Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien jitħallas id-direttur tal-Malta Arts Festival qabel intemm l-inkarigu tiegħu? Jista’ jinforma lill-Kamra min huma l-persuni li ssosstitweh fl-inkarigu tiegħu u kemm qed jitħallsu individwalment? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra fuq liema attivitajiet dawn il-persuni qed jaħdmu individwalment, fuq liema bażi kienu ingaġġati u jekk saritx sejħa pubblika biex jintgħażlu? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm huwa l-ħlas li qed isir lid-diretturi ta’ Notte Bianca, l-Għanafest, u l-Jazz Festival?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-direttur tal-Malta Arts Festival kien jitħallas Eur11,800 [vat inluza] fis-sena. Għall-Malta Arts Festival 2014 twaqqaf tim magħmul minn Mavin Khoo, Ruben Zahra, Toni Attard u Sigmund Mifsud immexxi miċ-ċermen tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti Albert Marshall. L-ebda membru tat-tim mhu jirċievi ħlas għal dan ix-xogħol u l-programmar qed isir b’mod konġunt.
Il-ħlas għad-diretturi ta’ Notte Bianca, l-Għanafest, u l-Jazz Festival hu ta’ Eur11,800 [vat inluza], Eur5,900 [vat inluza] u Eur5,000 [gross] rispettivament.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hu l-budget allokat għal Għanafest, il-Jazz Festival, l-Arts Festival u n-Notte Bianca għas-snin 2013 u 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Budgettotali allokat għal dawn l-attivitajiet għas-snin 2013 u 2014 huwa kif ġej:
Għanafest: Eur 95,000
Jazz Festival: Eur 285,000
Arts Festival: Eur 750,000
Notte Bianca: Eur 350,000
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-budget għall-Arts Fund din is-sena kienx ridott għal €200,000 kif indikat miċ-ċermen tal-MCCA fl-intervista tiegħu ma’ ‘The Times’ fit-2 ta’ Frar 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-baġit ta’ din is-sena għall-Malta Arts Fund huwa l-istess kif kien fis-sena finanzjarja preċedenti.
Fil-fatt il-baġit tal-Malta Arts Fund għal din is-sena huwa ta’ €330,000 b’allokazzjoni ta’ €230,000 mill-baġit rikorrenti (vot 5527) u €100,000 mill-baġit rikorrenti allokat lill-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura (vot 6032).
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal diversi istituzzjonijiet tal-akbar importanza fil-qasam kulturali ta’ pajjiżna, b’mod partikolari għal-Librerija Nazzjonali, għall-Mużew tal-Arti, u għar-rigward tal-iżvilupp tal-Palazz Presidenzjali ladarba l-Parlament jibda jiffunzjona mill-bini ġdid tiegħu?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi rigward il-Mużew tal-Arti, il-Gvern qiegħed jaħdem fuq il-proġett ‘MUŻA’ fejn il-mużew ser jiċċaqlaq mis-sit preżenti ġewwa Triq Nofs Inhar għall-Berġa tal-Italja ġewwa Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta. Bħalissa hemm miftuħa s-sejħa għall-interess tad-design brief ta’ din il-binja u li tagħlaq nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Frar 2014. Wara li jiġi aġġudikat dan il-brief jibdew il-proċessi għax-xogħlijiet kollha neċessarji.
Dwar il-Palazz Presidenzjali, qed jiġu studjati il-possibilitajiet kollha relatati ma’ dan il-proġett. Intant bħalissa qed isiru xogħlijiet ta’ restawr fuq il-binja u artefatti oħra li jinsabu f’dan is-sit u għaddejjin studji oħra bħal fotometrija li huma relatati mal-konservazzjoni tal-binja.
Rigward il-Librerija Nazzjonali ninforma lill-Onor. Interpellant illi din ma taqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Turiżmu.
San Pawl il-Baħar – Triq ta’ wara l-Knisja tal-Karmnu — xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol ta’ tiswija fuq it-triq magħrufa bħala Ta’ Wara l-Knisja tal-Karmnu, San Pawl il-Baħar, liema triq tibda minn Triq San Pawl, ftit ‘l bogħod mill-uffiċċji tal-istess kunsill?
Response (VELLA, KARMENU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru għat-Turiżmu — xogħlijiet lill-kumpaniji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħataw il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2008 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid ix-xogħol fiex kien jikkonsisti u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'attivitajiet kulturali ġew mitluba sa issa - minn kull wieħed mill-kunsilli lokali li għandna f'Malta u f’Għawdex biex jiġu organizzati din is-sena? Kemm minnhom ġew approvati?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-applikazzjonijiet għall-attivitajiet kulturali li ssottomettew il-Kunsilli Lokali u tabella oħra li turi l-attivitajiet li kienu aċċettati għall-ewwel parti tal-iskema li tkopri sa Frar 2014.
Jista' l-Ministru jindika x’passi u x’linja politika se tittieħed sabiex Wied il-Għajn ikun fil-pjan tal-Ministeru għas-sena kurrenti?
Response (VELLA, KARMENU)
Il-linja politika ta’ dan il-Gvern diga` uriet biċ-ċar illi Wied il-Għajn huwa meqjus bħala parti integrali fil-pjan tal-Ministeru. Fil-formazzjoni tal-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi, Wied il-Għajn ġie identifikat bħala żona turistika u s-sehem tal-istakeholders tal-lokal hu parti integrali mill-formazzjoni ta’ dan il-kumitat li bħalissa qiegħed jaħdem fuq it-tfassil ta’ pjan għal azzjonijiet li għandhom jittieħdu kemm fl-immedjat kif ukoll oħrajn fit-tul.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq Victor Denaro, Msida hux se tingħata wiċċ ġdid ta’ tarmak peress li din it-triq tinsab fi stat ħażin?
Response (VELLA, KARMENU)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imsida li t-triq li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tinsab fi stat tajjeb wara li saret riċentament. Intant infurmat ukoll li l-Kunsill tal-Imsida ser jimbarka fuq eżerċizzju li jidentifika l-istat ta’ kull triq u bankina.
Jista’ l-Ministru jispjega b’mod dettaljat x’inhu l-budget għall-V18 u jista’ l-Ministru jagħti lill-Kamra breakdown dettaljat tad-dħul u nfiq previsti fuq V18 għal din is-sena u l-erba’ snin li ġejjin?
Response (VELLA, KARMENU)
Il-budget maħsub mill-Gvern għaż-żamma ta’ Valletta 2018 ilaħħaq mat-€48 miljun fuq medda ta’ disa’ snin (2012-2020). Dan il-budget kien maqbul mal-Kummissjoni Ewropea u l-kumitat ta’ esperti mwaqqaf minnha. Hekk kif inhu elenkat fil-ktieb ta’ kandidatura sottomess f’Settembru 2012 mill-Fondazzjoni lill-Kumitat ta’ Selezzjoni, it-tqassim tal-ispejjeż tal-Fondazzjoni, u tal-entitajiet kulturali u governattivi li ser ikunu qed isostnu t-tħejjijiet flimkien mal-Fondazzjoni, qed isir bejn tliet oqsma primarji. Dawn huma dawk tal-amministrazzjoni, tal-programmar u tal-komunikazzjoni. Aktar minn nofs l-ispiża totali sejra fuq l-iprogrammar; madwar terz tmur fuq l-amministrazzjoni; filwaqt li bejn 10% u 15% tmur fuq il-komunikazzjoni.
Fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet mill-Gvern li jrid jaħdem mal-komunità, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra liema artisti qed jintgħażlu u fuq liema kriterji, sabiex il-komunitajiet ikunu jistgħu jinkoraġixxu lill- artisti li jaħdmu magħhom jaspiraw għall-ogħla livelli artistiċi possibbli?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma għal attività, parteċipazzjoni u għarfien kulturali mal-komunita’ bi sħab mas-setturi kulturali u kreattivi huma prijorita’ fil-pjan ta’ azzjoni tal-Gvern. Il-fondi pubbliċi eżistenti li permezz tagħhom qed iseħhu għadd ta’ proġetti f’dan il-qasam għandhom linji gwida u kriterji ppubblikati fuq siti elettroniċi. Skont dawn il-kriterji jintgħażlu l-benefiċjarji minn evalwaturi esperti u indipendenti.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jinħatar direttur artistiku għall-V18? Se jkun hemm sejħa pubblika għal din il-kariga u meta?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Direttur Artistiku għal Valletta 2018 se jinħatar fiż-żmien opportun. Kif ser issir l-għażla u meta se jinħatar direttur artistiku , jiġu deċiżi mill-Fondazzjoni Valletta 2018.
Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti – ħatra ta’ CEO
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hux se jinħatar CEO ġdid għall-Kunsill Malti tal-Kultura u l-Arti (MCCA), jekk hux se jkun hemm sejħa pubblika ta’ applikazzjonijiet u meta?
Response (VELLA, KARMENU)
Permezz tal-Kapitlu 444 tal-liġijiet ta’ Malta nħoloq il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kultura. Minn eżami ta’ l-istess att jirriżulta li d-direzzjoni eżekuttiva mhix vestita f’CEO imma f’Direttur Eżekuttiv.
Il-ħatra ta’ Direttur Eżekuttiv ser titħabbar fil-jiem li ġejjin flimkien ma’ direzzjoni ġdida u strateġika għall-istess kunsill. Strateġija intiża sabiex l-istess Kunsill jimplimenta kif imiss il-funzjoni lilu mogħtija mill-istess att.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew ingaġġati nies ġodda mal-MCCA, x’kariga jew funzjoni ingħataw u x’inhu l-ħlas li qed isir lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti ngaġġa żewġ (2) impjegati ġodda. Persuna (1) ġie mpjegat bħala ‘Project Manager’ u huwa intitolat għal salarju massimu fi Skala 7, kif ukoll għandu allowance ta’ karozza ta’ 2,320 Ewro fis-sena. Il-kariga l-oħra hija ta’ xufier għaċ-ċermen u għandu salarju massimu fi Skala 18.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7550 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il cruise liner daħal f'Għawdex matul is-sena 2013 u kemm-il passiġġier kien hemm fuq dawn il-cruise liners? Jista' jgħid kemm hemm cruise liners konfermati li se jagħmlu waqfa f'Għawdex matul is-sena 2014?
Response (VELLA, KARMENU)
Skont informazzjoni ippubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatisika in-numru ta’ passiġġiera fuq cruise liners li żaru l-gżira ta’ Għawdex matul is-sena 2013 jammonta għal 2,482.
Statistika dwar in-numru ta’ cruise liners li jidħlu f’Għawdex ma tinġabarx. Pero’ minn informazzjoni li tinġabar mingħand operaturi jidher li fl-2013 daħlu (13) tlettax-il cruise liner u din is-sena huma maħsuba li jidħlu (17) sbatax.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Kunsill Lokali tax-Xagħra f'Għawdex fuq bini u/jew tiswija ta' bankini u culverts kull sena fis-snin 2011, 2012 u 2013? Liema kuntrattur għamel dawn ix-xogħlijiet u jekk ix-xogħlijiet ingħatawx b'tender, wara sejħa għall-kwotazzjonijiet jew b'direct order?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7322, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-emendi neċessarji mhux se jsiru fil-ħin biex żgħażagħ li għalqu s-16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw din is-sena fl-elezzjonijiet tal-kumitati amministrattivi li se jsiru f’16-il lokalità ?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara sensiela ta’ laqgħat li s-Segretarjat kellu mal-awtoritajiet u l-għaqdiet taż-żgħażagħ inħasset il-ħtieġa li qabel ma tidħol fis-seħħ l-emenda li tagħti id-dritt tal-vot liż-żghażagh ta’ sittax-il sena għandu jkun hemm kampanja ta’ tagħlim u edukazzjoni liż-żgħażagħ li jkunu se jivvutaw għall-ewwel darba. Għalhekk, kien hemm qbil bejn kulħadd li din l-emenda għandha tidħol fis-seħħ fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li se jsiru f’Marzu tas-sena 2015.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar b'kemm hu permissibbli li jinqabeż il-budget li jkun approvat għal xi kunsill lokali partikulari? X'passi jieħu d-dipartiment meta kunsill lokali partikolari jaqbeż il-budget li jkollu allokat għalih?
Response (VELLA, KARMENU)
Qed nassumi illi l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-allokazzjoni finanzjarja li kull Kunsill Lokali jingħata mill-Gvern Ċentrali.
Kull Kunsill Lokali jħejji l-Budget (i.e. l-Estimi Finanzjarji) tiegħu skont l-allokazzjoni li jkun ingħata. Għalkemm Kunsill jista’ jonfoq aktar milli jdaħħal f’xi sena partikulari (i.e. il-ħruġ fuq id-dħul), fl-ebda ħin ma jista’ jkolli shortfall fil-working capital tiegħu, jiġifieri bejn it-total tal-assi kurrenti (current assets) kollha u t-total tal-rbit kurrenti (current liabilities) kollha. Anzi, Kunsill huwa obbligat li jżomm għaxra fil-mija (10%) bilanċ pożittiv sakemm ma jkollux eżenzjoni biex jagħmel dan.
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun speċifiku jekk jixtieq aktar dettalji dwar xi Kunsill Lokali partikolari.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu maħsub li se jkun hemm programmi ta' għajnuna għal attivitajiet kulturali li se jkunu organizzati mill-kunsilli lokali matul din is-sena? Meta se jinħarġu s-sejħiet għal dawn l-applikazzjonijiet?
Response (VELLA, KARMENU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa ħarġet f’Ottubru 2013 għall-attivitajiet li se jsiru minn Diċembru 2013 sa Diċembru 2014 u se jitqassmu madwar mitejn u ħamsin elf Ewro (€250,000). Hu ppjanat li tinħareġ sejħa simili f’Ottubru 2014 għall-attivitajiet minn Diċembru 2014 sa Diċembru 2015.