Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #13749 Sitting 283 2000-04-12 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħsejjes min mutur

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex mutur li jinsab f'kantina biswit il-fond numru 64 Triq Mrabat, Sliema u li bil-vibration tiegħu qiegħed joħloq inkonvenjent kontinwu u jiddisturba lill-ġirien tal-madwar jitwaqqaf milli jkompli jagħmel dawn il-ħsejjes u dan skond ir-regolamenti u proċeduri kif provdut fil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-passat il-Pulizija kellha rapporti dwar l-ilment li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant u kienu ttieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra l-persuna li tuża l-kantina msemmija. Infurmat ukoll li l-Qorti kienet ordnat li l-muturi kellhom jitneħħew minn fejn kienu għal post ieħor fejn ma jkunux ta` inkonvenjent għall-ġirien li kienu qed jilmentaw. Dan il-fatt sar taħt is-sorveljanza ta` espert tekniku nnominat mill-Qorti. Minn dak iż-żmien l` hawn, il-Pulizija ma kelliex aktar ilmenti dwar dan il-każ. Pero` jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi nformazzjoni għall-kuntrarju, nitolbu jgħaddili d-dettalji ta` min qed isofri xi disturb minn dawn il-muturi sabiex il-Pulizija tkun tista` taġixxi skond il-liġi.
Leg 9 PQ #13747 Sitting 282 2000-04-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Balluta — Aċċess għal taraġ

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex aċċess għal taraġ li jagħti għall-biswit il-bajja tal-Balluta (Faċċata tal-Miramare Hotel u biswit in-Neptunes Pitch) u li l-aċċess għalih jinsab magħluq bir-railings, jinfetah mill-ġdid peress li dan huwa taraġ li jagħti għal fuq biċċa art li hija pubblika u li bħalissa minħabba dan l-għeluq mhuwiex possibbli li l-pubbliku jinżel f'din il-parti tal-bajja?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li peress li t-taraġ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant jagħti minn art pubblika għal dik il-parti tal-bankina li ngħatat lil Neptunes Waterpolo and Swimming Club b`ċens temporanju ta` 49 sena minn Diċembru 1997 wara reżoluzzjoni Parlamentari li għaddiet fil-31 t`Ottubru 1997, qiegħda tiġi studjata mill-aspett legali l-possibilita` li dan it-taraġ jerġa` jinfetaħ u jsir aċċessibli għall-pubbliku.
Leg 9 PQ #15366 Sitting 282 2000-04-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Mtarfa — Bypass - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li saru fil-bypass ta' l-Imtarfa sabiex jinbena ħajt tal-konkos ta' protezzjoni għat-tafal li jinsab fl-irdum fl-istess triq, humiex koperti mill-permessi tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar? Jekk le, jista' l-Ministru jinvestiga kif sar dan l-iżvilupp li żgur mhux environment friendly fl-inħawi u ħoloq impatt negattiv speċjalment għal veduta li l-pubbliku jsegwi minn fuq is-swar ta' l-Imdina?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq kellu jieħu azzjoni immedjata biex jilqa` t-tafal li beda nieżel fit-triq u sabiex b`hekk ma jkunx hemm periklu għal min jużaha. Qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita` u l-periti tad-dipartiment konċernat sabiex il-kwestjoni tkun trattata skond il-liġi fl-iqsar żmien possibli.
Leg 9 PQ #15499 Sitting 282 2000-04-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni jew il-kummenti tad-Direttur tal-ħabs wara l-ħarba li saret mid-Diviżjoni Nru. 6? Il-gvern qed jikkonsidra li jbiddel lid-direttur tal-ħabs speċjalment fid-dawl tal-ħarba ta' Elzabi li sal-lum għadu ma nstabx? Wara l-ħarba ta' l-erba' ħabsin kien hemm xi mument fejn id-direttur tal-ħabs offra r-riżenzja tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Skond kif inhu meħtieġ mir-regolamenti tal-ħabs, id-Direttur minnufih kif sar jaf bil-ħarba, informa lill-Kummissarju tal-Pulizija u tah deskrizzjoni sħiħa tal-priġunieri. Ħa wkoll il-passi kollha meħtieġa min-naħa tal-ħabs biex jinqabdu l-priġunieri maħruba u fil-fatt hu stess personalment idderiġa lill-uffiċjali tal-ħabs inkarigati mis-sigurta` waqt li dawn, flimkien mad-diriġenti tal-Pulizija u tal-Armata, kienu qed ifittxu lill-priġunieri. Ta` min jgħid ukoll li d-Direttur kien wieħed minn ta` l-ewwel li fil-preżenza tiegħu u ta` uffiċjali għolja tal-Pulizija nqabdu l-priġunieri wara sigħat twal ta` tfittxija matul il-lejl ta` qabel. Kif inhu meħtieġ minnu wkoll mill-istess regolamenti tal-ħabs, id-Direttur qed jagħmel inkjesta interna dwar iċ-ċirkostanzi tal-ħarba. Kif jitlesta r-rapport dan għandu jintbagħat lili bħala l-Ministru responsabbli u kopja tiegħu tintbagħat ukoll lill-Avukat Ġenerali. Il-Gvern mhux qed jikkunsidra li jbiddel id-Direttur tal-Ħabs billi għandu fiduċja sħiħa fih u fl-operat tiegħu. Id-Direttur, bħala persuna responsabbli u tal-affari tiegħu, baqa` f`postu jaqdi d-dmirijiet tiegħu minkejja l-attakki kontinwi kontrih minn sorsi barra mill-ħabs li setgħu fixxklu u imminaw l-operat tat-tfittxija u l-awtorita` tiegħu biex imexxi. Dan huwa ta` mertu u kredtu għalih billi jkun ta` detriment kbir għall-pajjiż li kieku kellna naslu għall-istat li meta tinqala` problema min għandu l-awtorita` jieħu t-triq faċli u jirreżenja u jħalli l-problemi f`idejn ħaddieħor.
Leg 9 PQ #15471 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Ħarba ta' priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed issir inkjesta dwar il-ħarba ta' erba' priġunieri mill-ħabs ta' Kordin, eżattament mid-Diviżjoni Nru. 6? Min qed imexxi din l-inkjesta u meta hemm il-ħsieb li tkun lesta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant bħalissa qed issir Inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Miriam Hayman mgħejuna minn diversi esperti. Ninsab infurmat ukoll li kif inhu pprovdut fir-regolament 89 (5) tar-Regolamenti ta` l-1995 dwar il-Ħabs, id-Direttur tal-Ħabs qed jagħmel inkjesta interna dwar l-istess każ. Qed isir ukoll eżami tas-sistema tas-sigurta` fil-Ħabs b`mod partikolari f`Taqsima 6, liema eżami ser jinvolvi anke persuna/i minn barra l-Faċilita`.
Leg 9 PQ #15551 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Qormi — Olive Square - Parking

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni dwar parking, li jsir regolarment mar-roundabout f'Olive Square, Qormi u li huwa ta' periklu kemm għat-traffiku, kif ukoll għal min jgħaddi bil-miexi minn hemm?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija qed tieħu passi sabiex l-abbuż li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti ma jkomplix iseħħ.
Leg 9 PQ #15603 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni qiegħed id-Dipartiment ta' l-Artijiet jgħolli l-kera ta' l-appartamenti tal-gvern, bħalma sar fil-każ ta' Flat 5, Block A, Triq il-Plejju, Imġarr?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment ta` l-Artijiet m`għolliex il-kera tal-appartamenti tal-Gvern. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-sussidju, nitolbu li jagħmel domanda lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #15611 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Birgu — CRP

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-post fil-Birgu, sal-lum użat mis-CRP, jekk dan għaddiex f'idejn il-Ministeru tal-Politika Soċjali?

Response (BORG, TONIO)

Malli l-post jiġi vakat se jiġi allokat lid-Dipartiment tal-Politika Soċjali.
Leg 9 PQ #15612 Sitting 281 2000-04-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Birgu — CRP

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li s-CRP ġewx mitluba li jiżgumbraw minn dan il-post li sal-lum serva bħala uffiċini tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-CRP ġew mitluba jiżgumbraw mill-post indikat fil-Mistoqsija sabiex il-post jingħata lid-Dipartiment tal-Politika Soċjali.
Leg 9 PQ #13534 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każ ta' Therese Agius

Question

Jikkonferma jew le l-Ministru li fil-każ tal-mewt ta' Therese Agius it-testijiet għat-Tosikoloġija kellhom isiru barra minn Malta minħabba li l-apparat ta' l-isptar San Luqa kien jinsab bil-ħsara? F'dan il-kuntest jista' jgħid: (a) Kemm kien ilu u jekk għadux bil-ħsara dan l-apparat; (b)jekk għadu bil-ħsara meta se jiġi rranġat; (c) kemm kien hemm każijiet li minħabba li dan l-apparat kien bil-ħsara it-testijiet imsemmija saru barra min Malta; (d) jista' l-Ministru jgħid f'kull każ kemm kienet tlaħħaq l-ispiża?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lil-Ministri konċernati peress li t-testijiet indikati ġew ordnati mill-Maġistrat Inkwirenti li ħatret espert mid-Dipartiment tas-Saħħa.
Leg 9 PQ #13535 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Sahra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-pulizija tas-sitt (6) distrett ilhom ma' jitħallsu ta' l-overtime għall dawn l-aħħar erba' xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ħlas ta` overtime maħdum mill-membri tal-Korp isir b`xahrejn lura minħabba il-proċess involut sakemm jinħadmu r-returns u jiġu nklużi fis-salarji ta` l-uffiċjali konċernati. Ninsab infurmat ukoll li kien hemm perijodu meta, minħabba dewmien fis-sottomissjoni tar-returns, il-ħlasijiet dovuti għall-overtime lill-membri tal-Korp stazzjonati fis-Sitt Distrett waqgħu xi ftit lura. Madankollu, sa l-aħħar ta` Marzu il-pożizzjoni ta` dan id-Distrett, kif ukoll ta` kull Distrett ieħor f`dan ir-rigward, ġiet għan-normal.
Leg 9 PQ #15346 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Tfassil ta' pjan għat traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet il-ħidma ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fit-tfassil ta' pjan għat-traffiku f'Tas-Sliema? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-proposti mħejjija s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Kif intqal diġa` pubblikament xi ġimgħat ilu, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar mhux se tikkonsidra aktar il-proposta oriġinali li kienet tiddevja t-traffiku mill-periferija u tidderiġih fil-parti ċentrali. Dik il-proposta kienet biss waħda esplorattiva. Sadanittant jien infurmat li fil-Pjan Lokali li ser joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika dan ix-xahar, ser ikun hemm il-policy ġenerali li tippromovi u tħeġġeġ lill-Kunsill Lokali ta` tas-Sliema biex jikkunsidra titjieb fis-sistema preżenti a bażi ta` numru ta` kriterji.
Leg 9 PQ #15464 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Zejtun — Scrapyards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm scrapyards fi Triq tal-Barrani, fil-limiti taż-Żejtun u ta' Ħal Għaxaq li għandhom il-permess u kemm huma dawk li m'għandhomx permess? Liema huma dawk li m'għandhomx permess? X'passi ttieħdu mill-awtorita' ta' l-ippjanar sabiex din is-sitwazzjoni ma tkomplix?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fiż-żona indikata mill-Onor. Interpellant jeżistu erba` siti li qed jintużaw bħala scrap yards. Tnejn minnhom huma koperti bil-permessi neċessarji mill-Kummissarju tal-Pulizija. Iż-żewġ siti l-oħra m`humiex koperti bil-permess meħtieġ u f`kull każ inħareġ avviż ta` infurzar skond l-Att I ta` l-1992 dwar l-Iżvilupp. Ninsab infurmat ukoll li dwar dawn iż-żewġ każijiet hemm proċeduri fil-Qorti li għadhom sub judice. L-azzjonijiet skond l-avviżi ta` infurzar huma sospiżi sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Qorti.
Leg 9 PQ #15466 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Żabbar — Ċimiterju

Question

Wara li fil-Parlament ġiet ippreżentata petizzjoni ffirmata minn diversi residenti li joqogħdu viċin iċ-ċimiterju ġewwa Ħaż-Żabbar, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni u l-opinjoni ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tistax tgħaddi kummenti fir-rigward tal-petizzjoni msemmija mill-Onor. Interpellant peress li l-Awtorita` tikkunsidra petizzjoni ta` dan it-tip waqt l-ipproċessar ta` l-applikazzjoni partikolari relatata magħha.
Leg 9 PQ #15468 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Tiġrijiet taż-żwiemel — Logħob

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk logħob fuq tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru barra minn Malta huwiex permess mill-pulizija jew le? Jekk iva, kif inhu riżolt dan u fejn jista' jsir?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tweġiba hi fin-negattiv.
Leg 9 PQ #15484 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permess ta' change of use

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba kien hemm, fis-snin 1996 - 1999, sena b'sena biex residenzi u garages domestiċi jingħataw permess ta' change of use għal użu kummerċjali, fis-Swieqi? Kemm minnhom inħarġilhom permess u kemm minn dawn intalbu jipprovdu faċilitajiet għal parking minħabba n-natura ġdida tal-użu tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1996 sa` l-1999, kien hemm 11-il applikazzjoni lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar li jipproponu bdil ta` użu minn residenzi u garages domestiċi għal użu kummerċjali fis-Swieqi. Dawn l-applikazzjonijiet kienu maqsuma hekk, tlett applikazzjonijiet fl-1996, tnejn fl-1997, erbgħa fl-1998 u żewġ applikazzjonijiet fl-1999. Mill-ħdax-il applikazzjoni sottomessa, ġew approvati ħames applikazzjonijiet ma` l-ewwel deċiżjoni u applikazzjoni oħra ġiet approvata fuq rikonsiderzzjoni wara li ġiet rifjutata fl-ewwel deċiżjoni. Mis-sitt applikazzjonijiet approvati, l-ebda każ ma ġie mitlub li jiġu pprovduti faċilitajiet ta` parking b`konnessjoni ma` l-imsemmija approvazzjonijiet.
Leg 9 PQ #15485 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Ħarbiet

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-ħarbiet kollha li seħħew mill-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin mill-1970 'il hawn, bl-ismijiet tal-priġunieri li ħarbu, id-data tal-ħarba u ta' meta nqabbdu, jekk inqabdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin bejn l-1970 u l-1977 ħarbu 3 fl-1974, u ħarbu 22 priġunier fl-1976. L-arkivji tal-ħabs li jkopri s-snin 1977 - 1987 kienu ilhom merfugħa fl-Arkivji Nazzjonali u allura ma setgħatx issir riċerka dwarhom. Fl-1988 kien hemm każ wieħed, fl-1989 kien hemm 3, fl-1990 u fl-1991 kien hemm każ wieħed. Fl-1992 kien hemm 7, fl-1993 kien hemm 4, fl-1994 kien hemm 6, fl-1995 kien hemm 3. Bejn l-1996 u l-1999 ma kien hemm l-ebda każ ta` ħrib mill-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin, filwaqt li din is-sena kien hemm 4.
Leg 9 PQ #15486 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista dettaljata tal-priġunieri li hemm fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin skond l-eta' u r-reati tagħhom u l-lokalita' fejn joqogħdu? Kemm minn dawn huma sentenzjati u kemm qed jistennew li jgħaddu proċeduri fil-qorti? Kemm hemm barranin, mil-liema pajjiż ġejjin? Kemm hemm priġunieri nisa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #15488 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Xiri ta' djar

Question

Jista' l-Ministr jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15278 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jgħid jekk sarx xi progress sabiex ir-residenti li joqogħdu fi Blokk C, Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla li jixtiequ jixtru d-dar tagħhom ikunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proprjeta` fejn jinsab Blokk 'C' Triq il-Pellegrinaġġ, Bormla, ittieħdet mill-Gvern taħt it-titlu ta` 'possession and use' fl-1949. Il-flats jew djar li jinsabu fuq proprjeta` li ttieħdet taħt dan it-titlu ma jistgħux jinbiegħu għax il-Gvern m`huwiex is-sid proprju ta` l-art.
Leg 9 PQ #15492 Sitting 280 2000-04-10 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew flus il-portraits li saru ta' l-ex-chairman u tad-direttur ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar u li jinsabu mwaħħla fit-tromba tat-taraġ ta' l-uffiċċji ta' l-istess awtorita'? Minn min saru dawn il-portraits? Kif ġie magħżul il-pittur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-portraits li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant swew Lm250 kull wieħed u saru mill-artist Lawrence Buttigieg.