjonijiet bejn ġenituri, mewt ta' xi wieħed mill-ġenituri jew waqfien mix-xogħol kif ukoll ċaqliq tat-tfal minn familja għall-oħra jew dħul f'xi istitut. Biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ikun meħtieġ proċess ġdid fis-sistema preżenti li jirrikjedi mhux biss spiża sostanzjali iżda wkoll diversi riżorsi umani li huma meħtieġa biex jipproċessaw il-ħruġ ta' pagamenti dovuti. Għalhekk m'hiniex f'pożizzjoni li nwieġeb għal din il-parti tal-mistoqsija.

3 Day Week

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux permess mid-dipartiment tax-xogħol li kumpanija taqleb għat-3 day week? Kemm hemm ażjendi li qed jaħdmu f'dan il-mod bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Biex kumpannija taqleb għal ġimgħa aqsar ta' xogħol m'għandiex bżonn ta' permess mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg u għalhekk id-Dipartiment ma' jżommx statistika dwar dawn il-każijiet. Iżda jista jkun hemm każijiet fejn kumpannija li tkun f'diffikulta', tasal fi ftehim mal-ħaddiema jew mar-rappreżentanti tagħhom biex jaħdmu ġimgħa aqsar ta' xogħol, sakemm dan isir skond il-provedimenti taċ-CERA.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistax jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tirreġistra f' part 1 u li għandha tieħu benefiċċji soċjali b'lura mill-bidu ta' Marzu ta din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ fil-kwistjoni ġiet solvuta u li l-persuna konċernata ġiet infurmata bl-eżitu.

Neriku Confectionery

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'hiex waslu t-trattativi ma' Neriku Confectionery fir-rigward tas-slum clearance f'Balzunetta l-Floriana? Saru applikazzjonijiet quddiem l-Awtorita' tal-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għandi ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taħdidiet ma' Neriku Confectionery ġew konklużi u ser isir il-konveju fil-ġranet li ġejjin. Sadanittant wara diversi diskussjonijiet ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar sar qbil fil-prinċipju dwar il-proġett u ntefgħu applikazzjonijiet ġodda fil-bidu ta' Lulju.

Dwal

Question

Jista' l-Ministru jgħid d-dawl fil-ġonna ta' Binja Vilhena f'Preziosi Sqr, Floriana jibqa' mqar parzjalment mixgħul matul il-lejl?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministu responsabbli mill-Kunsilli Lokali billi l-manutenzjoni u tiwsija ta' dan il-ġnien jinsab f'idejn il-Kunsill Lokali.

Pembroke

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-ħsieb li kien hemm biex il-kera li jħallsu inkwilini lill-gvern għall-propjeta' li jgħixu fiha tiġi komputata bħala parti mis-somma li jridu jħallsu biex jixtru r-residenza tagħhom f'Pembroke?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 27568, l-Awtorita' tad-Djar m'għandha l-ebda policy li biha l-kera mħallsa mill-inkwilini tiġi mnaqqsa mill-prezz tax-xiri tar-residenzi.

ETC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet, xahar b'xahar, min Ġunju 2000 sa Ġunju 2001, iċ-ċifra ta' persuni bi bżonnijiet speċjali jirreġistraw għax-xogħol fuq ir-reġistru speċjali? X'kien wkoll, xahar b'xahar, għall-istess perjodu, in-numru ta' persuni b'diżabbilita' li nstabilhom ix-xogħol mill-ETC?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Telecare

Question

Jista' l-Ministru jara li titħaffef l-applikazjoni għas-servizz tat-Telecare għal anzjana li l-partikularijiet tagħha jinsabu separatament ma' din il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni għas-servizz tat-Telecare tal-persuna indikata waslet fiċ-Ċentru tat-Telecare fil-21 ta' Ġunju 2001 u l-kuntratt, flimkien ma' l-applikazzjoni ntbagħat lill-Maltacom plc biex jingħata s-servizz.

Flus tal-Mard

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-flus tal-mard u supplimentari lill-anzjan li l-partikularijiet tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija? Jista' dan l-anzjan jiġi infurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata ser tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi.

Children Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tiġi regolata l-applikazzjoni għaċ-children allowance li għandha referenza 722161 (M) ta' applikant mill-Mellieħa? Jekk fl-affermattiv meta? Meta fil-fatt se jsiru l-pagamenti dovuti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata bil-każ.