Legislature:
Category:
Reset
Active:

Financial management monitoring unit

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk bdietx tiffunzjona l-financial management monitoring unit li twaqqfet fi ħdan il-ministeru tas-saħħa? X'se jkunu l-funzjonijiet tagħha? Jekk twaqqfet u bdiet tiffunzjona, jista' jgħid jekk bediex isir xi stħarriġ dwar entitajiet tal-gvern? Tista' tghid x'inizjattivi se tieħu din it-taqsima biex ikun żgurat li ma jibqax jeżisti żbilanċ qawwi bejn is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, użu tal-karozzi tal-kiri, użu tal-mobiles, eċċ., eċċ. ta' l-uffiċjali u mpjegati oħra fid-diversi entitajiet li fihom il-gvern għandu sehem ta' aktar minn 50%, inklużi awtoritajiet, korporazzjonijiet u aġenziji oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-financial management monitoring unit li twaqqfet fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi (u mhux kif elenkat fil-mistoqsija, fil-Ministeru tas-Saħħa) bdiet tiffunzjona f’Novembru tas-sena 2004. Il-funzjoni prinċipali hi li titfa’ lenti finanzjarja fuq l-entitajiet li fihom il-Gvern għandu ’l fuq minn ħamsin fil-mija (50%) ta’ l-ishma sabiex isir kontroll aktar bil-għaqal ta’ nfiq ta’ flus. Xi stħarriġ diġà beda jsir fost l-entitajiet kif ukoll ingħataw ċerti direttivi. Rigward is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol l-FMMU tagħmel parti mill-Kumitat il-ġdid maħtur fi ħdan l-OPM, Recruitment and Redeployment Advisory Group (RRAG), li qiegħed jimmoniterja ċ-ċaqliq ta’ l-impjiegi/impjegati fl-entitajiet tal-Gvern. L-FMMU tirreferi għax-xogħol tal-Collective Bargaining Unit (CBU) rigward is-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għaliex is-CBU għandha r-rwol li tqarrabhom aktar lejn xulxin. Rigward spejjeż kurrenti bħal użu tal-karozzi, mobiles eċċ qegħdin joħorġu direttivi kontinwi dwar l-użu bil-galbu tagħhom.

AFM — Abbuż mid-droga

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm suldati nstabu li abbużaw mid-droga s-sena l-oħra u din isena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li din is-sena (sa l-14 ta’ Ġunju 2005) ma kien hemm l-ebda każ ta’ abbuż mid-droga minn membri tal-Forzi Armati, filwaqt li s-sena l-oħra kien hemm erba’ każijiet. L-ebda wieħed mis-suldati nvoluti ma għadu fl-Armata.

Ċanga/Vitella — Dazji

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega lill-Kamra għaliex minflok spiċċat il-levy ta' 10c fil-kilo fuq il-laħam taċ-ċanga tal-friża importat minn non EU countries illum il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu 12.8% dazju fuq il-valur tal-prezz tal-laħam, dazju ieħor ta' euro176.8 fuq 100kg u tariff quota ta' 20% skond it-TARIC code 0202100010 tal-high quality frozen beef and veal? Jista' jinformana liema huma dawk il-cuts tal-beef and veal importat minn non EU countries li fuqhom il-konsumaturi, lukandiera, tar-ristoranti, eċċ. se jibdew iħallsu dawn it-taxxi indiretti fuq dawn il-prodotti taċ-ċanga u tal-vitella?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8951.

Wied il-Għajn — Triq il-Gemmugha

Question

Peress li l-art li hemm eżattament quddiem ir-Razzett tal-Ħbiberija, fi Triq il-Gemmugħa bejn Triq Sant'Antnin u Triq il-Qrempuċ fid-direzzjoni lejn Triq iż-Żafran, tinsab fi stat maħmuġ u ta' abbandun u tagħti dehra ta' żdingar għal min ikun dieħel Wied il-Għajn u peress li x-xogħol meħtieġ biex din l-art tiġi mnaddfa u fi stat aċċettabbli jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' diversi ministeri, jista' il-Prim Ministru jordna li dik l-art, li minn nofsha għaddejjin il-katusi tad-drenaġġ u hemm ukoll inspection chamber miftuħa li minnha joħorġu ħafna ġrieden, tiġi mnaddfa u fiha jitħawwlu xi pjanti u ward kif qed isir fi bnadi oħra madwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni mogħtija ma jidhirx li l-art li donnu qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi proprjetà tal-Gvern jew amministra mill-Uffiċċju Konġunt. Madanakollu ser nirreferi t-talba li saret lill-Ministru kkonċernat biex jara x’jista’ jsir.

ICT resources facilities Malta limited

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12484, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta bdiet l-operazzjoni tagħha l-kumpannija ICT resource facilities Malta limited? Kemm kienet qed timpjega nies? Meta tterminat l-operazzjoni tagħha? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim bejn l-ME u l-ICT dwar x'benefiċċji u inċentivi ngħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond l-informazzjoni miġbura mingħand il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, il-kumpanija ICT Resources Facilities Ltd impjegat sittax-il (16) persuna fil-31 ta’ Jannar 2005 u sebgħa (7) persuni ġew itterminati fis-26 ta’ April 2005.

OPM — Chief executive officers

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma s-salarji taċ-chief executive officers ta' l-awtoritajiet, fondazzjonijiet, korporazzjonijiet, kummissjonijiet, aġenziji, istituti u kumpanniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Fondi lil Malta mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm irċeviet flus Malta mill-Unjoni Ewropea minn meta saret membru u kemm ikkontribwiet fl-istess żmien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul il-perjodu ndikat mill-Onorevoli Interpellant, Malta rċiviet l-ammont ta’ Lm46,231,717 mill-Unjoni Ewropea filwaqt li kkontribwixxiet l-ammont ta’ Lm25,965,865 sabiex b’hekk fadal bilanċ ta’ Lm20,265,852.

Wied il-Għajn — Triq il-Gemmugħa

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12186 u cioe': Peress li l-art li hemm eżattament quddiem ir-Razzett tal-Ħbiberija, fi Triq il-Gemmugħa bejn Triq Sant'Antnin u Triq il-Qrempuċ fid-direzzjoni lejn Triq iż-Żafran, tinsab fi stat maħmuġ u ta' abbandun u tagħti dehra ta' żdingar għal min ikun dieħel Wied il-Għajn, u peress li x-xogħol meħtieġ biex din l-art tiġi mnaddfa u fi stat aċċettabbli jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' diversi ministeri, jista' il-Prim Ministru jordna li dik l-art, li minn nofsha għaddejjin il-katusi tad-drenaġġ u hemm ukoll inspection chamber miftuħa li minnha joħorġu ħafna ġrieden, tiġi mnaddfa u fiha jitħawwlu xi pjanti u ward kif qed isir fi bnadi oħra madwar Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12186.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid xi ħlas għandhom is-suldati fl-AFM fl-iskali u gradi kollha? X'inhuma l-ħlasijiet ta' l-għases li jsiru? Jista' jgħid jekk nhar ta' Ħadd humiex jitħallsu doppjament jew le?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-salarji li għandhom is-suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma jsir l-ebda ħlas extra ta’ l-għases li jsiru fl-Armata ħlief dawk li jsiru fil-Ħdud meta l-ħlas huwa bir-rata doppja. L-aktar li wieħed jista’ jitħallas huwa l-massimu ta’ l-iskala għaxra ta’ salarju.

Settur Pubbliku — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk minn Mejju 1987 sal-lum il-ministeru tal-finanzi qattx ħejja rapport dwar jekk is-servizz ċivili u s-settur pubbliku jaqblilhomx jikru l-karozzi flok jixtruhom? Jekk fl-affermattiv, jista' ġentilment iqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid hemmx xi pjan li jħejji tali rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hija l-policy tal-Gvern li jixtri l-mezzi ta’ transport li jkollu bżonn. Dan qed isir fil-maġġoranza tal-każi għax hu meqjus l-aktar mod ekonomiku peress illi leasing u kiri jirrikjedu nefqa akbar. Dan jirriżulta prima facie meta tittieħed konsiderazzjoni ta’ kemm idumu jintużaw vetturi tal-Gvern. Studji speċifiċi magħmula mill-Awditur Ġenerali jikkonfermaw dan. Madankollu jista’ jkun hemm ċirkostanzi partikolari meta leasing u/jew kiri joffru alternattiva ġustifikabbli u, f’każijiet bħal dawn, ma jkunux esklużi.

Rave party fiċ-Ċirkewwa — Għotja għall-karita'

Question

Billi min organizza r-rave party li sar fil-5 ta' Ġunju, 2005 f'Paradise Bay fiċ-Ċirkewwa qal illi parti mill-qliegħ se jmur għall-karita', jista' il-Prim Ministru jgħid kif id-dipartiment tal-VAT u tat-taxxi interni se jiżguraw li dan verament isir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta tiġi organizzata attività ekonomika minn xi operaturi tan-negozju, id-Dipartiment tal-VAT ma jkunx infurmat kull darba li ssir xi attività. Jekk l-attività tkunx għall-karità jew le, il-VAT xorta waħda hija imponibbli sakemm ma jintalabx permess speċjali biex l-attività titqies bħala one time philanthropic activity. Għar-rigward tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni, skond l-Atti dwar it-Taxxa, id-dħul mill-attività msemmija huwa taxxabbli. Min-naħa l-oħra, ħlasijiet għal skop ta’ karità mhumiex deduċibbli. Għaldaqstant l-unika rilevanza li jista’ jkollhom il-ħlasijiet imsemmija għad-Dipartiment tat-Taxxi Interni hija jekk min jagħmilhom ikunx talabhom bħala tnaqqis – ħaga li tista’ tiġi verifikata biss wara li tkun intbagħtet il-formola tat-taxxa għas-sena relattiva. F’każ li jinstab li tkun saret talba għal tnaqqis simili, din titqies bħala omissjoni tat-taxxa. Mhix ir-responsabbilità tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni li jiżgura jekk spiża tkunx saret għal skopijiet karitatevoli jew le imma jekk tkunx saret biss għall-produzzjoni ta’ l-income.

Reġistrazzjoni ta' vetturi tax free

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li jimxi fuqhom il-ministeru tal-finanzi meta jiġi biex jiddeċiedi jekk vettura tikkwalifikax għal reġistrazzjoni bl-ittri TF? Dawn il-kriterji jagħmlu parti mil-liġi? Jekk ma jagħmlux, ma jħossx il-Prim Ministru li wasal iż-żmien u allura jagħti direttiva f'dan is-sens li dawn il-kriterji jifformaw parti mil-liġi għal aktar trasparenza, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li f'dawn l-aħħar snin kien hemm żieda qawwija fil-ħruġ tal-blue badge li suppost tinħareġ biss fir-rigward ta' persuni li jinsabu f'wheelchairs?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għar-rigward ta’ l-eżenzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar il-kriterji applikabbli biex vettura tikkwalifika għal reġistrazzjoni bl-ittri TF fil-każ ta’ persuni b’diżabilità. Dawn il-kriterji jitħaddmu bis-saħħa ta’ Art. 19(2) tal-liġi dwar Reġistrazzjoni ta’ Vetturi bil-mutur (Kap. 368) u jitħaddmu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità. Nemmen li kull eżenzjoni qed tingħata b’mod ġust. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każijiet fejn jaħseb li sar abbuż nitolbu jgħaddihomli. Għar-rigward ta’ informazzjoni dwar il-blue badge, din toħroġ f’każijiet ta’ persuni li għandhom xi kundizzjoni medika jew fiżika li taffettwa severament il-mobilità tagħhom u mhux biss għal persuni li jkunu f’siġġu tar-roti.

Ċittadini Maltin u Għawdxin — Żjarat f'pajjiżi barra minn Malta

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ċittadini Maltin u Għawdxin marru f'pajjiżi barranin minn Mejju 2003 sal-lum għal perijodu ta' aktar minn tliet xhur? Jista' jgħid f'liema pajjiż marru? Jista' jgħid l-etajiet ta' dawn il-persuni? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni marru bl-iskop uniku li jaħdmu fil-pajjiż li marru fih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jiġbor informazzjoni dwar Maltin li jkunu se jsiefru bl-ajru minn Malta permezz ta’ kwestjonarju li jsir lil random sample ta’ passiġġieri, per eżempju lil wieħed minn kull erbgħin. Mill-kwestjonarju joħorġu dettalji dwar passiġġieri Maltin li jkunu se jsiefru għal: a) anqas minn 6 xhur b) 6 xhur sa 12-il xhur c) 12-il xahar jew iktar Il-Maltin ma jiġux mistoqsijin għal liema skop qegħdin isiefru. Dan ifisser li ma tistax tingħata tweġiba għall-ewwel u r-raba’ partijiet tal-mistoqsija, imma tista’ tingħata informazzjoni għal perjodu li jikkorrispondi ma (a) fuq, jiġifieri għal passiġġieri li jkunu se jsiefru għal perjodu ta’ anqas minn 6 xhur. Dan naturalment ivarja minn ftit ġranet sa sitt xhur. Jirriżulta wkoll li għall-kategoriji (b) u (c) fuq, il-figuri li għandu l-NSO għas-sentejn li talab l-Onorevoli Interpellant huma żgħar wisq u għalhekk unrepresentative, u ma jista’ jingħad xejn konkret fuqhom. Ghalhekk mhumiex qed jingħataw, imma qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra dwar il-kategorija ta’ taħt is-6 xhur biss.

UE — Kontribuzzjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12941 u jagħti dettalji dwar il-ħlas jew kontribuzzjoni li Malta hija obbligata tagħmel lill-Unjoni Ewropea matul l-2004-2005, u kemm se jkunu l-fondi li Malta se tirċievi jew irċeviet fl-istess snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

OPM — Studenti li se jagħmlu xogħol fis-sajf

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx kumpanniji, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li se jimpjegaw studenti għas-sajf? Jekk fl-affermattiv liema huma, kemm se jiddaħħlu u kif se jintgħażlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12953 u jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-talbiet kollha li rċieva l-Ministeru tal-Finanzi mill-1 ta' Novembru, 2004 sal-lum mis-servizz ċivili u mis-settur pubbliku biex jinxtraw karozzi u inġenji ġodda, filwaqt li jqiegħed ukoll kopja tat-tweġibiet li l-istess ministeru ħareġ għat-talbiet magħmula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-talbiet għal xiri ta’ karozzi u inġenji ġodda huma tavolati skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Settur Pubbliku — Kiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12952 u jgħid jekk minn Mejju 1987 sal-lum il-ministeru tal-finanzi qattx ħejja rapport dwar jekk is-servizz ċivili u s-settur pubbliku jaqblilhomx jikru l-karozzi flok jixtruhom? Jekk fl-affermattiv, jista' ġentilment iqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid hemmx xi pjan li jħejji tali rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12952.

Host families — Ħlas ta' taxxi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu dwar ħlas ta' taxxi mill-host families u/jew mill-iskejjel? Jista' jgħid jekk sarx cross-checking bejn in-numru ta' familji liċenzjati u l-ammont ta' l-arrivals li ġew dikjarati mill-iskejjel? Jista' jgħid x'inhu d-dħul mhux taxxabbli għal kull familja f'dan il-qasam?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’dan l-istadju d-Dipartiment qiegħed jiġbor kemm jista’ jkun informazzjoni. Għar-rigward ta’ passi li ser jittieħdu dwar ħlas ta’ taxxa, id-Dipartiment ser japplika l-proċedura stabbilità bħas-soltu.

Dar Malta fi Brussels

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 12722 u jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-bini ta' Dar Malta fi Brussels? Il-permessi tal-bini ħarġu kollha? Jekk le, liema għadhom pendenti? Tista' tagħti indikazzjoni tat-time scales li fihom mistenni jsir ix-xogħol meħtieġ u jintlaħqu l-istadju varji tar-refurbishment tal-bini għall-iskopijiet li nxtara għalih? Kemm intnefaq s'issa fuq il-proġett, apparti mit-transazzjoni tax-xiri tal-proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.