Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar — Appartament tal-Gvern

Question

Possibbli l-Ministru ġentilment tara għalfejn il-persuna - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - kienet tgħix fi flat tal-housing u issa għamlet transfer għal flat ieħor fl-istess block u dan il-flat il-ġdid ingħata lil din il-persuna mingħajr is-servizz ta' dawl u ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-servizzi tad-dawl u l-ilma fl-appartament indikat mill-Onor. Interpellant kienu tneħħew mill-inkwilini preċedenti. Ninsab infurmata wkoll li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar qed jassisti lill-persuna ndikata biex tingħata dawn is-servizzi.

Għajnuna Soċjali — Children Allowance

Question

F'każ ta' koppja miżżewġa, fejn ir-raġel hu ta' nazzjonalita' barranija u l-mara ta' nazzjonalita' Maltija, u f'każ li r-raġel irreġistrat li jaħdem Malta bi qliegħ u jħallas il-kontribuzzjonijiet soċjali, u fl-eventwalita' li dan ir-raġel għandu diġa' ulied minn żwieġ ieħor li ġie annullat barra minn Malta fejn dawn l-ulied għadhom joqogħdu barra minn Malta, xi jridu jkunu r-rekwiżiti biex dawn it-tfal ta' nazzjonalita' barranija jikkwalifikaw għaċ-children allowance, kemm-il darba jiġu jgħixu ma' missierhom hawn Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant il-koppja miżżewġa tkun intitolata għall-Allowance tat-Tfal kemm il-darba: it-tfal ikunu qed jgħixu hawn Malta b'mod permanenti; il-koppja jkollha l-kura u l-kustodja effettiva tat-tfal; u d-dħul tal-koppja ma jkunx jaqbeż Lm10,270 fis-sena.

Nies sidien ta' Djarhom

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk huwiex kwantifikat l-ammont ta' nies li huma sidien tad-dar tagħhom f'Malta u f'Għawdex? Kemm huwa dan l-ammont?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ebda Dipartiment jew entita' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi ma żżomm statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Malta/Għawdex — Postijiet Battala

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk huwiex kwantifikat, imqar approssivament, l-ammont ta' postijiet battala f'Malta u f'Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ebda Dipartiment jew entita' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi ma żżomm statistika dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Sigurta' Soċjaliċ — Children Allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ma baqgħux jirċievu ċ-children allowance minħabba li qabżu t-threshold ta' l-Lm10,000 dħul f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjaliċ — Children Allowance

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ma baqgħux jirċievu ċ-children allowance minħabba li qabżu t-threshold ta' l-Lm10,000 dħul f'dawn l-aħħar tliet snin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Wied Hesri

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'se jsir bi plot 102 Wied Hesri HOS Siġġiewi, liema plot ingħatat ħafna snin ilu imma sal-lum mhux talli ma nbnitx iżda talli l-persuna li ħadha ngħata plot tal-gvern ukoll?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-plot f'Wied Ħesri, Siġġiewi, li kien iġib in-numru ndikat mill-Onor. Interpellant, hu mibni u abitat.

Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex persuna li għandha mandat ta' żgumbrament tieħu post tal-gvern - dettalji qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li d-dipartiment konċernat diġa' ħa passi biex jindirizza l-problema tal-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant.

Eta' legali għal xorb alkoħoliku

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-ministeru tagħha dwar jekk il-minimum ta' l-eta' legali għal xorb alkoħoliku għandhiex titla' jew le għal 18-il sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġett ta' l-eta' minima legali għax-xiri u konsum ta' alkoħol mill-minuri mistenni li jkun inkorporat fil-pjan nazzjonali li għamilt referenza għalih fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 7343 f'Seduta 165.

Russja — Traġedja fi skola kawża ta' terroriżmu

Question

Tista' il-Ministru tixtarr is-suġġeriment, wara t-traġedja li seħħet fl-iskola fir-Russja qrib iċ-Ċeċnija fejn ġew maqtula mijiet ta' tfal u feruti mijiet oħra riżultat ta' terroriżmu, li l-Gvern Malti, tramite il-Ministeru tal-Familja, joffri mqar xi ftit mit-tfal feruti sopravissuti il-possibbilta' li jgħaddu ftit ġranet mistrieħ f'Malta u dan bħala ġest ta' solidarjeta' simbolika internazzjonali mpoġġija fil-prattika, u xi ħaġa li pajjiżi oħra jistgħu jiġu mħajra jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif naħseb li jaf l-Onor. Interpellant, organizazzjoni volontarja f'Malta li taħdem b'risq tfal Russi, ilha li ħabbret li se ġġib għal btala f'Malta numru ta' tfal li kienu nvoluti fit-traġedja ta' Beslan fir-Russja.

Open centres

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk u fejn ġew identifikati siti ġodda li se jservu ta' open centres fejn jinżammu l-klandestini?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7143 f'Seduta 184.

Anzjani — Kontribuzzjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm inġabru flus mill-bidu ta' din is-sena sat-30 ta' Novembru 2004 mill-kontribuzzjonijiet ta' l-anzjani f'San Vincenz de Paule, fi djar residenzjali tal-gvern, fi djar privati ta' l-anzjani taħt l-iskema tal-public private partnership; f'home help/care service u f'fondi oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-djar — Skema ta' care & repair

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw persuni għal care & repair scheme tal-housing authority?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn Marzu 2003 sa l-14 ta' Settembru 2004, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 473 applikazzjoni taħt l-inizjattiva tal-Care and Repair.

Ministeru tal-Familja — Pagamenti

Question

Tista' il-Ministru tagħtini breakdown ta' kemm hi ċ-ċifra ta' flus globali f'pagamenti li l-Ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtha għandhom iħallsu fil-preżent? Kemm hi l-parti li trid titħallas mill-voti ta' l-estimi tas-sena d-dieħla minħabba li vot allokat għal din is-sena diġa' spiċċa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas ta' pagamenti huwa proċess kontinwu fejn t-Teżor jipproċessa pagamenti mgħoddija lilu mid-diversi Ministeri u Dipartimenti u għaldaqstant biex wieħed ikollu stampa korretta ta' l-ammonti pendenti jrid isir il-proċess ta' l-estimi supplementari ta' kull Ministeru u Dipartiment f'nofs Diċembru. Wara li tagħlaq is-sena jkun magħruf jekk u kemm kontijiet ma tħallsux sa l-aħħar ta' Diċembru u li għaldaqstant ikunu ser jitħallsu fis-sena l-ġdida. Il-politika tal-Gvern hi li ma jiġux eċċeduti l-fondi provduti fl-estimi u qed isir kull sforz ma' kull Dipartiment biex ma jitħallewx pagamenti pendenti ta' xogħol magħmul jew servizzi mogħtija.

Open Centre — Ħal Far

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm hemm ħaddiema (full time) li qed jaħdmu fiċ-Ċentru Miftuħ (Open Centre) ta' Ħal Far?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li preżentament hemm tliet ħaddiema full-time jaħdmu fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal-Far. Dawn huma ko-ordinatur u żewġ labourers. Ta' min jgħid li dan iċ-Ċentru hu wkoll sapportjat minn taqsima mwaqqfa apposta dwar immigranti rregolari fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali li tikkonsisti f'Service Area Leader, logistics officer, social worker u skrivan.

Immigranti llegali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' servizzi qed jiġu offruti miż-żewġ ċentri għall-unaccompanied minors (immigranti llegali) f'Santa Venera u Frate Francesco? Kemm hemm unaccompanied minors li qed jibbenifikaw minn dawn iż-żewġ ċentri rispettivament? Kemm qed jiswew lill-Gvern dawn iż-żewġ ċentri? Kemm hemm ħaddiema impjegati fiż-żewġ ċentri rispettivament u f'liema gradi? Kemm kienet in-nefqa sabiex jiġi rranġat iċ-ċentru miftuħ (open camp) ta' Ħal Far?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra min`barra dak mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija, liema tagħrif qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Djar — Djar substandard

Question

Tista' il-Ministru tikkwantifika n-numru ta' djar ikkonsidrati li huma substandard, maqsuma għal Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-istatistika miżmuma mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali tirrigwarda n-numru ta' talbiet għal akkomodazzjoni alternattiva minħabba postijiet substandard. Ninsab infurmata li n-numru pendenti ta' dawn it-talbiet hu ta' 274.

Djar — Applikazzjonijiet għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tikkwantifika n-numru ta' l-applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva maqsuma skond il-belt/raħal ta' l-applikant?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar — Talbiet għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm intlaqgħu talbiet għall-akkomodazzjoni alternattiva minn applikanti minn Raħal Ġdid, Gudja, Sta. Luċija, Tarxien u Marsa mill-1 ta' Jannar 2000 sal-31 ta' Awissu 2004?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentri tas-saħħa — Siringi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 8480 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilha u cioe' tista' il-Ministru tgħid kemm inġabru siringi wżati f’kull ċentru tas-saħħa separatament matul din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fis-sena 2002, l-Aġenzija Sedqa pprovdiet apparat u żewġ tipi ta’ kontenituri apposta għal ġbir protett ta’ siringi. Il-kontenituri tqassmu liċ-ċentri tas-Saħħa kollha u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Kontenituri żgħar tal-plastic tqassmu għall-użu personali tal-klijenti biex jarmu s-siringi wżati fihom; u kontenituri kbar tal-metall tpoġġew fiċ-ċentri tas-Saħħa, fejn il-klijenti setgħu jarmu il-kontenituri tal-plastic. L-apparat ta’ ġbir tqassam lill-Kunsilli Lokali, il-Pulizija, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Ministeru tal-Ambjent, biex jinġabru siringi wżati li jinstabu f’postijiet pubbliċi, bħal ġonna. Għall-aħħar tas-sena 2002, fuq talba miċ-ċentri tas-Saħħa, l-Aġenzija sedqa kienet gabret il-kontenituri mimlija minn dawn iċ-ċentri u ddisponiet minnhom hi. Iżda ma kienx possibbli li dan il-ġbir jibqa isir. In-numru ta’ kontenituri tal-plastic li nġabru kien kif ġej: Ċentri tas-Saħħa TOTAL Cospicua 13 Floriana 22 Gzira 21 Mosta 23 Paola 43 Qormi 4 Rabat 20 Mhux magħruf kemm kien hemm siringi fil-kontenituri tal-plastic.